Nissel f’Oħrajn it-Tama taʼ Ħajja taʼ Dejjem
1 Għalkemm il-bniedem fittex modi biex inaqqas il-proċess tax-xjuħija u jestendi t-tul tal-ħajja, ix-xjuħija u l-mewt għadhom ma jistgħux jiġu evitati. Kemm aħna grati li l-Bibbja tispjega għala l-bnedmin jixjieħu u jmutu, u wkoll kif l-effetti distruttivi tax-xjuħija se jitreġġgħu lura u l-mewt se tiġi eliminata. Dawn il-veritajiet huma ppreżentati b’manjiera konvinċenti fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Il-ktieb b’mod ċar iwieġeb mistoqsijiet taʼ taħbil il-moħħ dwar il-ħajja u l-mewt, billi jidderieġi lill-qarrej lejn iż-żmien meta l-Ġenna se tiġi rrestawrata.
2 F’Marzu se noffru l-ktieb Għarfien bil-mira li nibdew studji tal-Bibbja fid-djar. (Mt. 28:19, 20) Imbagħad se nerġgħu nżuru lil dawk kollha li juru interess fil-messaġġ tas-Saltna. B’dan il-mod nistgħu nnisslu f’oħrajn it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem. (Titu 1:2) Biex twettaq dan, tistaʼ ssib is-suġġerimenti li ġejjin taʼ għajnuna.
3 Meta tagħmel iż-żjara inizjali, tistaʼ ssaqsi din il-mistoqsija:
◼ “Qatt tħassibt għala l-bnedmin jixxennqu għal ħajja itwal? [Agħti ċans għal tweġiba.] Il-Buddisti, il-Kristjani, il-Ħindu, il-Musulmani, u oħrajn ilkoll għandhom it-tama taʼ xi ħajja wara l-mewt.” Iftaħ il-ktieb Għarfien f’kapitlu 6, “Għala Nixjieħu u Mmutu?,” u aqra paragrafu 3. Irraġuna fuq l-iskritturi ċitati. Billi tirreferi għaż-żewġ mistoqsijiet fl-aħħar tal-paragrafu, staqsi lill-inkwilin jekk jixtieqx jara t-tweġibiet għalih innifsu. Jekk jixtieq hekk, kompli iddiskuti l-ftit paragrafi li jmiss. Qiegħed jinbeda studju! Inkella, ħallilu l-ktieb biex jaqrah, u agħmel pjanijiet biex terġaʼ tmur, preferibbilment fi żmien jum jew tnejn, biex tiddiskuti t-tweġibiet.
4 Meta terġaʼ tmur wara li tkun ħallejt il-ktieb “Għarfien,” tistaʼ tgħid:
◼ “Erġajt ġejt biex nikkunsidraw iż-żewġ mistoqsijiet dwar il-mewt li ħallejna bla tweġiba.” Fakkar lill-inkwilin il-mistoqsijiet. Imbagħad iddiskuti l-informazzjoni f’kapitlu 6 taħt is-sottitlu “Komplott Malinn.” Skond iċ-ċirkostanzi, jew kompli bl-istudju jew inkella uża l-aħħar mistoqsija fit-tmiem taʼ paragrafu 7 biex tħejji l-bażi għas-sessjoni li jmiss. Agħmel pjanijiet definiti biex terġaʼ tmur. Agħti lill-inkwilin handbill, u iddeskrivi fil-qosor kif isiru l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Stiednu mill-qalb biex jattendi.
5 Waqt xogħol minn dar għal dar jew waqt għoti taʼ xiehda informali, tistaʼ tibda konversazzjoni billi tgħid:
◼ “Qatt tħassibt dwar x’hemm maħżun fil-futur għalina u għall-art? [Agħti ċans għal tweġiba.] Il-Bibbja tiġbor il-futur f’kelma waħda—Ġenna! Tispjega li fil-bidu, Alla għamel porzjon mill-art ġenna sabiħa fejn poġġa l-koppja umana li kien ħalaq. Huma kellhom jimlew l-art kollha bin-nies, u ftit ftit jittrasformawha f’ġenna. Innota din id-deskrizzjoni taʼ kif x’aktarx li kienet.” Iftaħ il-ktieb Għarfien f’paġna 8, u aqra paragrafu 9, taħt is-sottitlu “Il-Ħajja Fil-Ġenna.” Imbagħad iddiskuti l-punti f’paragrafu 10, u aqra l-iskrittura ċitata, Isaija 55:10, 11. Offri li tkompli d-diskussjoni dwar kif il-ħajja fil-Ġenna restawrata se tkun u li tgħaddu paragrafi 11-16 flimkien. Jew inkuraġġixxi lil dak li jkun biex jaqra dan għalih waħdu, u ftiehem biex terġgħu tiltaqgħu u tiddiskutuh.
6 Jekk ma ġiex stabbilit studju fil-bidu, tistaʼ tipprova tagħmel dan fiż-żjara lura billi tgħid:
◼ “Bħalma ddiskutejna fl-aħħar konversazzjoni tagħna, huwa l-iskop taʼ Alla li l-art kollha kemm hi tiġi ttrasformata f’ġenna. Dan iqajjem il-mistoqsija, Kif se tkun il-Ġenna?” Iftaħ il-ktieb Għarfien f’kapitlu 1, u studjaw paragrafi 11-16, taħt is-sottitlu “Il-Ħajja Fil-Ġenna Rrestawrata.” Wara uri lill-individwu l-istampa f’paġni 4-5, u staqsih jekk jixtieqx jgħix f’ambjent sabiħ bħal dan. Imbagħad aqra l-ewwel sentenza taʼ paragrafu 17 f’paġna 10. Skond iċ-ċirkostanzi, jew kompli bl-istudju jew inkella għid li fiż-żjara li jmiss se tispjega x’inhu meħtieġ biex wieħed jgħix fil-Ġenna restawrata. Agħti handbill lill-individwu, spjegalu l-iskeda tal-laqgħat, u stiednu mill-qalb biex jattendi fis-Sala tas-Saltna.
7 Il-ktieb Għarfien huwa għodda eċċellenti biex jintuża f’li nirrivelaw lil oħrajn il-“ħajja taʼ dejjem” imwiegħda minn Alla. Li tikkonduċi studji tal-Bibbja fid-djar man-nies jistaʼ jnissel fihom din it-tama grandjuża li hija ispirata minn dak Alla “li ma jigdibx.”