Il-Kelma T’Alla Tipprovdi Gwida
1 Qegħdin ngħixu f’dinja b’wisq problemi u bi ftit li xejn tweġibiet. Ħafna miljuni regolarment jibqgħu bil-ġuħ. Qiegħed dejjem jiżdied l-għadd taʼ dawk mogħtijin għad-drogi. Iktar u iktar familji qegħdin jitkissru. L-inċest u l-vjolenza fil-familja huma l-ħin kollu fl-aħbarijiet. L-arja li ndaħħlu ġo fina u l-ilma li nixorbu qegħdin bil-mod il-mod jiġu kkontaminati. Sadattant, iktar u iktar minna qegħdin jaqgħu vittma tal-kriminalità.
2 In-nies għandhom bżonn ikunu jafu li l-Kelma t’Alla tagħti gwida u tipprovdi soluzzjonijiet għall-problemi kollha li jitturmentawhom. F’Diċembru se nistinkaw biex ngħinu lin-nies billi noffrulhom in-New World Translation u l-ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art. M’għandniex xi ngħidu, li sempliċement inħallu l-letteratura maʼ persuna m’hijiex garanzija li din se taċċetta l-gwida t’Alla. Irridu nagħmlu żjajjar lura bil-mira li nibdew studju tal-Bibbja. L-għajnuna hija assigurata jekk nagħmlu sforz bħal dan. (Matt. 28:19, 20) Dawn li ġejjin huma xi preżentazzjonijiet issuġġeriti:
3 Jekk tiltaqaʼ maʼ persuna avanzata fiż-żmien, tistaʼ tipprova din l-introduzzjoni:
◼ “Nixtieq nistaqsik: Meta int kont iżgħar, in-nies fil-komunità kif kienu jittrattaw lil xulxin? [Ħalli ħin għal tweġiba.] L-affarijiet huma ħafna iktar differenti issa, hux tassew? X’taħseb int li hija r-raġuni għal din il-bidla? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Aħna qegħdin attwalment naraw it-twettiq taʼ profezija fil-Bibbja. [Aqra 2 Timotju 3:1-5.] Minbarra li tiddeskrivi b’mod eżatt id-dinja kif inhi llum, il-Bibbja twiegħed dinja aħjar fil-futur qarib. Għal din ir-raġuni, qegħdin inħeġġu lil kulħadd biex jaqra l-Bibbja. Innotajt kemm huwa ċar il-lingwaġġ f’din il-Bibbja, in-New World Translation, li minnha kont qiegħed naqra?” Spjega li din hija miktuba b’Ingliż modern, u b’hekk tagħmel lill-Bibbja tiftiehem iktar. Uri l-ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art u indika kapitlu 18, li jispjega profezija oħra li rajnieha titwettaq. Offri l-Bibbja u l-ktieb.
4 Meta terġaʼ żżur persuna avanzata fiż-żmien li tkun ħallejtilha l-Bibbja u l-ktieb, int tistaʼ tgħid:
◼ “L-aħħar li tkellimna, qbilna li f’ħafna modi s-soċjetà moderna marret għall-agħar meta tqabbilha maʼ kif kienet il-ħajja ftit snin ilu biss. Madankollu, erġajt ġejt biex nurik li l-Bibbja toffri prospetti għal dinja bil-wisq aħjar fil-futur. [Aqra Rivelazzjoni 21:3, 4.] Li nafu li din hija l-Kelma t’Alla għandu jħeġġiġna naraw x’għandha xi tgħid iktar il-Bibbja.” Iftaħ il-ktieb Tgħix Għal Dejjem f’kapitlu 7 u aqra paragrafi 12-13 biex tiġbed l-attenzjoni lejn kif aħna nibbenefikaw mill-istruzzjoni misjuba fil-Kelma t’Alla. Offri studju tal-Bibbja b’xejn fid-dar.
5 Jekk tibda konversazzjoni maʼ persuna iżgħar, tistaʼ tgħid:
◼ “Nixtieq nistaqsik mistoqsija: Bħala persuna żagħżugħa, tħoss int li hemm raġuni għalfejn tkun ottimist dwar x’hemm merfugħ għalina? Kif tħares lejh il-futur? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Fortunatament, hemm raġuni vera għalfejn inkunu ottimisti dwar il-futur. [Aqra Salm 37:10, 11.] Peress li n-nies għandhom ħarsiet li jvarjaw tal-Bibbja u l-kontenut tagħha, aħna ppubblikajna dan il-ktieb, Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art. Innota x’raġunijiet jagħti għalfejn għandna naqraw il-Bibbja.” Aqra paragrafu 21 f’paġna 53. Tistaʼ mbagħad issemmi fil-qosor xi punti dwar l-eżattezza tal-Bibbja f’affarijiet xjentifiċi, f’li tirrakkonta ġrajjiet storiċi jew b’mod partikulari f’li tbassar ġrajjiet futuri. Forsi tistaʼ tikkonkludi bl-informazzjoni f’paġni 54 u 55 jew bir-raġunar żviluppat f’paragrafu 28 f’paġna 56. “Ladarba nsiru konvinti li dak li tgħid il-Bibbja huwa veru, aħna niġu li jkollna tama ċerta għall-futur. Jekk tixtieq taqra dan il-ktieb, nieħu gost li nħallilek kopja.”
6 Meta terġaʼ tmur biex iżżur persuna iżgħar li aċċettat il-ktieb “Tgħix Għal Dejjem,” tistaʼ tibda billi tgħid:
◼ “Apprezzajt ħafna li nismaʼ kemm int ikkonċernat dwar il-futur. Ftakar li jien urejtek test mill-Bibbja li jwegħedna futur hieni u fiż-żgur. Ħa nurik ieħor. [Aqra Rivelazzjoni 21:3, 4.] Jekk il-Bibbja tgħid li aħna nistgħu ngħixu għal dejjem, nistgħu bir-raġun nistaqsu: ‘Huwa dan ibbażat fuq il-fatti jew fuq sempliċi spekulazzjonijiet?’ Jistaʼ jinteressak li tkun taf li xi nies informati qalu li hemm possibiltà li l-bnedmin jgħixu għal dejjem. Per eżempju, nixtieq naqsam miegħek dawn il-kummenti li ġew ippubblikati. [Aqra paragrafu 4 f’paġna 7.] Jekk tixtieq, jien lest li nistudja l-Bibbja miegħek mingħajr ħlas.” Jekk jiġi aċċettat studju, staqsi jekk l-individwu għandux kopja tal-Bibbja. Jekk le, offrilu n-New World Translation.
7 Persuna li ma tafx fejn se taqbad iddur għall-gwida biex tkampa mal-problemi tal-ħajja tistaʼ tirreaġixxi għal din l-introduzzjoni:
◼ “Qegħdin ngħixu fi żmien fejn kważi kulħadd iħabbat wiċċu maʼ problemi serji. Ħafna jirrikorru għall-gwida lejn kull xorta taʼ nies li jagħtu l-pariri. Ħafna jfittxu lil min jaqra x-xorti għall-għajnuna. Fejn taħseb int li nistgħu nsibu pariri għaqlin li jkunu taʼ ġid għalina? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Il-Bibbja ssemmi fatt importanti li lkoll kemm aħna għandna bżonn nifhmu.” Aqra Ġeremija 10:23. Iftaħ il-ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art f’paġna 103 u aqra paragrafu 11. “Dan il-ktieb se jgħinek tapprezza kif, taħt is-Saltna t’Alla, il-problemi tagħna kollha se jiġu eliminati. Tixtieq taqrah?”
8 Jekk fl-ewwel żjara int tkellimt dwar il-bżonn tal-bniedem għall-gwida, tistaʼ tkompli d-diskussjoni fiż-żjara lura billi tgħid:
◼ “Meta ltqajna l-ewwel darba, qbilna li aħna neħtieġu gwida mingħand Alla jekk irridu li nkampaw b’suċċess mal-problemi tal-ħajja. Rigward dan, naħseb li se tapprezza l-kummenti taʼ l-għeluq li hemm fil-ktieb li ħallejtlek dwar kif wieħed ikollu suċċess fil-ħajja tal-familja. [Aqra paragrafi 2-3 f’paġna 238 fil-ktieb Tgħix Għal Dejjem.] Nieħu pjaċir noffrilek kors taʼ studju tal-Bibbja b’xejn fid-dar, u lest li nurik kif isir issa stess.”
9 Jehovah se jbierek l-isforzi tagħna hekk kif ngħinu kemm żgħar u kemm kbar biex japprezzaw il-valur tal-Kelma t’Alla u l-gwida tagħha f’ħajjitna.—Salm 119:105.