Bierek Lil Jehovah “Il-Jum Kollu”
1 Salm 145:2 fih wegħda li s-Sultan David għamel lil Jehovah: “Il-jum kollu se nbierkek, u se nfaħħar lil ismek għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.” Aħna wkoll għandna għalfejn inbierku u nfaħħru lil Missierna tas-sema! Imma kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ David f’li neżaltaw is-sovranità taʼ Jehovah “il-jum kollu”?
2 Nimlew Lil Qlubna B’Apprezzament Lejn Jehovah: L-istudju regulari tal-Kelma t’Alla jagħmilha iktar profonda l-gratitudni tagħna għal dak li Jehovah għamel, qiegħed jagħmel, u għad irid jagħmel għalina. Hekk kif nikbru fl-apprezzament lejn l-atti meraviljużi tiegħu, se nsibu lilna nfusna nfuru bil-bosta minħabba t-tjubija tiegħu. (Salm 145:7) Se nfaħħru b’mod ħerqan lil Jehovah f’kull okkażjoni xierqa.
3 Infaħħru Lil Jehovah Fil-Konversazzjoni Taʼ Kuljum: Meta nkunu qegħdin nitkellmu mal-ġirien, maʼ sħabna fl-iskola, maʼ sħabna tax-xogħol, u m’oħrajn li naraw kuljum, nistgħu nsibu opportunitajiet biex naqsmu t-tama tagħna magħhom. Xi ġar jistaʼ jesprimi tħassib dwar il-kriminalità ġewwa l-komunità; xi sieħeb fl-iskola jistaʼ jkun inkwetat dwar l-abbuż tad-drogi jew l-immoralità; xi sieħeb fuq il-post tax-xogħol jistaʼ jistqarr xi opinjoni dwar xi kwistjoni politika. Nistgħu nirreferu għall-prinċipji u l-wegħdi fil-Kelma t’Alla li juru l-korsa xierqa li wieħed għandu jieħu issa u l-fejqan li ġej għal dawn il-problemi. Kliem bħal dan mitkellem ‘f’waqtu’ jistaʼ jkun taʼ barka!—Prov. 15:23.
4 Nitkellmu Dwar Jehovah Il-Ħin Kollu: Wieħed li għandu apprezzament profond lejn Jehovah irid jaqsam l-aħbar tajba maʼ kemm jistaʼ jkun nies oħrajn. (Salm 40:8-10) F’dan ir-rigward irridu nistaqsu lilna nfusna: ‘Qiegħed jien nagħmel dak kollu li ċ-ċirkostanzi tiegħi jippermettu?’ Ħafna sabu li bi ftit aġġustamenti raġonevoli, irnexxielhom isiru pijunieri regulari. Jekk iċ-ċirkostanzi preżenti ma jippermettux dan, nistgħu aħna ninkitbu bħala pijunieri awżiljarji? Peress li l-istaġun tal-Mafkar li ġej huwa żmien għal attività miżjuda, ix-xhur taʼ Marzu u April ikunu żmien tajjeb biex inżidu s-servizz tagħna billi nsiru pijunieri awżiljarji.
5 Ngħinu Lil Uħud Ġodda Biex Jingħaqdu Magħna F’Li Nfaħħru Lil Jehovah: Iċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù dejjem tfakkarna f’raġunijiet għalxiex inkunu grati lejn Jehovah u biex infaħħru lil Ismu. Dan huwa żmien tajjeb b’mod speċjali biex inħeġġu lill-istudenti tagħna tal-Bibbja ħalli jingħaqdu magħna f’li nitkellmu pubblikament dwar l-istat taʼ Jehovah bħala sultan. Ħeġġiġhom biex jirriflettu bit-talb dwar dak li hu mistqarr f’paragrafi 7-9 f’paġni 173-5 fil-ktieb Għarfien Li Jwassal Għal Ħajja Taʼ Dejjem. Jekk huma jikkwalifikaw, m’għandhomx għalfejn iżommu lura sempliċement għax m’għandhomx esperjenza. Pubblikaturi kapaċi huma disponibbli biex juruhom kif isir ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Jekk uħud ġodda jirnexxilhom juru biżżejjed qlubija biex jgħidu l-aħbar tajba, jistgħu jkunu fiduċjużi li Jehovah se jgħinhom.—Atti 4:31; 1 Tess. 2:2.
6 Aħna nġibu benefiċċji eterni kemm fuqna u kemm fuq oħrajn meta nfittxu li nbierku lil Jehovah il-jum kollu.