Kuraġġużi Permezz tal-Fidi u l-Biżaʼ minn Alla
“Agħmel il-ħila [“kun kuraġġuż,” “NW”] u qawwi qalbek . . . għax il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek.”—ĠOŻWÈ 1:9.
1, 2. (a) Mill-ħarsa tal-bniedem, kienu l-Iżraelin jidhru li se jirbħulhom lill-Kangħanin? (b) Ġożwè liema rassiguranza rċieva?
FL-1473 Q.E.K., il-ġens taʼ Iżrael kien wasal biex jidħol fl-Art Imwiegħda. Dwar l-isfidi li kellhom jiffaċċjaw, Mosè fakkar lill-poplu: “Illum int se taqsam il-Ġordan biex tirbaħ ġnus ikbar u aqwa minnek, bliet kbar bi swar m’ogħla s-smewwiet; ġnus kbar u nies twal; ulied Għanak; . . . int smajt min jgħid minnhom: ‘Min jistaʼ jiqfilhom ’l ulied Għanak?’” (Dewteronomju 9:1, 2) Iva, dawn il-gwerriera ġganteski kienu nies magħrufin sew! Iktar minn hekk, xi Kangħanin kellhom armati attrezzati sew, bi żwiemel u karrijiet li kellhom roti bi mnieġel tal-ħadid.—Mħallfin 4:13.
2 Min-naħa l-oħra, Iżrael kien ġens li kien fil-jasar u li kien għadu kif qattaʼ 40 sena fix-xagħri. Għalhekk, mill-ħarsa tal-bniedem, ma tantx kellhom probabbiltà li jirbħu. Madankollu, Mosè kellu l-fidi; hu setaʼ “jara” lil Ġeħova jiggwidahom. (Ebrej 11:27) “Il-Mulej, Alla tiegħek, hu li se jgħaddi quddiemek,” qal Mosè lill-poplu. “Hu li se jeqridhom; hu li se jrażżanhom quddiemek.” (Dewteronomju 9:3; Salm 33:16, 17) Wara li Mosè miet, Ġeħova assigura lil Ġożwè li Hu kien se jappoġġah billi qal: “Qum u aqsam dan il-Ġordan, int u dan il-poplu kollu taʼ Iżrael, lejn l-art li jien se nagħtikom. Ħadd ma jiqaflek kemm iddum ħaj. Bħalma kont maʼ Mosè hekk inkun miegħek.”—Ġożwè 1:2, 5.
3. X’għen lil Ġożwè jkollu fidi u kuraġġ?
3 Sabiex ikollu l-appoġġ u l-gwida taʼ Ġeħova, Ġożwè kellu jaqra u jimmedita fuq il-Liġi t’Alla u japplikaha. “U hekk tirnexxi f’għemilek u jkollok ir-riżq,” qal Ġeħova. “M’hux dan il-kmand tiegħi? Agħmel il-ħila [“kun kuraġġuż,” NW] u qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx, għax il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur.” (Ġożwè 1:8, 9) Minħabba li Ġożwè semaʼ minn Alla, hu ta prova li kien kuraġġuż, b’saħħtu, u taʼ suċċess. Madankollu, ħafna minn dawk taʼ l-istess ġenerazzjoni tiegħu ma semgħux. B’riżultat taʼ dan, huma ma kellhomx suċċess, u mietu fix-xagħri.
Poplu bla Fidi li Kien Nieqes mill-Kuraġġ
4, 5. (a) L-attitudni taʼ l-għaxar spiji kif kienet differenti minn dik taʼ Ġożwè u Kaleb? (b) Ġeħova kif wieġeb għan-nuqqas taʼ fidi li wera l-poplu?
4 Erbgħin sena qabel meta l-Iżraelin l-ewwel waslu viċin Kangħan, Mosè kien bagħat 12-il raġel biex jispijaw l-art. Għaxra minnhom ġew lura beżgħanin. Huma qalu: “Il-popli kollha li rajna f’nofsha huma razza taʼ nies twal. Hemm rajna l-ġganti [“in-Nefilim,” NW] (ulied Għanak ġejjin mill-ġganti) u ħassejna ruħna bħal ġradijiet.” Kienu l-“popli kollha”—mhux biss l-Għanakin—ġganti? Le. Kienu l-Għanakin dixxendenti tan-Nefilim taʼ qabel id-Dilluvju? Dażgur li le! Madankollu, minħabba dawn l-esaġerazzjonijiet, qam biżaʼ kbir fost in-nies. Il-poplu saħansitra ried imur lura lejn l-Eġittu, l-art li fiha kien imjassar!—Numri 13:31–14:4.
5 Madankollu, tnejn mill-ispiji, Ġożwè u Kaleb, kienu ħerqanin biex jidħlu fl-Art Imwiegħda. Huma qalu li l-Kangħanin kienu “bħall-ħobż” għalihom. “[“Il-kenn tagħhom telaq minn fuqhom,” NW]. Il-Mulej magħna, la tibżgħux minnhom.” (Numri 14:9) Kellhom Ġożwè u Kaleb raġuni għala jkunu ottimisti? Dażgur li kellhom! Flimkien mal-bqija tal-ġens, huma kienu raw lil Ġeħova jumilja lill-Eġittu setgħan u l-allat tiegħu permezz taʼ l-Għaxar Kastigi. Imbagħad raw lil Ġeħova jgħarraq lill-Fargħun u l-forza militari tiegħu fil-Baħar l-Aħmar. (Salm 136:15) Jidher ċar li l-biżaʼ li wrew l-għaxar spiji u n-nies li kienu influwenzaw ma kienx ġustifikat. Filwaqt li esprima l-uġigħ kbir li ħass, Ġeħova qal: “Kemm se jdumu ma jafdawx fija, minkejja s-sinjali li għamilt f’nofshom?”—Numri 14:11.
6. Il-kuraġġ kif inhu relatat mal-fidi, u dan kif jidher illum?
6 Ġeħova qal x’kien l-għerq tal-problema—l-attitudni beżżiegħa tagħhom uriet li l-poplu kellu nuqqas taʼ fidi. Iva, il-fidi u l-kuraġġ huma relatati mill-qrib, tant hu hekk li l-appostlu Ġwanni setaʼ jikteb dan li ġej dwar il-kongregazzjoni Kristjana u t-taqbida spiritwali tagħha: “Din hi r-rebħa li rebħet lid-dinja, il-fidi tagħna.” (1 Ġwanni 5:4) Illum, fidi bħal dik taʼ Ġożwè u Kaleb wasslet biex l-aħbar tajba tas-Saltna tiġi pridkata madwar id-dinja permezz taʼ iktar minn sitt miljun Xhud taʼ Ġeħova, kbar u żgħar, b’saħħithom u dgħajfin. L-ebda għadu ma jistaʼ jsikket lil din l-armata setgħana u kuraġġuża.—Rumani 8:31.
‘Terġax Lura’
7. Xi tfisser il-frażi ‘terġaʼ lura’?
7 Il-qaddejja taʼ Ġeħova llum jippridkaw b’kuraġġ l-aħbar tajba minħabba li għandhom l-istess attitudni li kellu l-appostlu Pawlu, li kiteb: “Aħna m’aħniex it-tip li nerġgħu lura biex ninqerdu, imma t-tip li għandna l-fidi biex inżommu ruħna ħajja.” (Ebrej 10:39) Bħalma semma Pawlu, li ‘terġaʼ lura’ ma jfissirx li tħossok beżgħan għal perijodu qasir taʼ żmien, għax fil-fatt ħafna qaddejja leali t’Alla xi drabi ħassewhom beżgħanin. (1 Samwel 21:13 [21:12, NW]; 1 Slaten 19:1-4) Minflok, din tfisser “li tirtira,” “li tittraskura milli żżomm mal-verità,” jgħid dizzjunarju wieħed tal-Bibbja. Ikompli jżid li l-frażi ‘terġaʼ lura’ tistaʼ tkun metafora bbażata fuq “it-tniżżil tal-qlugħ, u b’hekk jitnaqqas il-pass” fejn għandu x’jaqsam is-servizz lejn Alla. M’għandniex xi ngħidu, dawk li għandhom fidi b’saħħitha ma jgħaddilhomx minn moħħhom li ‘jnaqqsu l-pass’ meta jqumu d-diffikultajiet—kemm jekk tkun persekuzzjoni, nuqqas taʼ saħħa, u kemm jekk xi prova oħra. Minflok, huma jirsistu fil-qadi tagħhom lejn Ġeħova, billi jżommu f’moħħhom li hu jinteressah ħafna minnhom u jaf il-limitazzjonijiet tagħhom. (Salm 55:23 [55:22, NW]; 103:14) Għandek int dak it-tip taʼ fidi?
8, 9. (a) Ġeħova kif saħħaħ il-fidi tal-Kristjani tal-bidu? (b) X’nistgħu nagħmlu biex nibnu l-fidi tagħna?
8 Darba minnhom l-appostli ħassew li l-fidi tagħhom kienet qed tonqos, u għalhekk qalu lil Ġesù: “Agħtina iktar fidi.” (Luqa 17:5) It-talba sinċiera tagħhom intlaqgħet b’mod speċjali f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. meta l-ispirtu qaddis imwiegħed niżel fuq id-dixxipli u tahom iktar dehen fuq il-Kelma t’Alla u l-iskop tiegħu. (Ġwanni 14:26; Atti 2:1-4) Issa li l-fidi tagħhom ġiet imsaħħa, id-dixxipli bdew kampanja taʼ ppridkar li minkejja l-oppożizzjoni wasslet l-aħbar tajba “fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.”—Kolossin 1:23; Atti 1:8; 28:22.
9 Sabiex inkunu nistgħu nibnu l-fidi tagħna u nirsistu fil-ministeru tagħna, aħna wkoll irridu nistudjaw u nimmeditaw fuq l-Iskrittura u nitolbu għall-ispirtu qaddis. L-uniku mod biex ikollna tip taʼ fidi li tagħtina l-kuraġġ li hemm bżonn biex nissaportu l-ġlieda spiritwali tagħna u nirbħu huwa billi nnaqqxu l-verità f’moħħna u f’qalbna—bħalma għamlu Ġożwè, Kaleb, u d-dixxipli Kristjani tal-bidu.—Rumani 10:17.
Il-Fidi—Iktar minn Sempliċement Twemmin
10. Il-fidi vera x’tinkludi?
10 Bħalma ntwera minn uħud li żammew l-integrità fil-passat, il-fidi li tagħti l-kuraġġ u s-sabar tinkludi iktar minn sempliċement twemmin f’Alla. (Ġakbu 2:19) Teħtieġ li nsiru nafu lil Ġeħova bħala persuna u li jkollna fiduċja sħiħa fih. (Salm 78:5-8; Proverbji 3:5, 6) Tfisser li aħna nemmnu b’qalbna kollha li l-iktar li nibbenefikaw huwa meta nagħtu kas il-liġijiet u l-prinċipji t’Alla. (Isaija 48:17, 18) Il-fidi tinvolvi wkoll li tkun ċert li Ġeħova se jwettaq il-wegħdi kollha tiegħu u “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.”—Ebrej 11:1, 6; Isaija 55:11.
11. Ġożwè u Kaleb b’liema mod tbierku għall-fidi u l-kuraġġ tagħhom?
11 Fidi bħal din ma tibqax dejjem l-istess. Din tikber hekk kif napplikaw il-verità f’ħajjitna, ‘induqu’ l-benefiċċji, ‘naraw’ it-talb tagħna jiġi mismugħ, u nħossu d-direzzjoni taʼ Ġeħova fil-ħajja tagħna b’modi oħra. (Salm 34:8, NW; 1 Ġwanni 5:14, 15) Nistgħu nkunu ċerti li l-fidi taʼ Ġożwè u Kaleb kibret hekk kif daqu t-tjieba t’Alla. (Ġożwè 23:14) Ikkunsidra dan li ġej: Huma salvaw minn vjaġġ li dam 40 sena fix-xagħri, bħalma Alla wiegħed li kien se jiġri. (Numri 14:27-30; 32:11, 12) Ngħataw irwol attiv fil-ġlieda li damet għaddejja sitt snin biex jirbħu lill-Kangħan. Fl-aħħar, huma gawdew ħajja twila u saħħa tajba u saħansitra rċivew il-wirt persunali tagħhom. Kemm iberikhom bil-kbir Ġeħova lil dawk li jaqduh bil-lealtà u l-kuraġġ!—Ġożwè 14:6, 9-14; 19:49, 50; 24:29.
12. Ġeħova kif ‘ikabbar kelmtu’?
12 Il-qalb tajba bl-imħabba li Alla wera maʼ Ġożwè u Kaleb tfakkarna f’kemm hu minnu kliem is-salmista: “Int kabbart kelmtek saħansitra fuq l-isem kollu tiegħek.” (Salm 138:2, NW) Meta Ġeħova juża ismu bħala garanzija għal xi wegħda li jkun għamel, it-twettiq taʼ dik il-wegħda ‘jitkabbar’ fis-sens li jkun aħjar minn dak li jkun ġie mistenni. (Efesin 3:20) Iva, Ġeħova qatt ma jiddiżappunta lil dawk li jqiegħdu ‘l-għaxqa tagħhom’ fih.—Salm 37:3, 4.
Raġel li “Għoġob Sew lil Alla”
13, 14. Ħenok għala kellu bżonn il-fidi u l-kuraġġ?
13 Nistgħu nitgħallmu ħafna dwar il-fidi u l-kuraġġ billi nikkunsidraw l-eżempju li ħalla xhud ieħor li għex qabel żmien il-Kristjanità—Ħenok. Saħansitra qabel ma beda jipprofetizza, Ħenok wisq probabbli kien jaf li l-fidi u l-kuraġġ tiegħu kienu se jgħaddu minn prova. Kif? Għax Ġeħova kien qal fl-Għeden li kellu jkun hemm mibegħda, jew għadwa, bejn dawk li jaqdu lil Alla u dawk li jaqdu lil Satana x-Xitan. (Ġenesi 3:15) Ħenok kien jaf ukoll li din il-mibegħda qamet fil-bidu taʼ l-istorja umana meta Kajjin qatel lil ħuh Abel. Tabilħaqq, Adam, missierhom, għex għal kważi 310 snin wara li twieled Ħenok.—Ġenesi 5:3-18.
14 Biss, minkejja dan kollu, Ħenok b’kuraġġ ‘mexa m’Alla’ u kkundanna ‘l-kliem kollu li jkexkex’ li l-poplu qal kontra Ġeħova. (Ġenesi 5:22; Ġuda 14, 15) Din il-waqfa bla biżaʼ favur il-qima vera milli jidher ġabet ħafna għedewwa għal Ħenok u poġġietlu ħajtu fil-periklu. F’dan il-każ, Ġeħova salva lill-profeta mill-uġigħ tal-mewt. Wara li lil Ħenok urieh li “għoġob sew lil Alla,” Ġeħova “ttrasferieh” mill-ħajja għall-mewt, forsi billi tefgħu f’estasi fejn ra dehra profetika.—Ebrej 11:5, 13; Ġenesi 5:24.
15. Liema eżempju mill-aqwa ta Ħenok lill-qaddejja taʼ Ġeħova llum?
15 Eżattament wara li semma l-fatt li Ħenok ġie trasferit, Pawlu reġaʼ enfasizza l-importanza tal-fidi billi qal: “Iktar minn hekk, mingħajr fidi impossibbli li [togħġob lil Alla] sew.” (Ebrej 11:6) Iva, il-fidi tat lil Ħenok il-kuraġġ biex jimxi maʼ Ġeħova u biex jipproklama l-messaġġ taʼ ġudizzju Tiegħu lil dinja li ma kinitx tibżaʼ minn Alla. F’dan, Ħenok tana eżempju mill-aqwa. Aħna għandna xogħol simili x’nagħmlu f’dinja li topponi l-qima vera u li hija mimlija b’kull xorta taʼ ħażen.—Salm 92:8 (92:7, NW); Mattew 24:14; Rivelazzjoni 12:17.
Kuraġġ li Jiġi mill-Biżaʼ minn Alla
16, 17. Min kien Għobadija, u f’liema sitwazzjoni sab ruħu?
16 Minbarra l-fidi, hemm kwalità oħra li ġġib il-kuraġġ u din hija l-biżaʼ riverenzjali minn Alla. Ejja nikkunsidraw eżempju li jispikka taʼ raġel li kien jibżaʼ minn Alla u li kien jgħix fi żmien il-profeta Elija u s-Sultan Aħab, li kien jaħkem fis-saltna taʼ Iżrael fit-tramuntana. Matul il-ħakma t’Aħab, il-qima lejn Bagħal kienet infettat is-saltna tat-tramuntana fuq skala li qatt ma ntlaħqet qabel. Fil-fatt, 450 profeta taʼ Bagħal u 400 profeta taʼ l-arblu sagru, simbolu falliku, kienu “jieklu mill-mejda taʼ Ġeżabel,” mart Aħab.—1 Slaten 16:30-33; 18:19.
17 Ġeżabel, għadu kiefer taʼ Ġeħova, ipprovat teqred kompletament il-qima vera mill-pajjiż. Hi qatlet lil xi wħud mill-profeti taʼ Ġeħova u saħansitra pprovat toqtol lil Elija, li fi qbil mad-direzzjoni taʼ Ġeħova ħarab għan-naħa l-oħra tal-Ġordan. (1 Slaten 17:1-3; 18:13) Tistaʼ timmaġina kemm kien diffiċli biex tappoġġa l-qima pura fis-saltna tat-tramuntana dak iż-żmien? U tistaʼ timmaġina kemm kien iktar diffiċli kieku kont taħdem fil-palazz irjali stess? Din kienet is-sitwazzjoni li sab ruħu fiha Għobadija,a li kien jibżaʼ minn Alla u li kien jaqdi fid-dar t’Aħab.—1 Slaten 18:3.
18. X’kien li għamel lil Għobadija aduratur li jispikka taʼ Ġeħova?
18 M’għandniex xi ngħidu, Għobadija kien juża l-għaqal u d-diskrezzjoni fil-qima tiegħu lil Ġeħova. Madankollu, m’għamilx kompromessi. Fil-fatt, l-1 Slaten 18:3 jgħidilna: “Għobadija kien jibżaʼ ħafna mill-Mulej.” (Korsiv tagħna.) Iva, il-biżaʼ minn Alla li Għobadija kien juri kien jispikka! Min-naħa l-oħra, dan il-biżaʼ bnin tah kuraġġ mill-aqwa, bħalma wera eżattament wara li Ġeżabel qatlet lill-profeti taʼ Ġeħova.
19. X’azzjoni ħa Għobadija li wriet li kellu l-kuraġġ?
19 Naqraw: “Meta Ġeżabel kienet qiegħda teqred il-profeti tal-Mulej, Għobadija qabad mitt profeta u ħbiehom, ħamsin ħamsin, fl-għerien, u kien jipprovdilhom ħobż u ilma.” (1 Slaten 18:4) Bħalma tistaʼ timmaġina, li titmaʼ mitt raġel bil-moħbi kienet biċċa xogħol perikoluża ħafna. Għobadija mhux biss ried joqgħod attent li ma jinqabadx minn Aħab u Ġeżabel imma wkoll kellu joqgħod attent li ma jinqabadx mit-850 profeta falz li spiss kienu jmorru fil-palazz. Barra minn hekk, il-ħafna aduraturi foloz li kienu fil-pajjiż, min-nies komuni sal-prinċpijiet, żgur li kienu jaħtfu kull opportunità biex jikxfu lil Għobadija ħalli jaqilgħu l-favur tas-sultan u r-reġina. Minkejja dan, Għobadija b’kuraġġ ħa ħsieb il-bżonnijiet tal-profeti taʼ Ġeħova taħt imnieħer dawn l-idolatri. Kemm jistaʼ jagħti kuraġġ il-biżaʼ minn Alla!
20. Il-biżaʼ li Għobadija kellu minn Alla kif għenu, u l-eżempju tiegħu kif jgħinek?
20 Minħabba li Għobadija wera l-kuraġġ permezz tal-biżaʼ minn Alla, Ġeħova mid-dehra pproteġieh mill-għedewwa tiegħu. Proverbji 29:25 jgħid: “Min jibżaʼ mill-bniedem jaqaʼ fi xkiel; imma min jittama fil-Mulej ikun fil-kenn.” Għobadija kien bniedem komuni; kien beżaʼ li jinqabad u jinqatel, eżattament bħalma kieku nħossuna aħna. (1 Slaten 18:7-9, 12) Minkejja dan, il-biżaʼ minn Alla tah kuraġġ biex jegħleb kwalunkwe biżaʼ mill-bniedem li setaʼ kellu. Għobadija huwa eżempju mill-aqwa għalina lkoll, speċjalment għal dawk li jqimu lil Ġeħova minkejja li jkunu qed jipperikolaw il-libertà tagħhom jew saħansitra ħajjithom. (Mattew 24:9) Iva, jalla lkoll kemm aħna nistinkaw biex naqdu lil Ġeħova “bil-biżaʼ t’Alla u b’rispett profond.”—Ebrej 12:28.
21. X’se jiġi kunsidrat fl-artiklu li jmiss?
21 Il-fidi u l-biżaʼ minn Alla m’humiex l-uniċi żewġ kwalitajiet li jibnu l-kuraġġ; l-imħabba tistaʼ tkun qawwa saħansitra iktar b’saħħitha. Pawlu kiteb: “Alla ma taniex spirtu beżżiegħ, imma spirtu taʼ qawwa u taʼ mħabba u taʼ moħħ f’loku.” (2 Timotju 1:7) Fl-artiklu li jmiss se naraw kif l-imħabba se tgħinna naqdu lil Ġeħova bil-kuraġġ matul dawn l-aħħar jiem kritiċi.—2 Timotju 3:1.
[Nota taʼ taħt]
a Mhux il-profeta Għobadija.
Taf Twieġeb?
• X’kien dak li għen li Ġożwè u Kaleb juru kuraġġ?
• Il-fidi vera x’tinkludi?
• Ħenok għala ma beżax meta pproklama l-messaġġ taʼ ġudizzju t’Alla?
• Il-biżaʼ minn Alla kif jagħti l-kuraġġ?
[Stampa f’paġna 17]
Ġeħova kkmanda lil Ġożwè: “Agħmel il-ħila [“kun kuraġġuż,” “NW”] u qawwi qalbek”
[Stampa f’paġna 18]
Għobadija ħa ħsieb u pproteġa lill-profeti t’Alla
[Stampi f’paġna 19]
Ħenok tkellem il-kelma t’Alla b’kuraġġ