LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be p. 43-p. 46
  • Kif Tħejji l-Inkarigi Bħala Student fl-Iskola

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tħejji l-Inkarigi Bħala Student fl-Iskola
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Tħejji Għal Inkarigu taʼ Qari
  • Meta Jkollok Suġġett u Sitwazzjoni
  • Meta l-​Materjal Irid Jingħata f’Għamla taʼ Taħdita
  • L-Użu tal-Materjal Assenjat
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Kif Tħejji Taħditiet għall-Kongregazzjoni
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Prinċipji taʼ Gwida għall-​Indokraturi tal-​Iskola
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Skola li Tħejjina għal Dak li Hu l-Iktar Importanti fil-Ħajja
    Il-Ministeru tas-Saltna—2002
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be p. 43-p. 46

Kif Tħejji l-​Inkarigi Bħala Student fl-​Iskola

MA’ KULL inkarigu fl-​iskola tingħatalek opportunità biex tagħmel progress. Agħmel ħiltek kollha, u l-​progress tiegħek se jidher bil-​mod il-​mod kemm mill-​ħarsa tiegħek u kemm mill-​ħarsa taʼ ħaddieħor. (1 Tim. 4:15) L-​iskola se tgħinek tiżviluppa l-​abbiltajiet tiegħek iktar bis-​sħiħ.

Tħossok ansjuż dwar il-​prospett li titkellem quddiem il-​kongregazzjoni? Dan hu normali, anki jekk ilek miktub fl-​iskola għal xi żmien. Madankollu, ċerti affarijiet jistgħu jgħinuk tnaqqas l-​ansjetà tiegħek. Meta tkun id-​dar, ħudha drawwa li taqra b’leħen għoli spiss. Fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, ikkummenta spiss, u jekk int pubblikatur, ħu sehem regolarment fis-​servizz tal-​għalqa. Dan se jagħmlek tal-​esperjenza meta tiġi biex titkellem quddiem oħrajn. Iktar minn hekk, ħejji l-​inkarigi tiegħek bħala student ħafna minn qabel, u pprattika b’leħen għoli kif se tagħtihom. Ftakar li int se titkellem quddiem udjenza dħulija. Qabel ma tagħti kwalunkwe taħdita, itlob lil Ġeħova. Hu jagħti l-​ispirtu qaddis tiegħu bil-​ferħ lill-​qaddejja tiegħu li jitolbuh għalih.—Lq. 11:13; Flp. 4:6, 7.

Kun raġunevoli f’dak li tistenna minnek innifsek. Trid iż-​żmien biex tikseb l-​esperjenza bħala kelliemi u biex issir għalliem effettiv. (Mik. 6:8) Jekk għadek kif inktibt fl-​iskola, tistenniex li se tagħti preżentazzjoni perfetta mill-​ewwel darba. Minflok, kull darba aħdem fuq parir wieħed tad-​diskors. Studja s-​sessjoni f’dan il-​ktieb li titkellem dwaru. Jekk inhu possibbli, agħmel it-​taħriġ suġġerit fis-​sessjoni. Dan se jagħtik l-​esperjenza fl-​affarijiet konnessi mal-​parir qabel ma twettaq l-​inkarigu fil-​kongregazzjoni. Maż-​żmien tibda tagħmel progress.

Kif Tħejji Għal Inkarigu taʼ Qari

Il-​preparazzjoni għall-​qari fil-​pubbliku tinvolvi ħafna iktar milli sempliċement tkun kapaċi tgħid il-​kliem fil-​materjal li ġejt inkarigat bih. Stinka biex tikseb fehma ċara taʼ dak li l-​materjal ifisser. Malli tirċievi l-​inkarigu tiegħek, aqrah kollu b’din il-​mira f’moħħok. Ipprova ifhem il-​punt taʼ kull sentenza u l-​ħsieb li jiġi żviluppat f’kull paragrafu ħalli tkun tistaʼ tgħaddi l-​ħsibijiet bir-​reqqa u bis-​sentiment xieraq. Meta jkun possibbli, tistaʼ tiċċekkja maʼ dawk li jafu l-​lingwa sew biex jgħidulek kif għandek tippronunzja sew kliem li ma tafx. Sir midħla tal-​materjal. Il-​ġenituri jistaʼ jkollhom bżonn jgħinu lil uliedhom iż-​żgħar biex jagħmlu dan.

Ġejt inkarigat taqra porzjon mill-​Bibbja jew forsi l-​paragrafi taʼ artiklu fit-​Torri tal-​Għassa? Forsi tistaʼ tistaqsi lil xi ħadd li hu qarrej tajjeb biex jaqralek il-​materjal b’vuċi għolja u tkun tistaʼ tieħu nota taʼ affarijiet bħall-​pronunzja, kif ġie mqiegħed il-​kliem, l-​enfasi, u l-​varjetà fit-​tonalità tal-​vuċi. Imbagħad ipprova inkludi dawn l-​affarijiet kollha fil-​qari tiegħek stess.

Meta tibda taħdem fuq l-​inkarigu tiegħek, kun ċert li tistudja bir-​reqqa l-​lezzjoni li tiddiskuti l-​kwalità tad-​diskors li ġejt inkarigat biha. Jekk inhu possibbli, irrivediha wara li tkun ipprattikajt b’leħen għoli diversi drabi l-​qari tal-​materjal li ġejt inkarigat bih. Stinka biex tapplika kemm jistaʼ jkun il-​parir miktub.

Dan it-​taħriġ se jservik tajjeb fil-​ministeru tiegħek. Int u tieħu sehem fis-​servizz tal-​għalqa se jkollok ħafna opportunitajiet biex taqra għal oħrajn. Ladarba l-​Kelma taʼ Alla għandha l-​qawwa li tbiddel il-​ħajjiet tan-​nies, huwa importanti li taqraha sew. (Ebr. 4:12) Tistenniex li se ssir espert f’kull aspett tal-​qari effettiv b’inkarigu wieħed jew tnejn. L-​appostlu Pawlu kiteb dan li ġej lil anzjan Kristjan li kellu snin sħaħ taʼ esperjenza: “Kompli agħti ruħek għall-​qari pubbliku.”—1 Tim. 4:13.

Meta Jkollok Suġġett u Sitwazzjoni

Meta tirċievi inkarigu fl-​iskola li jinvolvi li taħdem b’sitwazzjoni, x’għandek tagħmel?

Trid tikkunsidra tliet affarijiet prinċipali: (1) is-​suġġett li ġejt inkarigat bih, (2) is-​sitwazzjoni tat-​taħdita tiegħek u l-​persuna li se tkun qed tkellem, u (3) il-​parir li ġejt inkarigat taħdem fuqu.

Trid tiġbor il-​materjal dwar is-​suġġett li ġejt inkarigat bih. Imma qabel ma tidħol fil-​fond, aħseb bis-​serjetà dwar is-​sitwazzjoni kif ukoll dwar il-​persuna li magħha se titkellem, minħabba li dawn il-​fatturi se jeffettwaw it-​tip taʼ materjal li se tkopri u l-​mod kif se tippreżentah. Liema sitwazzjoni se tuża? Se tkun qed turi kif tistaʼ tiġi preżentata l-​aħbar tajba lil xi ħadd li taf? Jew se turi x’jistaʼ jiġri meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd għall-​ewwel darba? Huwa l-​individwu iżgħar jew akbar minnek? Liema attitudni jistaʼ jkollu dwar is-​suġġett li qed tippjana li tiddiskuti? Kemm x’aktarx li diġà jaf dwaru? Liema mira qed tittama li tilħaq bid-​diskussjoni tiegħek? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jipprovdu gwida importanti biex taħdem biha.

Fejn se ssib materjal dwar is-​suġġett li ġejt mogħti? F’paġni 33 sa 38 taʼ dan il-​ktieb, hemm diskussjoni dwar “Kif Tagħmel Riċerka.” Aqraha, u mbagħad uża l-​għodod tar-​riċerka li huma disponibbli għalik. Ħafna drabi malajr se ssib iktar materjal milli tistaʼ tuża. Aqra biżżejjed biex tkun tistaʼ tiżen il-​valur taʼ dak li hu disponibbli. Madankollu, hekk kif tagħmel dan, żomm f’moħħok is-​sitwazzjoni li se tuża għall-​preżentazzjoni tiegħek kif ukoll il-​persuna li magħha se tkun qed titkellem. Immarka l-​punti li huma adattati biex tużahom.

Qabel torganizza l-​preżentazzjoni tiegħek u tagħżel l-​aħħar dettalji, ħu l-​ħin biex taqra d-​diskussjoni tal-​parir li ġejt inkarigat taħdem fuqu. Waħda mir-​raġunijiet prinċipali għala ngħatajt l-​inkarigu hi biex tapplika dan il-​parir.

Jekk tkopri l-​materjal tiegħek fil-​ħin li ngħatalek se jkollok is-​sodisfazzjon li tagħmel il-​konklużjoni tiegħek; imma jekk taqbeż il-​ħin se jingħatalek sinjal biex tieqaf. Madankollu, fil-​ministeru tal-​għalqa l-​ħin mhux dejjem ikun importanti. Allura, meta tipprepara, qis l-​ammont taʼ ħin li hu disponibbli għalik, imma dejjem iffoka fuq li t-​tagħlim tiegħek ikun effettiv.

Kelmtejn Dwar is-​Sitwazzjonijiet. Eżamina s-​suġġerimenti f’paġna 82, u agħżel sitwazzjoni li se tkun prattika għall-​ministeru tiegħek u li se tippermettilek tuża l-​materjal li ngħatalek b’mod realistiku. Jekk ilek fl-​iskola għal xi żmien, ħares lejn din l-​opportunità bħala waħda biex tirsisti u tiżviluppa iktar abbiltajiet għall-​ministeru tiegħek.

Jekk l-​indokratur tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku jagħżillek is-​sitwazzjoni, aċċetta l-​isfida. Ħafna sitwazzjonijiet jinvolvu l-​għoti taʼ xhieda. Jekk qatt ma tajt xhieda fiċ-​ċirkustanzi li huma deskritti, ikseb l-​ideat billi titkellem maʼ pubblikaturi li għamlu dan. Jekk inhu possibbli, qabel ma tagħti t-​taħdita fis-​Sala tas-​Saltna, ipprova ddiskuti s-​suġġett li ġejt inkarigat bih f’sitwazzjoni reali li tixbah lil dik li se tuża fl-​iskola. Dan se jgħinek tilħaq il-​mira importanti tat-​taħriġ tiegħek.

Meta l-​Materjal Irid Jingħata f’Għamla taʼ Taħdita

Jekk int raġel, jistaʼ jkun li tiġi inkarigat biex tippreżenta taħdita qasira quddiem il-​kongregazzjoni. Meta tipprepara dawn it-​taħditiet, il-​punti bażiċi li jridu jiġu kunsidrati huma simili għal dawk li diġà huma mniżżlin għall-​inkarigi tal-​istudenti li jsiru f’forma taʼ turijiet. Id-​differenzi prinċipali huma l-​udjenza u l-​metodu tal-​preżentazzjoni.

Ġeneralment huwa mixtieq li tipprepara l-​materjal tiegħek b’tali mod li kulħadd fl-​udjenza jibbenefika minnu. Ħafna minn dawk preżenti diġà jafu veritajiet bażiċi tal-​Bibbja. Jistaʼ jkun li huma midħla sew tas-​suġġett li ġejt inkarigat titkellem dwaru. Qis dak li jafu diġà dwar is-​suġġett. Stinka biex tgħinhom jibbenefikaw b’xi mod mill-​preżentazzjoni tiegħek. Staqsi lilek innifsek: ‘Kif nistaʼ nuża s-​suġġett tiegħi biex inkabbar l-​apprezzament tiegħi u dak tal-​udjenza għal Ġeħova bħala persuna? X’hemm fil-​materjal li jistaʼ jgħinna nifhmu x’inhi r-​rieda taʼ Alla? Dan il-​materjal kif jistaʼ jgħinna nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin f’nofs dinja maħkuma mix-​xewqat tal-​laħam?’ (Efes. 2:3) Tweġibiet sodisfaċenti għal dawn il-​mistoqsijiet jeħtieġu riċerka. Meta tuża l-​Bibbja stinka biex mhux sempliċement taqra l-​versi. Irraġuna dwar l-​iskritturi li tuża, u uri kif dawn jipprovdu l-​bażi għall-​konklużjonijiet li tasal għalihom. (Atti 17:2, 3) Tipprovax tkopri wisq materjal. Ippreżenta l-​materjal tiegħek b’tali mod li jkun faċli għall-​udjenza biex tiftakru.

Il-​preparazzjoni għandha tinkludi wkoll li tagħti attenzjoni għall-​mod kif se tagħti t-​taħdita. Tipprovax tnaqqas l-​importanza taʼ dan. Ipprattika t-​taħdita tiegħek b’leħen għoli. L-​isforz li tagħmel biex tistudja u tapplika l-​parir fuq diversi kwalitajiet tad-​diskors se jgħinek ħafna biex tagħmel progress. Kemm jekk int kelliemi ġdid jew tal-​esperjenza, ipprepara sew ħalli tkun tistaʼ titkellem b’konvinzjoni u b’sentiment li jkunu xierqa għall-​materjal tiegħek. Hekk kif twettaq kull inkarigu li jkollok fl-​iskola, żomm f’moħħok il-​mira tiegħek li tuża l-​għotja li tak Alla tad-​diskors biex tonora lil Ġeħova.—Salm 150:6.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja