Min Se Jagħti Widen Għall-Messaġġ Tagħna?
1 Bħal qatt qabel fl-istorja umana, in-nies huma bbombardjati b’informazzjoni li l-biċċa l-kbira minnha hija vojta u saħansitra qarrieqa. Bħala riżultat, ħafna jħossuhom imħawdin dwar x’jaqbdu jaħsbu, u jsir taʼ sfida għalina biex inqanqluhom jagħtu widen għall-messaġġ dwar is-Saltna t’Alla. Huma ma japprezzawx x’effett pożittiv tistaʼ tħalli fuqhom il-Kelma t’Alla jekk jagħtuha widen.—Luqa 11:28.
2 Aħna nifirħu li f’ħafna partijiet tad-dinja għaxriet t’eluf taʼ nies qegħdin jagħtu widen għal dak il-messaġġ u qegħdin jaċċettaw l-offerta tagħna taʼ studji tal-Bibbja fid-dar. F’territorji oħrajn, madankollu, ir-reazzjoni m’hijiex daqstant kbira. Ħafna miż-żjajjar li nagħmlu fil-ministeru huma mingħajr riżultati pożittivi, u forsi nitħassbu dwar min se jagħti widen għall-messaġġ tagħna.
3 Hemm bżonn li noqogħdu għassa kontra li niġu skuraġġiti. Pawlu spjega: “‘Kulmin isejjaħ isem Jehovah se jkun salvat.’ Madankollu, kif se jsejħu lilu . . . li dwaru ma semgħux? Kif, imbagħad, se jisimgħu mingħajr ma xi ħadd jippriedka? . . . Bħalma huwa miktub: ‘Kemm huma attraenti saqajn dawk li jiddikjaraw aħbar tajba t’affarijiet tajbin!’” (Rum. 10:13-15) Jekk aħna niżirgħu ż-żerriegħa tas-Saltna b’mod diliġenti, Alla se jġagħalha tikber ġewwa dawk taʼ qalb onesta.—1 Kor. 3:6.
4 Iċ-Ċavetta Hija Li Nagħmlu Żjajjar Lura Regulari: F’territorji fejn donnu ftit nies jagħtu widen għall-messaġġ tagħna, hemm bżonn li nikkonċentraw fuq li niżviluppaw kwalunkwe interess li nsibu, kemm jekk inħallu xi letteratura u kemm jekk le. Għala nkunu ħfief biex nikkonkludu li xejn ma se jiġi mwettaq? Meta niżirgħu ż-żerriegħa, ma nafux fejn se jkollha suċċess. (Ekkl. 11:6) Jekk immorru lura ppreparati biex naqsmu xi ħaġa mill-Iskrittura, saħansitra jekk għal ftit ħin biss, jistaʼ jirnexxilna nilħqu l-qalb taʼ l-individwu. Nistgħu nħallu fuljett jew noffru r-rivisti taʼ l-aħħar. Eventwalment, forsi nkunu nistgħu nuru kif isir studju tal-Bibbja. Inkunu sorpriżi mhux ftit li naraw kemm Jehovah ibierek l-isforzi tagħna.—Salm 126:5, 6.
5 Wieħed mill-fuljetti ġie mogħti lil waħda mara li wriet xi interess. Din damet xahrejn biex reġgħet instabet id-dar, u dak in-nhar kienet wisq imħabbta biex titkellem. Reġgħet ngħatat l-istess fuljett għal darb’oħra. Minkejja l-isforzi persistenti tal-pubblikatriċi biex issibha d-dar, kellhom jgħaddu tliet xhur oħra sakemm ikkuntattjatha, iżda sabitha ma tiflaħx. L-oħt reġgħet marret il-ġimgħa taʼ wara, u kellhom konversazzjoni qasira dwar il-fuljett. Meta l-oħt irritornat il-ġimgħa taʼ wara, il-mara esprimiet interess ġenwin fil-messaġġ tas-Saltna. Bidla taċ-ċirkostanzi f’ħajjitha għamlitha konxja tal-bżonn spiritwali tagħha. Inbeda studju tal-Bibbja, u hi studjat bil-ħeġġa kollha kull ġimgħa minn dak in-nhar ’l hemm.
6 Bħal kull ħaġa oħra li nixtiequ narawha tikber, kemm jekk huma fjuri, ħxejjex, jew interess fil-messaġġ tas-Saltna, hemm bżonn taʼ l-ikkultivar. Dan jinvolvi żmien, stinkar, attitudni taʼ li wieħed jimpurtah, u determinazzjoni li ma taqtax qalbek. Is-sena l-oħra, tgħammdu iktar minn terz taʼ miljun ruħ li ż-żerriegħa tas-Saltna kienet rabbiet l-għeruq ġewwa fihom! Jekk nibqgħu nippridkaw, żgur li se nsibu ħafna oħrajn li se jagħtu widen għall-messaġġ tagħna.—Qabbel Galatin 6:9.