LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bi12 Żakkarija 1:1-14:21
  • Żakkarija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żakkarija
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Żakkarija

Żakkarija*

1 Fit-tmien xahar fit-​tieni sena taʼ Darju+ l-​kelma taʼ Ġeħova ġiet għand Żakkarija,+ bin Berekija, bin Iddo,+ il-​profeta, tgħid: 2 “Ġeħova tgħaddab ferm għal missirijietkom.+

3 “Għidilhom, ‘Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati: “‘Erġgħu lura lejja,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati,* ‘u jien nerġaʼ lura lejkom,’+ qal Ġeħova taʼ l-​armati.”’

4 “‘Issirux bħal missirijietkom+ li l-​profeti taʼ qabel sejħulhom+ u qalulhom: “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Erġgħu lura, jekk jogħġobkom, minn triqatkom il-​ħżiena u mill-​għemejjel ħżiena tagħkom.’”’+

“‘Imma huma ma semgħux, u ma tawx kasi,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.

5 “‘Fejn huma missirijietkom?+ U l-​profeti+ baqgħu jgħixu għal dejjem? 6 Madankollu, kliemi u r-​regolamenti tiegħi li jien ikkmandajt lill-​qaddejja tiegħi, il-​profeti,+ ma laħqux huma lil missirijietkom?’+ Għalhekk, darilhom u qalu: ‘Skond dak li Ġeħova taʼ l-​armati kellu f’moħħu li jagħmlilna,+ skond triqatna u skond l-​għemejjel tagħna, hekk għamlilna.’”+

7 Fl-erbgħa u għoxrin jum tal-​ħdax-il xahar, jiġifieri, ix-​xahar taʼ Xebat, fit-​tieni sena taʼ Darju,+ il-​kelma taʼ Ġeħova ġiet għand Żakkarija,+ bin Berekija, bin Iddo,+ il-​profeta, tgħid: 8 “Bil-​lejl jien ħarist, u rajt raġel+ riekeb fuq żiemel aħmar,+ u kien wieqaf qalb is-​siġar tar-​riħan+ fil-​post fond; u warajh kien hemm żwiemel ħomor, ħomor nar, u bojod.”+

9 Għalhekk, jien għedt: “Min huma dawn, sidi?”+

Għal dan, l-​anġlu li kien qed ikellimni qalli:+ “Jien se nurik dawn min huma.”

10 Imbagħad ir-​raġel li kien wieqaf qalb is-​siġar tar-​riħan wieġeb u qal: “Dawn huma dawk li Ġeħova bagħathom iduru l-​art.”+ 11 U huma wieġbu lill-​anġlu taʼ Ġeħova li kien wieqaf qalb is-​siġar tar-​riħan u qalu: “Aħna dorna l-​art,+ u, ara, l-​art kollha tinsab fil-​kwiet u m’għandha ebda tfixkil.”+

12 Għalhekk, l-​anġlu taʼ Ġeħova wieġeb u qal: “O Ġeħova taʼ l-​armati, kemm se ddum ma turi ħniena maʼ Ġerusalemm u mal-​bliet taʼ Ġuda,+ li lilhom int ikkundannajt għal dawn is-​sebgħin sena?”+

13 U Ġeħova wieġeb lill-​anġlu li kien qed ikellimni, bi kliem tajjeb, kliem taʼ faraġ;+ 14 u l-​anġlu li kien qed ikellimni qalli: “Għajjat u għid, ‘Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati: “Jien kont għajjur għal Ġerusalemm u għal Sijon b’għira kbira.+ 15 B’għadab kbir inħossni mgħaddab kontra l-​ġnus li huma fil-​kwiet;+ għax jien, min-​naħa tiegħi, ftit biss kont mgħaddab,+ imma huma, min-​naħa tagħhom, żiedu l-​gwaj.”’+

16 “Għaldaqstant, hekk qal Ġeħova, ‘“Jien se nerġaʼ lura lejn Ġerusalemm bil-​ħniniet.+ Dari stess se tinbena fiha,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati, “u l-​ħabel tal-​kejl se jinfirex fuq Ġerusalemm.”’+

17 “Għajjat iktar u għid, ‘Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati: “Il-​bliet tiegħi jerġgħu jfuru bi tjubiti;+ u Ġeħova jerġaʼ jiddispjaċih minħabba Sijon+ u jerġaʼ jagħżel lil Ġerusalemm.”’”+

18 U jien erfajt għajnejja u ħarist; u, ara, kien hemm erbat iqrun.*+ 19 Għalhekk, jien għedt lill-​anġlu li kien qed ikellimni: “X’inhuma dawn?” Imbagħad hu qalli: “Dawn huma l-​qrun li xerrdu lil Ġuda,+ lil Israel+ u lil Ġerusalemm.”+

20 Iktar minn hekk, Ġeħova wrieni erbat irġiel tas-​sengħa. 21 Għal dan, jien għedt: “Dawn x’ġejjin jagħmlu?”

U hu qal: “Dawn huma l-​qrun+ li xerrdu lil Ġuda sal-​punt li ħadd m’għolla rasu; u l-​oħrajn ġejjin biex iġegħluhom jitriegħdu, biex iwaqqgħu l-​qrun tal-​ġnus li qed jerfgħu qarn kontra l-​art taʼ Ġuda, sabiex ixerrduha.”+

2 U jien erfajt għajnejja u ħarist; u, ara, kien hemm raġel b’ħabel tal-​kejl f’idu.+ 2 Għalhekk, jien għedt: “Fejn sejjer?”

U qalli: “Sejjer inkejjel lil Ġerusalemm, sabiex nara x’inhi l-​wisaʼ tagħha u x’inhu t-​tul tagħha.”+

3 U l-​anġlu li kien qed ikellimni telaq minn ħdejja, u kien hemm anġlu ieħor li ġie biex jiltaqaʼ miegħu. 4 Imbagħad qallu: “Iġri, kellem liż-​żagħżugħ hemmhekk, u għidlu: ‘“Ġerusalemm se tkun abitata+ bħal pajjiż fil-​kampanja miftuħa, minħabba l-​kotra taʼ bnedmin u annimali domestiċi f’nofsha.+ 5 U nsir għaliha,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “ħajt tan-​nar dawramejt,+ u nimlieha bil-​glorja tiegħi.”’”+

6 “Isa! Isa! Aħarbu mill-​pajjiż tat-​tramuntana,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.

“Għax xerridtkom maʼ kullimkien fid-​direzzjoni taʼ l-​erbat irjieħ tas-​smewwiet,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.

7 “Isa, Sijon!+ Aħrab, int li qed tgħammar maʼ bint Babilonja.+ 8 Għax hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Wara ż-​żmien tal-​glorja+ tiegħu bagħatni għand il-​ġnus li kienu qed iħarbtukom.’+ ‘Għax dak li qed imisskom+ qed imiss il-​mimmi t’għajnejja.*+ 9 Ara, qed inxejjer idi kontrihom,+ u se jkollhom isiru priża għall-​ilsiera tagħhom.’+ U intom se tkunu tafu li Ġeħova taʼ l-​armati bagħatni.+

10 “Għajjat kemm tiflaħ u ifraħ, O bint Sijon;+ għax ġej,+ u se ngħammar f’nofsok,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. 11 “U ħafna ġnus se jintrabtu maʼ Ġeħova f’dak il-​jum,+ u huma jsiru l-​poplu tiegħi;+ u jien se ngħammar f’nofsok.” U se jkollok tkun taf li Ġeħova taʼ l-​armati bagħatni għandek.+ 12 U Ġeħova se jieħu lil Ġuda f’idejh bħala sehmu fuq l-​art qaddisa,+ u jerġaʼ jagħżel lil Ġerusalemm.+ 13 Isktu, bnedmin kollha, quddiem Ġeħova,+ għax hu qam+ mill-​post qaddis fejn jgħammar.+

3 U wrieni lil Ġożwè+ l-​qassis il-​kbir bil-​wieqfa quddiem l-​anġlu taʼ Ġeħova, u Satana*+ bil-​wieqfa fuq lemintu biex jopponih.+ 2 Imbagħad l-​anġlu+ taʼ Ġeħova qal lil Satana: “Ġeħova jċanfrek,+ Satana, iva, Ġeħova jċanfrek, dak li qed jagħżel lil Ġerusalemm!+ Jaqaw dan m’huwiex zokk maħtuf minn ġon-​nar?”+

3 Issa Ġożwè kien liebes ilbies maħmuġ+ u kien bil-​wieqfa quddiem l-​anġlu. 4 Imbagħad wieġeb u qal lil dawk li kienu bil-​wieqfa quddiemu: “Neħħu l-​ilbies maħmuġ minn fuqu.” U kompla jgħidlu: “Ara, jien neħħejt l-​iżball tiegħek minn fuqek,+ u hemm ilbies ċerimonjali għalik.”+

5 Għal dan, jien għedt: “Ħa jpoġġu turbant nadif fuq rasu.”+ U huma poġġew it-​turbant nadif fuq rasu u libbsuh il-​ħwejjeġ; u l-​anġlu taʼ Ġeħova kien bil-​wieqfa fil-​qrib. 6 U l-​anġlu taʼ Ġeħova beda jħeġġeġ lil Ġożwè, billi jgħid: 7 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Jekk timxi fi triqati, u jekk tħares l-​obbligu tiegħek lejja,+ imbagħad ukoll se tkun int li tiġġudika lid-​dar tiegħi+ u tħares ukoll il-​btieħi tiegħi; u jien inħallik tidħol fost dawn li qegħdin bil-​wieqfa fil-​qrib.’

8 “‘Ismaʼ, jekk jogħġbok, O Ġożwè l-​qassis il-​kbir, int u sħabek bil-​qiegħda quddiemek, għax huma rġiel li jservu bħala sinjal;+ għax se nġib lill-​qaddej tiegħi+ Rimja!+ 9 Għax, ara, il-​ġebla+ li jien poġġejt quddiem Ġożwè! Fuq din il-​ġebla waħda hemm sebaʼ għajnejn.+ Ara, qed innaqqax it-​tinqix tagħha,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati, ‘u se nneħħi l-​iżball taʼ dik l-​art f’jum wieħed.’+

10 “‘F’dak il-​jum,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati, ‘kull wieħed minnkom se jsejjaħ lill-​ieħor, waqt li tkunu taħt id-​dielja u waqt li tkunu taħt is-​siġra tat-​tin.’”+

4 U l-​anġlu li kien qed ikellimni ġie lura u qajjimni, bħal raġel imqajjem mill-​irqad tiegħu.+ 2 Imbagħad qalli: “X’qed tara?”+

Għalhekk, għedt: “Jien ħarist, u, ara, hemm gandlier, kollu kemm hu tad-​deheb,+ u għandu skutella fuqu. U s-​sebaʼ msiebaħ tiegħu qegħdin fuqu, iva, sebgħa;+ u l-​imsiebaħ taʼ fuqu għandhom sebaʼ kanen irqaq. 3 U hemm żewġ siġriet taż-​żebbuġ maġenbu,+ waħda fuq il-​lemin u l-​oħra fuq ix-​xellug taʼ l-​iskutella.”

4 Imbagħad wiġibt u għedt lill-​anġlu li kien qed ikellimni: “Dawn l-​affarijiet xi jfissru, sidi?”+ 5 Għalhekk, l-​anġlu li kien qed ikellimni wieġeb u qalli: “Tassew li ma tafx xi jfissru dawn l-​affarijiet?”

Għal dan, għedt: “Le, sidi.”+

6 Għaldaqstant, hu wieġeb u qalli: “Din hija l-​kelma taʼ Ġeħova lil Żerubbabel, li tgħid, ‘“Mhux b’qawwa militari,+ lanqas b’xi setgħa,+ imma bl-​ispirtu tiegħi,”+ qal Ġeħova taʼ l-​armati. 7 Min int, O muntanja kbira?+ Quddiem Żerubbabel+ int se ssir wita. U hu jġib il-​ġebla taʼ fuqnett,+ u se jinstemaʼ għajat+ taʼ: “Xi ġmiel! Xi ġmiel!”’”+

8 U l-​kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi, tgħid: 9 “Idejn Żerubbabel qiegħdu l-​pedament taʼ din id-​dar,+ u idejh ilestuha.”+ U se jkollkom tkunu tafu li Ġeħova taʼ l-​armati bagħatni għandkom.+ 10 “Għax min stmerr il-​jum t’affarijiet żgħar?+ Huma se jifirħu+ u jaraw iċ-​ċomb tal-​bennejja f’id Żerubbabel. Dawn is-​sebgħa huma għajnejn Ġeħova.+ Qed jiġru maʼ l-​art kollha.”+

11 U jien wiġibt u għedtlu: “Dawn iż-​żewġ siġriet taż-​żebbuġ fuq il-​lemin u fuq ix-​xellug tal-​gandlier xi jfissru?”+ 12 Imbagħad jien wiġibt it-​tieni darba u għedtlu: “X’inhuma l-​friegħi taż-​żewġ siġriet taż-​żebbuġ li, permezz taż-​żewġ żennuniet tad-​deheb, qed iferrgħu minn ġo fihom il-​likwidu tad-​deheb?”

13 Għalhekk, qalli: “Tassew li ma tafx xi jfissru dawn l-​affarijiet?”

Għal dan, għedt: “Le, sidi.”+

14 Għaldaqstant qalli: “Dawn huma ż-​żewġ midlukin+ li qegħdin bil-​wieqfa maġenb il-​Mulej taʼ l-​art kollha.”+

5 Imbagħad erġajt erfajt għajnejja u ħarist; u rajt romblu+ jtir. 2 Għalhekk, qalli: “X’qed tara?”+

Għal dan, għedt: “Qed nara romblu jtir, b’tul t’għoxrin kubitu, u b’wisaʼ t’għaxar kubiti.”

3 Imbagħad qalli: “Din hi s-​saħta li ħierġa fuq wiċċ l-​art kollha,+ għax kulmin qed jisraq,+ skond kif imsemmi fis-​saħta fuq din in-​naħa tar-​romblu, s’issa nħeles mill-​kastig; u kulmin qed jaħlef,+ skond kif imsemmi fis-​saħta fuq in-​naħa l-​oħra,+ s’issa nħeles mill-​kastig. 4 ‘Jien ħriġtha,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati, ‘u din trid tidħol f’dar il-​ħalliel u f’dar min qed jaħlef falz f’ismi;+ u trid tgħammar f’nofs daru u teqridha għalkollox bl-​injam u l-​ġebel tagħha wkoll.’”+

5 Imbagħad l-​anġlu li kien qed ikellimni resaq lejja u qalli: “Erfaʼ għajnejk, jekk jogħġbok, u ara x’inhu dan li ħiereġ.”

6 Għalhekk, jien għedt: “X’inhu?”

Qalli: “Dan li ħiereġ hu l-​kejl t’efa.” U kompla jgħid: “Dan hu kif jidhru fl-​art kollha.” 7 U, ara, l-​għatu tond taċ-​ċomb tgħolla; u kien hemm ċerta mara bil-​qiegħda f’nofs l-​efa. 8 Għalhekk, qal: “Din hi l-​Ħażen.” U hu tefagħha lura f’nofs l-​efa,+ u wara dan tefaʼ l-​biċċa ċomb tqila fuq fomm l-​efa.

9 Imbagħad erfajt għajnejja u ħarist, u kien hemm żewġ nisa resqin, u fi ġwinħajhom kien hemm ir-​riħ. U kellhom ġwienaħ bħall-​ġwienaħ taċ-​ċikonja. U huma refgħu l-​efa ’l fuq bejn l-​art u s-​smewwiet. 10 Għalhekk, jien għedt lill-​anġlu li kien qed ikellimni: “Fejn qed jiħduha l-​efa?”

11 Għal dan, qalli: “Sabiex jibnulha+ dar fl-​art tas-​Sinar;+ u tkun stabbilita fis-​sod, u titqiegħed fil-​post xieraq tagħha.”

6 Imbagħad erġajt erfajt għajnejja u ħarist; u, ara, kien hemm erbaʼ karrijiet ġejjin minn bejn żewġ muntanji, u l-​muntanji kienu muntanji tar-​ram aħmar. 2 Fl-ewwel karru kien hemm żwiemel ħomor;+ u fit-​tieni karru, żwiemel suwed.+ 3 Fit-tielet karru kien hemm żwiemel bojod;+ u fir-​rabaʼ karru, żwiemel imnaqqxin, imżewqin.+

4 U wiġibt u għedt lill-​anġlu li kien qed ikellimni: “X’inhuma dawn, sidi?”+

5 Għalhekk, l-​anġlu wieġeb u qalli: “Dawn huma l-​erbaʼ spirti+ tas-​smewwiet li ħerġin+ wara li dehru quddiem il-​Mulej+ taʼ l-​art kollha.+ 6 Inkwantu għall-​karru biż-​żwiemel suwed, dawn sejrin lejn il-​pajjiż tat-​tramuntana;+ u l-​bojod imorru wara l-​baħar; u l-​imnaqqxin imorru lejn il-​pajjiż tan-​nofsinhar.+ 7 U l-​imżewqin+ imorru u jibqgħu jfittxu fejn imorru, sabiex iduru l-​art.”+ Imbagħad qalilhom: “Morru, duru l-​art.” U huma bdew iduru l-​art.

8 U hu għajjatli u kellimni, u qalli: “Ara, dawk li sejrin lejn il-​pajjiż tat-​tramuntana huma dawk li jserrħu l-​ispirtu+ taʼ Ġeħova fil-​pajjiż tat-​tramuntana.”+

9 U l-​kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għandi, tgħid: 10 “Ħa tittieħed xi ħaġa mingħand il-​poplu eżiljat,+ saħansitra mingħand Ħeldaj u mingħand Tobijah u mingħand Ġedaja; u int stess tiġi f’dak il-​jum, u tidħol fid-​dar taʼ Ġosija bin Sofonija+ maʼ dawn li ġew minn Babilonja. 11 U tieħu fidda u deheb u tagħmel kuruna grandjuża+ u tpoġġiha fuq ras Ġożwè+ bin Ġeħosadak il-​qassis il-​kbir. 12 U trid tgħidlu,

“‘Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati: “Hawn hu r-​raġel+ li jismu Rimja.+ U minn postu stess se jarmi, u hu żgur se jibni t-​tempju taʼ Ġeħova.+ 13 Hu stess se jibni t-​tempju taʼ Ġeħova, u se jġorr id-​dinjità;+ u joqgħod bil-​qiegħda u jaħkem fuq it-​tron tiegħu, u jsir qassis fuq it-​tron tiegħu,+ u se jkun hemm armonija+ bejn iż-​żewġ karigi. 14 U l-​kuruna grandjuża se tibqaʼ fit-​tempju taʼ Ġeħova bħala tifkira+ taʼ Ħelem, Tobijah, Ġedaja,+ u Ħen bin Sofonija. 15 U dawk fil-​bogħod se jiġu u jieħdu sehem fil-​bini tat-​tempju taʼ Ġeħova.”+ U intom se jkollkom tkunu tafu li Ġeħova taʼ l-​armati bagħatni għandkom.+ U dan irid iseħħ—jekk ma tonqsux li tisimgħu minn leħen Ġeħova Alla tagħkom.’”+

7 Iktar minn hekk, ġara li fir-​rabaʼ sena tas-​Sultan Darju+ l-​kelma taʼ Ġeħova ġiet għand Żakkarija, fir-​rabaʼ jum tad-​disaʼ xahar, jiġifieri, f’Kislew.+ 2 U Betel bagħtet lil Sareser u lil Regem-melek u lill-​irġiel tiegħu biex ifittxu l-​approvazzjoni* taʼ Ġeħova,+ 3 billi jgħidu lill-​qassisin+ tad-​dar taʼ Ġeħova taʼ l-​armati u lill-​profeti, iva, jgħidulhom: “Għandi nibki jien fil-​ħames+ xahar u ma nikolx, bħalma dejjem għamilt għal ħafna snin?”+

4 U l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati kompliet tiġi għandi, tgħid: 5 “Għid lin-​nies kollha tal-​pajjiż u lill-​qassisin, ‘Meta somtu+ u kien hemm il-​biki fil-​ħames xahar u fis-​sebaʼ xahar,+ u dan għal sebgħin sena,+ verament somtu għalija, iva, għalija?+ 6 U meta kiltu u meta xrobtu, mhux intom kontu qed tieklu, u mhux intom kontu qed tixorbu? 7 M’għandkomx tobdu l-​kliem+ li Ġeħova qal permezz tal-​profeti taʼ qabel,+ waqt li Ġerusalemm kienet abitata u fil-​kwiet, bi blietha madwarha, u waqt li n-​Negeb+ u s-​Sefela+ kienu abitati?’”

8 U l-​kelma taʼ Ġeħova kompliet tiġi għand Żakkarija, tgħid: 9 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Iġġudikaw bil-​ġustizzja vera;+ u pprattikaw il-​ħniniet+ u l-​qalb tajba bl-​imħabba+ maʼ xulxin; 10 u timbroljaw lil ebda armla+ jew tifel bla missier,+ ebda resident barrani+ jew bniedem magħkus,+ u tfasslu xejn ħażin kontra xulxin fi qlubkom.’+ 11 Imma huma baqgħu jirrifjutaw li jagħtu kas,+ u b’mod stinat baqgħu jagħtu daharhom,*+ u saddew widnejhom biex ma jisimgħux.+ 12 U webbsu qalbhom+ daqs l-​iktar ħaġra iebsa* biex ma jobdux il-​liġi+ u l-​kliem li Ġeħova taʼ l-​armati bagħat bl-​ispirtu tiegħu,+ permezz tal-​profeti taʼ qabel;+ tant li kien hemm għadab kbir min-​naħa taʼ Ġeħova taʼ l-​armati.”+

13 “‘U ġara li, bħalma hu sejjaħ u huma ma semgħux,+ hekk huma sejħu u jien ma smajtx,’+ qal Ġeħova taʼ l-​armati. 14 ‘U jien xerridthom b’qilla taʼ tempesta mal-​ġnus kollha+ li ma kinux jafuhom;+ u l-​art tħalliet abbandunata warajhom, mingħajr ma ħadd jgħaddi minnha u ħadd ma jiġi lura;+ u l-​art mixtieqa+ huma għamluha oġġett taʼ stagħġib.’”

8 U l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati kompliet tiġi għandi, tgħid: 2 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati,+ ‘Se nkun għajjur għal Sijon b’għira kbira,+ u b’korla kbira+ se nkun għajjur għaliha.’”

3 “Hekk qal Ġeħova, ‘Se niġi lura għand Sijon+ u ngħammar f’nofs Ġerusalemm;+ u Ġerusalemm se tissejjaħ il-​belt tal-​verità,+ u l-​muntanja taʼ Ġeħova+ taʼ l-​armati, il-​muntanja qaddisa.’”+

4 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Irġiel u nisa xjuħ għad iridu joqogħdu bil-​qiegħda fil-​pjazez taʼ Ġerusalemm,+ kull wieħed bil-​bastun tiegħu+ f’idu minħabba l-​abbundanza taʼ jiemu. 5 U l-​pjazez tal-​belt se jkunu mimlijin subien u bniet jilagħbu fil-​pjazez tagħha.’”+

6 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Għalkemm ikun jidher diffiċli wisq f’għajnejn dawk li jifdal minn dan il-​poplu f’dawk il-​jiem, għandu jidher diffiċli wisq ukoll f’għajnejja?’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati.”

7 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Ara, se nsalva lill-​poplu tiegħi mill-​art taʼ tlugħ ix-​xemx u mill-​art taʼ nżul ix-​xemx.+ 8 Inġibhom, u jgħammru f’nofs Ġerusalemm;+ u jsiru l-​poplu tiegħi,+ u jien insir Alla tagħhom li jaġixxi fi qbil mal-​verità u s-​sewwa.’”+

9 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Ħa jissaħħu idejkom,+ intom li f’dawn il-​jiem qed tisimgħu dan il-​kliem minn fomm il-​profeti,+ li ntqal dakinhar li tqiegħed il-​pedament tad-​dar taʼ Ġeħova taʼ l-​armati, biex jinbena t-​tempju.+ 10 Għax qabel dawk il-​jiem ma kienx hemm ħlas għall-​bnedmin;+ u lanqas ħlas għall-​annimali domestiċi ma kien hemm; u minħabba l-​avversarju ma kienx hemm paċi għal dak li jivvjaġġa,+ hekk kif bqajt nixħet lill-​bnedmin kollha kontra xulxin.’+

11 “‘U issa m’iniex se nkun bħal fil-​jiem taʼ qabel għal dawk li fadal minn dan il-​poplu,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati. 12 ‘Għax se jkun hemm iż-​żerriegħa tal-​paċi;+ id-​dielja se tagħti l-​frott tagħha,+ u l-​art se tagħti l-​prodott tagħha,+ u s-​smewwiet se jagħtu n-​nida tagħhom;+ u lil dawk li fadal+ minn dan il-​poplu se nagħtihom li jirtu dawn l-​affarijiet kollha.+ 13 U jrid iseħħ li bħalma intom sirtu saħta fost il-​ġnus,+ O dar Ġuda u dar Israel,+ hekk se nsalvakom, u tridu ssiru barka.+ Tibżgħux.+ Jalla jissaħħu idejkom.’+

14 “Għax hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘“Bħalma kelli f’moħħi li nġib il-​gwaj fuqkom minħabba li missirijietkom inkorlawni,”+ qal Ġeħova taʼ l-​armati, “u ma ddispjaċinix,+ 15 hekk se jerġaʼ jkolli f’moħħi f’dawn il-​jiem li nittratta tajjeb maʼ Ġerusalemm u mad-​dar taʼ Ġuda.+ Tibżgħux.”’+

16 “‘Dawn huma l-​affarijiet li għandkom tagħmlu:+ Tkellmu bil-​verità maʼ xulxin.+ Bil-​verità u bil-​ġudizzju tal-​paċi ġġudikaw f’bieb il-​belt.+ 17 U tfasslux gwaj kontra xulxin fi qlubkom,+ u tħobbux il-​ħalf falz;+ għax dawn kollha huma affarijiet li jien bgħadthom,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.”

18 U l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati kompliet tiġi għandi, tgħid: 19 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Is-​sawma tar-​rabaʼ xahar,+ u s-​sawma tal-​ħames xahar,+ u s-​sawma tas-​sebaʼ xahar,+ u s-​sawma taʼ l-​għaxar xahar+ se jsiru ferħ kbir u thennija u staġuni tajbin tal-​festi għad-​dar taʼ Ġuda.+ Għalhekk, ħobbu l-​verità u l-​paċi.’+

20 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Għad iseħħ li jiġu l-​popli u l-​abitanti taʼ ħafna bliet;+ 21 u l-​abitanti taʼ belt waħda se jmorru għand dawk t’oħra, jgħidu: “Ħa mmorru+ bil-​ħeġġa biex infittxu l-​approvazzjoni+ taʼ Ġeħova u nfittxu lil Ġeħova taʼ l-​armati. Jien stess se mmur ukoll.”+ 22 U ħafna popli u ġnus setgħanin se jiġu biex ifittxu lil Ġeħova taʼ l-​armati f’Ġerusalemm+ u biex ifittxu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.’

23 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Għad iseħħ f’dawk il-​jiem li għaxart irġiel mill-​ilsna kollha tal-​ġnus+ se jaqbdu,+ iva, se jaqbdu tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi,+ u jgħidu: “Aħna se niġu magħkom,+ għax smajna li Alla magħkom.”’”+

9 Dikjarazzjoni:+

“Il-​kelma taʼ Ġeħova hi kontra l-​art taʼ Ħadrak, u f’Damasku+ tistrieħ; għax għajnejn Ġeħova huma fuq il-​bniedem+ u fuq it-​tribujiet kollha taʼ Israel; 2 u kontra Ħamat,+ li tmiss magħha; u kontra Tir+ u Sidon,+ għax huma għorrief ferm.+ 3 U Tir bniet sur għaliha, u geddset fidda bħat-​trab u deheb bħat-​tajn tat-​toroq.+ 4 Ara! Ġeħova se jiħdilha li għandha, u l-​qawwa militari tagħha jwaddabha fil-​baħar;+ u min-​nar se tinbelaʼ.+ 5 Askelon se tara u tibżaʼ; u Gaża wkoll se tħoss uġigħ kbir ħafna; Għekron+ ukoll, għax dik li hi ħarset lejha bħala t-​tama tagħha+ se jkollha ġġarrab mistħija. U sultan se jgħib minn Gaża, u Askelon ma tkunx abitata.+ 6 Iben illeġittimu+ se jsib postu f’Asdod,+ u jien ċertament li se nqaċċat il-​kburija tal-​Filisti.+ 7 U se nneħħi l-​affarijiet tiegħu mtebbgħin bid-​demm minn ħalqu u l-​affarijiet moqżieża tiegħu minn bejn snienu,+ u hu wkoll se jitħalla jibqaʼ għal Alla tagħna; u jrid isir bħal xejikk+ f’Ġuda,+ u Għekron bħall-​Ġebusi.+ 8 U jien se nikkampja bħala għassies għal dari,+ sabiex ma jkun hemm ħadd li jgħaddi minn hemmhekk u ħadd li jiġi lura; u mhux se jgħaddi iktar minn ġo nofshom xi kap li jimponi x-​xogħol,+ għax issa jien rajt dan b’għajnejja.+

9 “Kun ferħana ferm, O bint Sijon.+ Għajjat bil-​ferħ taʼ rebħa,+ O bint Ġerusalemm. Ara! Is-​sultan tiegħek+ jiġi għandek.+ Hu ġust, iva, salvat;+ umli,+ u riekeb fuq ħmar, saħansitra fuq wild taʼ ħmara.+ 10 U se nqaċċat il-​karrijiet tal-​gwerra minn Efrajm u ż-​żwiemel minn Ġerusalemm.+ U l-​qwas tal-​battalja+ għandhom jitqaċċtu ’l barra. U hu se jkellem lill-​ġnus dwar il-​paċi;+ u l-​ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar u mix-​Xmara* sa truf l-​art.+

11 “U int ukoll, O mara, bid-​demm tal-​patt tiegħek+ se nibgħat lill-​priġunieri tiegħek+ ’il barra mill-​ħofra li ma fihiex ilma.

12 “Ejjew lura lejn il-​fortizza,+ intom il-​priġunieri li għandkom tama.+

“Ukoll, illum qed ngħidlek, ‘Jien se rroddlok lura, O mara, sehem doppju.+ 13 Għax se nħejji lil Ġuda bħala l-​qaws tiegħi. Nimla l-​qaws b’Efrajm, u nqajjem lil uliedek,+ O Sijon, kontra wliedek, O Greċja,+ u se nagħmlek bħas-​sejf taʼ raġel setgħan.’+ 14 U Ġeħova se jidher fuqhom,+ u l-​vleġġa tiegħu se toħroġ bħal sajjetta.+ U l-​Mulej Sovran Ġeħova se jdoqq il-​qarn,+ u jmur maʼ l-​irwiefen tan-​nofsinhar.+ 15 Ġeħova taʼ l-​armati se jiddefendihom, u huma se jibilgħu+ u jrażżnu l-​ġebel taʼ l-​iżbandola. Se jixorbu+—se jkunu storbjużi—bħallikieku kien hemm l-​inbid; u se jimtlew bħall-​iskutella, bħall-​kantunieri taʼ l-​artal.+

16 “U Ġeħova Alla tagħhom se jsalvahom+ f’dak il-​jum bħall-​merħla tal-​poplu tiegħu;+ għax se jkunu jleqqu bħall-​ħaġar taʼ dijadema fuq artu.+ 17 Għax O kemm hi kbira tjubitu,+ u kemm hi kbira sbuħitu!+ Il-​qmuħ isaħħu lill-​ġuvintur, u l-​inbid ġdid lix-​xebbiet.”+

10 “Itolbu lil Ġeħova għax-​xita+ fi żmien ix-​xita tar-​rebbiegħa,+ iva, lil Ġeħova li jagħmel is-​sħab tal-​maltempati+ u li jagħti xita bil-​qliel lill-​bnedmin,+ il-​ħxejjex taʼ l-​għalqa lil kull wieħed.+ 2 Għax it-​terafim*+ qalu kliem li ġej minn qawwiet mill-​agħar; u dawk li jeħbru raw viżjonijiet foloz,+ u dwar ħolm bla siwi jibqgħu jitkellmu, u għalxejn jipprovaw ifarrġu.+ Huwa għalhekk li n-​nies se jitilqu bħal merħla;+ se jinħaqru, għax m’hemmx ragħaj.+

3 “Kontra r-​rgħajja xegħlet ir-​rabja tiegħi,+ u mill-​mexxejja bħal mogħoż+ se nitlob kont;+ għax Ġeħova taʼ l-​armati dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​merħla tiegħu,+ id-​dar taʼ Ġuda, u għamilha bħaż-​żiemel+ dinjituż tiegħu fil-​battalja. 4 Minnha joħroġ ir-​raġel ewlieni,+ minnha joħroġ il-​ħakkiem li jappoġġa,+ minnha joħroġ il-​qaws tal-​battalja;+ minnha joħroġ kull kap li jagħti x-​xogħol,+ kollha flimkien. 5 U jridu jsiru bħal irġiel setgħanin+ li jgħaffġu fit-​tajn tat-​toroq fil-​battalja.+ U jridu jitqabdu fil-​battalja, għax Ġeħova magħhom;+ u r-​rikkieba taż-​żwiemel se jkollhom iġarrbu mistħija.+ 6 U nagħmel lid-​dar taʼ Ġuda superjuri, u nsalva lid-​dar taʼ Ġużeppi.+ U nagħtihom fejn jgħammru, għax se nurihom ħniena;+ u jsiru qishom nies li ma kontx warrabthom;+ għax jien Ġeħova Alla tagħhom, u nwiġibhom.+ 7 U dawk t’Efrajm isiru bħal irġiel setgħanin,+ u qalbhom tifraħ bħallikieku bl-​inbid.+ U wliedhom stess se jaraw u jifirħu;+ qalbhom se tithenna b’Ġeħova.+

8 “‘Jien se nsaffrilhom+ u niġborhom flimkien; għax żgur li nifdihom,+ u jsiru ħafna, bħal dawk li saru ħafna.+ 9 U se nxerridhom bħal żerriegħa fost il-​popli,+ u fil-​postijiet imbegħdin se jiftakru fija;+ u jridu jerġgħu jieħdu r-​ruħ maʼ wliedhom u jiġu lura.+ 10 Inġibhom lura mill-​art taʼ l-​Eġittu;+ u mill-​Assirja se niġborhom flimkien;+ u lejn l-​art taʼ Gilegħad+ u l-​Libanu nġibhom, u ma jkunx hemm biżżejjed wisaʼ għalihom.+ 11 U ngħaddi minn ġol-​baħar u nqallbu;+ u fil-​baħar nidrob il-​mewġ,+ u l-​ilmijiet fondi kollha tan-​Nil jinxfu.+ U l-​kburija taʼ l-​Assirja titniżżel,+ u x-​xettru+ taʼ l-​Eġittu jitlaq.+ 12 Jien stess, Ġeħova, se nagħmilhom superjuri,+ u f’ismi se jimxu,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova.”

11 “Iftaħ il-​bibien tiegħek, O Libanu,+ biex in-​nar ikun jistaʼ jmur jiblaʼ qalb iċ-​ċedri tiegħek.+ 2 Newwaħ, O siġra tal-​ġnibru, għax iċ-​ċedru waqaʼ; għax is-​siġar maestużi ġew rovinati!+ Newħu, siġar immensi tal-​Basan, għax il-​foresta impenetrabbli nqerdet!+ 3 Isimgħu! It-​tinwiħ tar-​rgħajja,+ għax il-​maestà tagħhom ġiet rovinata.+ Isimgħu! L-​għajat taʼ l-​iljuni b’saħħithom, għax l-​imsaġar folti taʼ mal-​Ġordan ġew rovinati.+

4 “Hekk qal Ġeħova Alla tiegħi, ‘Irgħa n-​nagħaġ lesti għall-​qatla,+ 5 li x-​xerrejja tagħhom joqtluhom+ mingħajr ma jinstabu ħatjin.+ U dawk li qed ibigħuhom+ jgħidu: “Ikun imbierek Ġeħova, waqt li jien insir sinjur.”+ U r-​rgħajja tagħhom ma juruhom ebda mogħdrija.’+

6 “‘Għax m’iniex se nuri iktar mogħdrija maʼ l-​abitanti taʼ l-​art,’+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. ‘Ara, qed inġiegħel lill-​bnedmin isibu ruħhom kull wieħed f’id sieħbu+ u f’id is-​sultan tiegħu;+ u huma se jfarrku l-​art, u ma se neħles lil ħadd minn taħt idejhom.’”+

7 U jien rgħajt lill-​merħla+ lesta għall-​qatla,+ għan-​nom tagħkom, O magħkusin tal-​merħla.+ Għalhekk, ħadt żewġ bsaten f’idejja.+ Lil wieħed sejjaħtlu Għaxqa,+ u lill-​ieħor sejjaħtlu Unjoni,+ u mort nirgħa lill-​merħla. 8 U fl-​aħħar neħħejt tliet rgħajja f’xahar qamri wieħed,+ billi maż-​żmien ruħi tilfet il-​paċenzja magħhom,+ u anki ruħhom stess stkerrhitni. 9 Imbagħad jien għedt: “M’iniex se nibqaʼ nirgħakom.+ Lin-​nagħġa li qed tmut, ħalliha tmut. U lil dik li qed tgħib, ħalliha tgħib.+ U inkwantu għal dawk li baqaʼ, ħallihom jibilgħu, kull waħda l-​laħam taʼ seħbitha.”+ 10 Mela ħadt il-​bastun tiegħi Għaxqa+ u qsamtu biċċiet,+ sabiex nikser il-​patt tiegħi li għamilt man-​nies kollha.+ 11 U dakinhar inkiser, u b’hekk il-​magħkusin tal-​merħla+ li kienu qed jarawni+ saru jafu li kienet il-​kelma taʼ Ġeħova.

12 Imbagħad għedtilhom: “Jekk hu tajjeb f’għajnejkom,+ agħtuni ħlasi; imma jekk le, tagħtuhulix.” U huma tawni ħlasi, tletin biċċa tal-​fidda.+

13 Għal dan, Ġeħova qalli: “Itfgħu fit-​teżorerija+—il-​valur maestuż li bih jien ġejt stmat mill-​ħarsa tagħhom.”+ Għaldaqstant, jien ħadt it-​tletin biċċa tal-​fidda u tfajthom fit-​teżorerija fid-​dar taʼ Ġeħova.+

14 Imbagħad qsamt it-​tieni bastun tiegħi f’biċċiet, l-​Unjoni,+ sabiex nikser il-​fratellanza+ taʼ bejn Ġuda u Israel.+

15 U Ġeħova qalli: “Erġaʼ ħu għalik l-​għodda taʼ ragħaj li ma jiswa għal xejn.+ 16 Għax, ara, inħalli ragħaj iqum fil-​pajjiż.+ Hu ma jiħux ħsieb in-​nagħaġ li qed jgħibu.+ Liż-​żgħira ma jfittixhiex, u lill-​imweġġgħa ma jfejjaqhiex.+ Lil dik f’saħħitha ma jitmagħhiex, u jiekol il-​laħam tas-​smina,+ u jqaċċat id-​dwiefer tan-​nagħaġ.+ 17 Gwaj għar-​ragħaj tiegħi bla siwi,+ li qed jitlaq lill-​merħla!+ Sejf se jkun hemm fuq driegħu u fuq għajnu l-​leminija. Driegħu bla dubju se jinxef,+ u għajnu l-​leminija bla dubju se tiċċajpar.”

12 Dikjarazzjoni:

“Il-​kelma taʼ Ġeħova dwar Israel,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, Dak li qed jifrex is-​smewwiet+ u jqiegħed is-​sisien taʼ l-​art+ u jsawwar l-​ispirtu+ taʼ bniedem ġo fih. 2 “Ara, qed nagħmel lil Ġerusalemm+ skutella li tistordi lill-​popli kollha dawramejt;+ u wkoll kontra Ġuda se jkun hemm l-​assedju, iva, kontra Ġerusalemm.+ 3 U jrid iseħħ f’dak il-​jum+ li nagħmel lil Ġerusalemm ġebla tqila+ għall-​popli kollha. Dawk kollha li jerfgħuha bla dubju se jinbarxu bl-​ikrah; u kontra tagħha jinġabru l-​ġnus kollha taʼ l-​art.+ 4 F’dak il-​jum,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “inħawwad lil kull żiemel+ u nġennen lir-​rikkieb tiegħu;+ u nżomm għajnejja miftuħin fuq id-​dar taʼ Ġuda,+ u lil kull żiemel tal-​popli se nolqtu bl-​għama. 5 U x-​xejikki+ taʼ Ġuda se jkollhom jgħidu f’qalbhom, ‘L-​abitanti taʼ Ġerusalemm huma saħħa għalina mingħand Ġeħova taʼ l-​armati Alla tagħhom.’+ 6 F’dak il-​jum se nagħmel lix-​xejikki taʼ Ġuda bħal maġmar qalb is-​siġar+ u bħal torċa tan-​nar f’ringiela qmuħ li jkunu għadhom kif inqatgħu,+ u huma jridu jibilgħu fuq il-​lemin u fuq ix-​xellug lill-​popli kollha dawramejt;+ u minkejja dan Ġerusalemm trid tiġi abitata f’postha stess, f’Ġerusalemm.+

7 “U Ġeħova se jsalva t-​tined taʼ Ġuda l-​ewwel, biex hekk il-​ġmiel tad-​dar taʼ David u l-​ġmiel taʼ l-​abitanti taʼ Ġerusalemm ma jsirux kbar wisq meta mqabblin maʼ Ġuda. 8 F’dak il-​jum Ġeħova se jkun difiża madwar l-​abitanti taʼ Ġerusalemm;+ u dak li qed jitfixkel fosthom irid isir f’dak il-​jum bħal David,+ u d-​dar taʼ David bħal alla,+ bħall-​anġlu taʼ Ġeħova quddiemhom.+ 9 U jrid iseħħ f’dak il-​jum li se nfittex li neqred għalkollox lill-​ġnus kollha li ġejjin kontra Ġerusalemm.+

10 “U se nsawwab fuq id-​dar taʼ David u fuq l-​abitanti taʼ Ġerusalemm l-​ispirtu t’approvazzjoni+ u talb bil-​ħrara,+ u huma jħarsu lejn Dak li kienu nifdu,+ u se jibku minħabba Fih bħalma jibku lil iben uniku; u se jkun hemm biki taʼ mrar minħabba fih bħal meta jkun hemm biki taʼ mrar minħabba l-​ewwel iben imwieled.+ 11 F’dak il-​jum il-​biki f’Ġerusalemm se jkun kbir, bħall-​biki taʼ Ħadadrimmon fil-​pjanura fil-​wied taʼ Megiddo.+ 12 U l-​art se tibki,+ kull familja għaliha; il-​familja tad-​dar taʼ David għaliha, u n-​nisa tagħhom għalihom;+ il-​familja tad-​dar taʼ Natan+ għaliha, u n-​nisa tagħhom għalihom; 13 il-familja tad-​dar taʼ Levi+ għaliha, u n-​nisa tagħhom għalihom; il-​familja tas-​Simgħin+ għaliha, u n-​nisa tagħhom għalihom; 14 il-familji kollha li jibqaʼ, kull familja għaliha, u n-​nisa tagħhom għalihom.+

13 “F’dak il-​jum+ se jinfetaħ bir+ għad-​dar taʼ David u għall-​abitanti taʼ Ġerusalemm biex jitnaddfu mid-​dnub+ u minn ħaġa mistmerra.+

2 “U jrid iseħħ f’dak il-​jum,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati, “li se neqred l-​ismijiet taʼ l-​idoli mill-​pajjiż,+ u m’humiex se jitfakkru iktar; u wkoll lill-​profeti+ u lill-​ispirtu taʼ nuqqas taʼ ndafa se nġegħelhom jitilqu mill-​pajjiż.+ 3 U jrid iseħħ li fil-​każ li raġel ikompli jipprofetizza, missieru u ommu, dawk li wilduh, iridu wkoll jgħidulu, ‘M’intix se tgħix, għaliex tkellimt bil-​qerq f’isem Ġeħova.’ U missieru u ommu, dawk li wilduh, iridu jinfduh minħabba l-​ipprofetizzar tiegħu.+

4 “U jrid iseħħ f’dak il-​jum li l-​profeti jistħu,+ kull wieħed mill-​viżjoni tiegħu meta jipprofetizza; u m’humiex se jilbsu libsa uffiċjali tax-​xagħar+ bl-​iskop li jqarrqu. 5 U kull wieħed minnhom se jgħid, ‘M’iniex profeta. Jien raġel li qed naħdem l-​art, għax bniedem xtrani bi lsir sa minn żgħożiti ’l quddiem.’ 6 U jintqallu, ‘X’inhuma dawn il-​feriti li għandek bejn spallejk?’ U hu se jkollu jgħid, ‘Indrabt bihom fid-​dar taʼ dawk li jħobbuni bil-​kbir.’”

7 “O sejf, stenbaħ kontra r-​ragħaj tiegħi,+ kontra r-​raġel b’saħħtu li hu sieħbi,”+ hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati. “Idrob lir-​ragħaj,+ u ħa jitferrxu dawk tal-​merħla;+ u żgur li rreġġaʼ idi lura fuq dawk li huma insinifikanti.”+

8 “U jrid iseħħ fl-​art kollha,” hija l-​kelma taʼ Ġeħova, “li żewġ terzi taʼ dawk fiha se jinqerdu u jmutu;+ imma terz se jitħalla jibqaʼ fiha.+ 9 U ngħaddi lil dak it-​terz minn ġon-​nar;+ u nirfinah bħalma wieħed jirfina l-​fidda,+ u niflih bħalma wieħed jifli d-​deheb.+ Hu, min-​naħa tiegħu, se jsejjaħ ismi, u jien, min-​naħa tiegħi, se nwieġbu.+ Jien se ngħid, ‘Hu l-​poplu tiegħi,’+ u hu mbagħad se jgħid, ‘Ġeħova hu Alla tiegħi.’”+

14 “Ara! Ġej jum, li hu taʼ Ġeħova,+ u l-​priża tiegħek titqassam f’nofsok. 2 U jien se niġbor lill-​ġnus kollha għall-​gwerra kontra Ġerusalemm;+ u l-​belt se tinqabad+ u d-​djar jinsterqu, u n-​nisa jiġu stuprati.+ U nofs il-​belt tmur fl-​eżilju;+ imma dawk li jibqaʼ mill-​poplu+ ma jittiħdux mill-​belt.+

3 “U Ġeħova se jmur u jiggwerra kontra dawk il-​ġnus+ bħal f’jum il-​gwerra tiegħu, f’jum il-​ġlied.+ 4 U saqajh se jieqfu f’dak il-​jum fuq il-​muntanja tas-​siġar taż-​żebbuġ, li qiegħda quddiem Ġerusalemm, fil-​lvant;+ u l-​muntanja tas-​siġar taż-​żebbuġ+ tinqasam minn nofsha,+ minn tlugħ ix-​xemx u lejn il-​punent. Se jkun hemm wied kbir ferm; u nofs il-​muntanja jitressaq lejn it-​tramuntana, u nofs lejn in-​nofsinhar. 5 U intom se taħarbu lejn il-​wied tal-​muntanji tiegħi;+ għax il-​wied tal-​muntanji jasal s’Asel. U jkollkom taħarbu, sewwasew bħalma ħrabtu minħabba t-​terremot fi żmien Użżija s-​sultan taʼ Ġuda.+ U Ġeħova Alla tiegħi se jiġi+ bil-​qaddisin kollha miegħu.+

6 “U jrid iseħħ f’dak il-​jum li ma jkun hemm ebda dawl prezzjuż+—l-​affarijiet se jkunu għaqdu bil-​kesħa.+ 7 U jrid isir jum magħruf bħala li hu taʼ Ġeħova.+ La se jkun nhar u lanqas lejl;+ u jiġri li fil-​ħin taʼ fil-​għaxija jkun hemm id-​dawl.+ 8 U jrid iseħħ f’dak il-​jum li ilmijiet ħajjin+ joħorġu minn Ġerusalemm,+ nofshom lejn il-​baħar tal-​lvant+ u nofshom lejn il-​baħar tal-​punent.+ Fis-​sajf u fix-​xitwa se jseħħ.+ 9 U Ġeħova jkun sultan fuq l-​art kollha.+ F’dak il-​jum Ġeħova se jkun wieħed,+ u ismu wieħed.+

10 “L-​art kollha se tiġi mibdula bħall-​Għaraba,+ minn Geba+ għal Rimmon+ lejn in-​nofsinhar taʼ Ġerusalemm; u din tqum u tkun mgħammra f’postha,+ minn Bieb Benjamin+ sal-​post taʼ l-​Ewwel Bieb, sal-​Bieb tal-​Kantuniera, u mit-​Torri taʼ Ħananel+ sa l-​imgħasar tas-​sultan. 11 U nies se jgħammru fiha; u qatt iktar ma se titwarrab għall-​qerda,+ u Ġerusalemm tkun mgħammra fis-​sigurtà.+

12 “U dan se jkun il-​flaġell li bih Ġeħova se jifflaġella lill-​popli kollha li se jagħmlu servizz militari kontra Ġerusalemm:+ Kull wieħed se jitmermirlu laħmu għalkollox waqt li jkun wieqaf fuq saqajh;+ u għajnejh se jitmermru għalkollox f’ħofrithom, u lsienu se jitmermer għalkollox f’ħalqu.

13 “U jrid iseħħ f’dak il-​jum li fuqhom ikollhom konfużjoni sħiħa mingħand Ġeħova;+ u kull wieħed minnhom se jaħtaf id sieħbu, u idu se tintrefaʼ kontra id sieħbu. 14 U Ġuda wkoll se jiggwerra kontra Ġerusalemm; u l-​għana tal-​ġnus kollha taʼ madwar jinġabar, deheb u fidda u lbies b’abbundanza esaġerata.+

15 “U hekk se jkun il-​flaġell taż-​żiemel, tal-​bagħal, tal-​ġemel, u tal-​ħmar, u taʼ kull xorta t’annimal domestiku li jinzerta jkun f’dawk il-​kampijiet, bħal dan il-​flaġell.

16 “U jrid iseħħ li kulmin ikun baqaʼ minn fost il-​ġnus kollha li ġejjin kontra Ġerusalemm,+ huma jridu wkoll jitilgħu minn sena għal sena+ biex imilu quddiem is-​Sultan,+ Ġeħova taʼ l-​armati,+ u biex jiċċelebraw il-​festa taʼ l-​għerejjex.+ 17 U jrid iseħħ li kulmin ma jitlax+ mill-​familji+ taʼ l-​art lejn Ġerusalemm biex imil quddiem is-​Sultan, Ġeħova taʼ l-​armati, saħansitra fuqu ma tinżel ebda xita qawwija.+ 18 U jekk il-​familja taʼ l-​Eġittu ma titlax u ma tidħolx, fuqhom ukoll ma se jinżel xejn. Iseħħ il-​flaġell li bih Ġeħova jifflaġella lill-​ġnus li ma jitilgħux biex jiċċelebraw il-​festa taʼ l-​għerejjex. 19 Dan se jkun il-​kastig għad-​dnub taʼ l-​Eġittu u d-​dnub tal-​ġnus kollha li ma jitilgħux biex jiċċelebraw il-​festa taʼ l-​għerejjex.+

20 “F’dak il-​jum se jkun hemm+ fuq il-​ġlieġel taż-​żwiemel ‘Il-​qdusija hi taʼ Ġeħova!’+ U l-​borom kbar+ fid-​dar taʼ Ġeħova jridu jsiru bħall-​iskutelli+ taʼ quddiem l-​artal.+ 21 U kull borma kbira f’Ġerusalemm u f’Ġuda trid issir xi ħaġa qaddisa li hi taʼ Ġeħova taʼ l-​armati, u dawk kollha li joffru sagrifiċċju jridu jidħlu u jieħdu minnhom u jgħallu fihom.+ U mhux se jkun hemm iktar xi Kangħani*+ fid-​dar taʼ Ġeħova taʼ l-​armati f’dak il-​jum.”+

Ifisser “Jah Ftakar.”

L-espressjoni “Ġeħova taʼ l-​armati” tidher 53 darba f’Żakkarija.

Ara l-​1Sa 2:1, in-​nota taʼ taħt.

“Il-​mimmi t’għajnejja” hija skond l-​oriġinal. Is-​Soferim bidlu t-​test għal “il-​mimmi t’għajnejh.”

Jew, “u Dak li jopponi.” Ara Ġob 1:6, in-​nota taʼ taħt.

Letteralment, “biex irattbu l-​wiċċ.”

Letteralment, “jagħtu spalla stinata.”

Letteralment, “daqs ħaġra taʼ l-​iżmerill.”

Jiġifieri, l-​Ewfrat.

Ara Ġen 31:19, in-​nota taʼ taħt.

Jew, “negozjant.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja