LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bi12 Marku 1:1-16:20
  • Skond Marku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Skond Marku
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Skond Marku

Skond Marku

1 Il-bidu taʼ l-​aħbar tajba dwar Ġesù Kristu: 2 Bħalma hu miktub fil-​ktieb tal-​profeta Isaija: “(Ara! Qed nibgħat lill-​messaġġier tiegħi quddiemek, u dan iħejji triqtek;)+ 3 ismaʼ, xi ħadd qed jgħajjat fix-​xagħri, ‘Ħejju t-​triq taʼ Ġeħova, iddrittaw triqatu,’”+ 4 Ġwanni l-​għammied mar fix-​xagħri jippriedka l-​magħmudija b’simbolu taʼ l-​indiema għall-​maħfra tad-​dnubiet.+ 5 Għaldaqstant, dawk kollha li kienu fit-​territorju tal-​Lhudija u l-​abitanti kollha taʼ Ġerusalemm marru ħdejh, u kienu mgħammdin minnu fix-​Xmara Ġordan, waqt li stqarrew quddiem kulħadd li kienu midinbin.+ 6 Issa Ġwanni kien jilbes xagħar tal-​ġemel u ħżiem tal-​ġild madwar ġenbejh,+ u kien jiekol ġurati+ u għasel salvaġġ.+ 7 U kien jippriedka u jgħid: “Warajja ġej xi ħadd li hu b’saħħtu iktar minni; jien ma jistħoqqlix nitbaxxa u nħoll il-​qfieli tas-​sandli tiegħu.+ 8 Jien għammidtkom bl-​ilma, imma hu jgħammidkom bl-​ispirtu qaddis.”+

9 Matul dawk il-​jiem Ġesù ġie minn Nazaret tal-​Galilija u tgħammed fil-​Ġordan minn Ġwanni.+ 10 U minnufih kif telaʼ mill-​ilma ra s-​smewwiet jinfetħu, u l-​ispirtu nieżel fuqu nnifsu bħal ħamiema;+ 11 u ġie leħen mis-​smewwiet: “Int Ibni, il-​maħbub; jien approvajtek.”+

12 U minnufih l-​ispirtu ġiegħlu jmur fix-​xagħri.+ 13 U baqaʼ fix-​xagħri erbgħin jum,+ ġie ttantat minn Satana,+ u kien mal-​bhejjem salvaġġi, imma l-​anġli kienu jaqduh.+

14 Issa, wara li Ġwanni ġie arrestat, Ġesù daħal fil-​Galilija+ jippriedka l-​aħbar tajba t’Alla+ 15 u jgħid: “Iż-​żmien stabbilit twettaq,+ u s-​saltna t’Alla qorbot. Indmu,+ u araw li jkollkom fidi fl-​aħbar tajba.”

16 Waqt li kien miexi maʼ xatt il-​baħar* tal-​Galilija ra lil Xmun+ u lil Indrì ħu Xmun jixħtu x-​xbieki fil-​baħar, għax kienu sajjieda.+ 17 Għalhekk, Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-​bnedmin.”+ 18 U mill-​ewwel abbandunaw ix-​xbieki tagħhom u marru warajh.+ 19 U wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu bin Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-​dgħajsa jsewwu x-​xbieki tagħhom;+ 20 u sejħilhom bla dewmien. Imbagħad huma ħallew lil missierhom Żebedew fid-​dgħajsa mal-​lavranti u telqu warajh. 21 U rħewlha lejn Kafarnahum.+

Lanqas laħaq wasal is-​Sabat* li ma daħalx fis-​sinagoga u beda jgħallem. 22 U huma stagħġbu bil-​mod kif għallimhom,+ għax kien qed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-​awtorità, u mhux bħall-​iskribi.+ 23 Ukoll, dak il-​ħin stess kien hemm fis-​sinagoga tagħhom raġel maħkum minn spirtu mhux nadif, u għajjat+ 24 u qal: “X’għandna x’naqsmu miegħek, Ġesù n-​Nazzarenu?+ Ġejt biex teqridna? Jien naf+ eżatt min int, il-​Qaddis+ t’Alla.”+ 25 Imma Ġesù ċanfru u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu!”+ 26 U, wara li qabbdu aċċessjoni u għajjat kemm felaħ, l-​ispirtu mhux nadif ħareġ minnu.+ 27 In-nies kollha tant stagħġbu li bdew jiddiskutu bejniethom u jgħidu: “Dan x’inhu? Tagħlim ġdid! Hu jordna b’awtorità saħansitra lill-​ispirti mhux nodfa, u dawn jobduh.”+ 28 Għalhekk, l-​aħbar dwaru xterdet minnufih maʼ kullimkien fl-​art kollha taʼ madwar il-​Galilija.+

29 U minnufih ħarġu mis-​sinagoga u daħlu fid-​dar taʼ Xmun+ u Indrì maʼ Ġakbu u Ġwanni. 30 Issa l-​kunjata+ taʼ Xmun kienet mixħuta bid-​deni,+ u mill-​ewwel qalulu biha. 31 U resaq lejha, qabdilha idha, u qajjimha; id-​deni ħallieha,+ u bdiet taqdihom.+

32 Fil-għaxija, wara li niżlet ix-​xemx, in-​nies bdew iġibulu lil kulmin kien marid+ u lil dawk li kienu maħkumin mid-​demonji;+ 33 u l-​belt kollha nġabret quddiem il-​bieb. 34 Għalhekk, fejjaq lil ħafna li kellhom mard differenti,+ u keċċa ħafna demonji, imma ma kienx iħalli d-​demonji jitkellmu, għax kienu jafu li hu Kristu.*+

35 U kmieni fil-​għodu, waqt li kien għadu d-​dlam, qam, ħareġ barra, u telaq lejn post imwarrab,+ u hemmhekk beda jitlob.+ 36 Madankollu, Xmun u dawk taʼ miegħu marru jfittxuh, 37 sabuh, u qalulu: “Kulħadd qed ifittxek.” 38 Imma hu qalilhom: “Ejja mmorru xi mkien ieħor, fl-​irħula fil-​qrib, sabiex inkun nistaʼ nippriedka+ hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt.”+ 39 U mar jippriedka fis-​sinagogi tagħhom fil-​Galilija kollha u jkeċċi d-​demonji.+

40 Resaq lejh ukoll wieħed imġiddem, talbu bil-​ħrara għarkopptejh u qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.”+ 41 Hu ħassu mqanqal u tħassru,+ ħareġ idu, messu, u qallu: “Irrid. Indaf.”+ 42 U minnufih il-​ġdiem għab minn fuqu, u ndaf.+ 43 Barra minn hekk, tah ordnijiet stretti u bagħtu mill-​ewwel 44 u qallu: “Ara li ma tgħid xejn lil ħadd, imma mur uri ruħek lill-​qassis+ u offri għat-​tindif tiegħek dak li ordna Mosè,+ bħala xiehda għalihom.”+ 45 Imma wara li telaq, ir-​raġel tant beda jxandar u jgħid lil kulħadd b’li ġralu, li Ġesù ma setax jidħol iktar bil-​miftuħ f’xi belt, imma kien jibqaʼ barra fl-​imwarrab. Madankollu, baqgħu ġejjin ħdejh minn kullimkien.+

2 Wara xi jiem reġaʼ daħal Kafarnahum u sar magħruf li kien id-​dar.+ 2 Għaldaqstant inġabru ħafna, tant li ma kienx hemm iżjed wisaʼ, lanqas ħdejn il-​bieb, u beda jxandrilhom il-​kelma.+ 3 U ġew xi rġiel li ġabulu paralitiku li kienu qed jerfgħuh erbgħa min-​nies.+ 4 Imma billi ma setgħux iressquh ħdejn Ġesù minħabba l-​folla, qalgħu s-​saqaf taʼ fuqu, għamlu fetħa, u niżżlu s-​sodda li fuqha kien mimdud il-​paralitiku.+ 5 U meta Ġesù ra l-​fidi tagħhom+ qal lill-​paralitiku: “Ibni, dnubietek maħfurin.”+ 6 Issa kien hemm xi skribi bil-​qiegħda li bdew jirraġunaw fi qlubhom:+ 7 “Dan ir-​raġel għala qed jitkellem hekk? Qed jidgħi. Min jistaʼ jaħfer id-​dnubiet ħlief Alla biss?”+ 8 Imma Ġesù, peress li mill-​ewwel għaraf fih innifsu li huma kienu qed jirraġunaw b’dan il-​mod fi qlubhom, qalilhom: “Għala qed tirraġunaw hekk fi qlubkom?+ 9 X’inhu l-​eħfef, li tgħid lill-​paralitiku, ‘Dnubietek maħfurin,’ jew li tgħidlu, ‘Qum, erfaʼ soddtok, u imxi’?+ 10 Imma sabiex tkunu tafu li Bin il-​bniedem+ għandu awtorità li jaħfer id-​dnubiet fuq l-​art,”+—qal lill-​paralitiku: 11 “Jien ngħidlek, Qum, erfaʼ soddtok, u mur id-​dar.”+ 12 U dan qam, minnufih refaʼ s-​sodda, u ħareġ ’il barra quddiemhom ilkoll,+ tant li kollha baqgħu mbellhin, u gglorifikaw lil Alla u qalu: “Qatt ma rajna ħaġa bħal din.”+

13 Reġaʼ ħareġ u mar ħdejn xatt il-​baħar; u l-​folla kollha baqgħet ġejja ħdejh, u beda jgħallimhom. 14 Imma waqt li kien għaddej, lemaħ lil Levi+ bin Alfew bil-​qiegħda fl-​uffiċċju tat-​taxxi u qallu: “Kun segwaċi tiegħi.” U dan qam u mar warajh.+ 15 Iktar tard Ġesù inzerta li kien qiegħed mal-​mejda d-​dar tiegħu, u kien hemm ħafna kolletturi tat-​taxxi+ u midinbin li poġġew miegħu u mad-​dixxipli tiegħu, għax kien hemm ħafna minnhom u bdew imorru warajh.+ 16 Imma l-​iskribi tal-​Fariżej, meta rawh li kien qed jiekol mal-​midinbin u l-​kolletturi tat-​taxxi, bdew jgħidu lid-​dixxipli tiegħu: “Dan jiekol mal-​kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin?”+ 17 Malli semaʼ dan Ġesù qalilhom: “Dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva. Ma ġejtx insejjaħ lin-​nies sewwa imma lill-​midinbin.”+

18 Issa d-​dixxipli taʼ Ġwanni u l-​Fariżej kienu jsumu regolarment. Għalhekk, ġew u qalulu: “Għala d-​dixxipli taʼ Ġwanni u d-​dixxipli tal-​Fariżej isumu regolarment imma d-​dixxipli tiegħek ma jsumux?”+ 19 U Ġesù qalilhom: “Waqt li l-​għarus ikun magħhom il-​ħbieb taʼ l-​għarus ma jistgħux isumu,+ hux hekk? Sakemm ikollhom l-​għarus magħhom ma jistgħux isumu.+ 20 Imma jiġi żmien meta l-​għarus jittiħdilhom, u mbagħad dakinhar isumu.+ 21 Ħadd ma jħit roqgħa drapp ġdid fuq libsa qadima; jekk jagħmel hekk, is-​saħħa tar-​roqgħa tiġbed il-​libsa, id-​drapp il-​ġdid jiġbed il-​qadim, u t-​tiċrita tikber.+ 22 Ukoll, ħadd ma jqiegħed inbid ġdid fi ġlud taʼ l-​inbid qodma; jekk jagħmel hekk, l-​inbid jifqaʼ l-​ġlud, u jintilfu kemm l-​inbid kif ukoll il-​ġlud.+ Imma n-​nies iqiegħdu nbid ġdid fi ġlud ġodda.”+

23 Issa ġara li f’jum is-​Sabat kien għaddej minn qalb l-​għelieqi miżrugħin bil-​qamħ, u d-​dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu+ s-​sbul+ huma u għaddejjin. 24 Għalhekk, il-​Fariżej qalulu: “Ismaʼ ’l hawn! Għala qed jagħmlu dak li skond il-​liġi ma jistgħux jagħmluh f’jum is-​Sabat?”+ 25 Imma hu qalilhom: “Qatt ma qrajtu x’għamel David+ meta ġie fil-​bżonn u qabdu l-​ġuħ, hu u l-​irġiel li kienu miegħu?+ 26 Kif hu daħal fid-​dar t’Alla, fir-​rakkont dwar Abjatar+ il-​qassis ewlieni, u kiel il-​ħobż tal-​preżentazzjoni,+ li skond il-​liġi+ ħadd ma jistaʼ jieklu ħlief il-​qassisin, u ta minnu wkoll lill-​irġiel li kienu miegħu?”+ 27 Għalhekk, kompla jgħidilhom: “Is-​Sabat kien magħmul għall-​bniedem,+ u mhux il-​bniedem għas-​Sabat;+ 28 għaldaqstant, Bin il-​bniedem hu saħansitra s-​Sid tas-​Sabat.”+

3 Għal darb’oħra daħal f’sinagoga, u kien hemm raġel b’idu niexfa.+ 2 Għalhekk, kienu għassa tiegħu biex jaraw jekk kienx se jfejjaq lir-​raġel f’jum is-​Sabat, sabiex ikunu jistgħu jakkużawh.+ 3 U qal lir-​raġel li kellu idu niexfa: “Qum u ejja fin-​nofs.” 4 Imbagħad qalilhom: “F’jum is-​Sabat, x’tistaʼ tagħmel skond il-​liġi, għemil tajjeb jew għemil ħażin, issalva ruħ jew toqtolha?”+ Imma huma baqgħu siekta. 5 U wara li b’ħarstu wriehom li ma ħax pjaċir, peress li kien imnikket għall-​aħħar minħabba l-​ebusija taʼ qlubhom,+ qal lir-​raġel: “Oħroġ idek.” U dan ħariġha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha.+ 6 U l-​Fariżej ħarġu ’l barra u minnufih bdew jiftiehmu mal-​partitarji t’Erodi+ kontra tiegħu, sabiex jeqirduh.+

7 Imma Ġesù telaq mad-​dixxipli tiegħu lejn in-​naħa tal-​baħar; u kotra kbira mill-​Galilija u mil-​Lhudija marret warajh.+ 8 U saħansitra minn Ġerusalemm u mill-​Idumija u min-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan u minn madwar Tir+ u Sidon ġiet ħdejh kotra kbira, meta semgħet b’dak kollu li kien qed jagħmel. 9 U qal lid-​dixxipli tiegħu biex ikollu dgħajsa żgħira l-​ħin kollu għad-​dispożizzjoni tiegħu sabiex il-​folla ma trossux. 10 Għax fejjaq lil ħafna, u minħabba f’hekk dawk kollha li kellhom mard serju kienu qed irossu fuqu biex imissuh.+ 11 Saħansitra l-​ispirti mhux nodfa,+ kulmeta kienu jarawh, kienu jinxteħtu fl-​art quddiemu u jgħajtu u jgħidu: “Int l-​Iben t’Alla.”+ 12 Imma ħafna drabi kien jordnalhom bis-​sħiħ biex ma jurux min kien.+

13 U telaʼ fuq muntanja u sejjaħ ħdejh lil min ried,+ u huma marru ħdejh.+ 14 U fforma grupp taʼ tnax, li semmiehom ukoll “appostli,” sabiex jibqgħu miegħu u jibgħathom jippridkaw+ 15 u jkollhom l-​awtorità li jkeċċu d-​demonji.+

16 U l-​grupp tat-​tnax li fforma kienu Xmun, li semmieh ukoll Pietru,+ 17 u Ġakbu bin Żebedew u Ġwanni ħu Ġakbu+ (lil dawn semmiehom ukoll Boanerġes, li jfisser Ulied ir-​Ragħad), 18 u Indrì u Filippu u Bartilmew u Mattew u Tumas u Ġakbu bin Alfew u Taddew u Xmun il-​Kanani* 19 u Ġuda l-​Iskarjota, li iktar tard ittradieh.+

U daħal ġo dar. 20 Għal darb’oħra nġabret il-​folla, tant li lanqas biss setgħu jieklu.+ 21 Imma meta qrabatu+ semgħu b’dan, ħarġu biex jaqbduh, għax bdew jgħidu: “Tilef moħħu.”+ 22 Ukoll, l-​iskribi li niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Għandu lil Begħelżebub, u hu jkeċċi d-​demonji permezz tal-​ħakkiem tad-​demonji.”+ 23 Għalhekk, wara li sejħilhom lejh, beda jgħidilhom permezz taʼ tixbihat: “Kif jistaʼ Satana jkeċċi lil Satana? 24 Jekk saltna tinqasam kontra tagħha stess, dik is-​saltna ma tistax tibqaʼ wieqfa;+ 25 u jekk dar tinqasam kontra tagħha stess, dik id-​dar ma tkunx tistaʼ tibqaʼ wieqfa.+ 26 Ukoll, jekk Satana qam kontra tiegħu nnifsu u nqasam, ma jistax jibqaʼ wieqaf, imma se jintemm.+ 27 Fil-fatt, jekk xi ħadd jidħol fid-​dar taʼ raġel b’saħħtu ma jkunx jistaʼ jisraqlu+ ġidu jekk l-​ewwel ma jorbotx lir-​raġel, u mbagħad ikun jistaʼ jisraq minn daru.+ 28 Tassew ngħidilkom li kollox jinħafer lil ulied il-​bnedmin, ikunu xi jkunu d-​dnubiet u d-​dagħa li jidgħu.+ 29 Madankollu, kulmin jidgħi kontra l-​ispirtu qaddis qatt ma jinħafirlu, imma jkun ħati taʼ dnub għal dejjem.”+ 30 Dan qalu għax kienu qed jgħidu: “Għandu spirtu mhux nadif.”+

31 Issa ġew ommu u ħutu,+ u, waqt li kienu bil-​wieqfa barra, bagħtu jsejħulu.+ 32 Kien hemm folla bil-​qiegħda madwaru, u għalhekk qalulu: “Ara! Hemm ommok u ħutek barra u qed ifittxuk.”+ 33 Imma wieġeb u qalilhom: “Min huma ommi u ħuti?”+ 34 U ħares lejn dawk li kienu bil-​qiegħda madwaru dawra tond u qal: “Ara, ommi u ħuti!+ 35 Kulmin jagħmel ir-​rieda t’Alla, dan hu ħija u oħti u ommi.”+

4 U għal darb’oħra beda jgħallem ħdejn il-​baħar.+ U folla kbira ferm inġabret ħdejh, u għalhekk telaʼ bil-​qiegħda f’dgħajsa u qagħad fuq il-​baħar, imma l-​folla kollha kienet f’xatt il-​baħar.+ 2 Għaldaqstant, beda jgħallimhom ħafna affarijiet bit-​tixbihat+ u jgħidilhom fit-​tagħlim tiegħu:+ 3 “Isimgħu. Ara! Wieħed raġel ħareġ jiżraʼ.+ 4 U waqt li kien qed jiżraʼ, xi żerriegħa waqgħet fil-​ġenb tat-​triq, u ġew l-​għasafar u kiluha.+ 5 U xi żerriegħa oħra waqgħet fuq il-​blat fejn, naturalment, ma tantx kellha ħamrija, u, peress li l-​ħamrija ma kinitx fonda, nibtet mill-​ewwel.+ 6 Imma meta telgħet ix-​xemx, inħarqet, u, għax ma kellhiex għeruq, nixfet.+ 7 U xi żerriegħa oħra waqgħet qalb ix-​xewk, u x-​xewk kiber u ħonoqha, u ma tatx frott.+ 8 Imma oħrajn waqgħu f’ħamrija tajba,+ u, meta kibru u kotru, bdew jagħtu l-​frott, u din bdiet tagħti tletin, dik sittin u dik mija.”+ 9 Għalhekk, żied jgħid: “Min għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”+

10 Issa, meta kien waħdu, dawk taʼ madwaru flimkien mat-​tnax bdew jistaqsuh dwar it-​tixbihat.+ 11 U qalilhom: “Lilkom ngħata s-​sigriet sagru+ tas-​saltna t’Alla, imma għal dawk taʼ barra kollox iseħħ bit-​tixbihat,+ 12 sabiex, għalkemm iħarsu, iħarsu iżda ma jarawx, u għalkemm jisimgħu, jisimgħu iżda ma jifhmux, u qatt ma jduru lura u tingħatalhom il-​maħfra.”+ 13 Barra minn hekk qalilhom: “Ma tafuhiex din it-​tixbiha, allura kif se tifhmu t-​tixbihat l-​oħrajn kollha?

14 “Dak li jiżraʼ, jiżraʼ l-​kelma.+ 15 Dawn, mela, huma dawk li waqgħu fil-​ġenb tat-​triq fejn tinżeraʼ l-​kelma: malli jkunu semgħuha, jiġi+ Satana u jieħu l-​kelma li nżergħet fihom.+ 16 U bl-​istess mod dawn huma dawk li nżergħu fuq il-​blat: malli jisimgħu l-​kelma, jaċċettawha bil-​ferħ.+ 17 Iżda m’għandhomx għeruq fihom infushom, imma jkomplu għal xi żmien; imbagħad malli tqum xi tribulazzjoni jew persekuzzjoni minħabba l-​kelma, jitfixklu.+ 18 Jerġaʼ hemm oħrajn li jinżergħu qalb ix-​xewk; dawn huma dawk li jkunu semgħu l-​kelma,+ 19 imma l-​ansjetajiet+ taʼ din is-​sistema, il-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi,+ u x-​xewqa+ għal affarijiet oħra jidħlu fihom u joħonqu l-​kelma, u din issir bla frott.+ 20 Fl-aħħarnett, dawk li nżergħu f’ħamrija tajba huma dawk li jisimgħu l-​kelma u jilqgħuha u jagħtu l-​frott, min tletin u min sittin u min mija.”+

21 U kompla jgħidilhom: “Il-​musbieħ ma jġibuhx biex iqegħduh taħt qoffa jew taħt sodda, hux hekk? Iġibuh biex iqegħduh fuq gandlier, mhux hekk?+ 22 Għax m’hemm xejn mistur jekk mhux biex jinkixef; xejn m’hu moħbi bil-​għaqal jekk mhux biex joħroġ fil-​beraħ.+ 23 Kulmin għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”+

24 Qalilhom ukoll: “Oqogħdu attenti x’qed tisimgħu.+ Bil-​kejl li qed tkejlu intom, se jitkejlilkom,+ iva, iktar se jiżdidilkom.+ 25 Għax min għandu se jingħatalu iktar, imma min m’għandux se jittiħidlu saħansitra dak li għandu.”+

26 Għalhekk, kompla jgħid: “B’dan il-​mod is-​saltna t’Alla hi bħal meta raġel jixħet iż-​żerriegħa fl-​art,+ 27 u jorqod bil-​lejl u jqum bi nhar, u ż-​żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.+ 28 L-art tagħti l-​frott minnha nfisha bil-​mod il-​mod, l-​ewwel in-​nebbieta, imbagħad is-​sbula, fl-​aħħarnett il-​qamħ mimli fis-​sbula. 29 Imma malli jsir il-​frott ilesti l-​minġel, għax ikun wasal il-​ħsad.”

30 U kompla jgħid: “ Maʼ liema ħaġa nxebbhuha s-​saltna t’Alla, jew b’liema tixbiha nfissruha?+ 31 Hi bħal żerriegħa tal-​mustarda, li meta nżergħet fl-​art kienet l-​iżgħar miż-​żrieragħ kollha li hawn fuq l-​art+— 32 imma wara li tinżeraʼ, titlaʼ u ssir akbar mill-​ħxejjex l-​oħrajn kollha u tipproduċi friegħi kbar,+ tant li l-​għasafar tas-​sema+ jkunu jistgħu joqogħdu għad-​dell tagħha.”+

33 Għalhekk, kien ixandrilhom il-​kelma b’ħafna tixbihat+ bħal dawn, sakemm setgħu jifhmu. 34 Tabilħaqq, ma kienx ikellimhom mingħajr xi tixbiha, imma meta kien ikun waħdu mad-​dixxipli tiegħu, lil dawn kien jispjegalhom kollox.+

35 U dakinhar, x’ħin sar fil-​għaxija, qalilhom: “Ejja naqsmu għax-​xatt l-​ieħor.”+ 36 Għalhekk, wara li bagħtu lill-​folla, ħaduh magħhom kif kien fid-​dgħajsa, u miegħu kien hemm dgħajjes oħrajn.+ 37 Issa, qam riefnu qawwi ferm, u l-​mewġ beda jħabbat mad-​dgħajsa b’qawwa kbira, hekk li d-​dgħajsa kienet għoddha mtliet bl-​ilma.+ 38 Imma hu kien fil-​poppa, rieqed fuq imħadda. Għalhekk, qajmuh u qalulu: “Għalliem, ma jimpurtakx li se nintilfu?”+ 39 Għal dan, qam u ċanfar ir-​riħ u qal lill-​baħar: “Iskot! Oqgħod kwiet!”+ U r-​riħ batta, u waqgħet kalma kbira.+ 40 Għalhekk, qalilhom: “Għalfejn qed tibżgħu? Għadkom bla fidi?” 41 Imma qabadhom biżaʼ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-​riħ u l-​baħar jobduh?”+

5 Waslu n-​naħa l-​oħra tal-​baħar fl-​art tal-​Gerasin.+ 2 U minnufih, wara li niżel mid-​dgħajsa, iltaqaʼ miegħu raġel li ħareġ minn qalb l-​oqbra tat-​tifkira+ u li kien maħkum minn spirtu mhux nadif. 3 Hu kien iħobb joqgħod qalb l-​oqbra; u sa dakinhar assolutament ħadd ma setaʼ jorbtu tajjeb, lanqas b’katina, 4 għax bosta drabi kien ġie marbut bil-​ktajjen maʼ saqajh u idejh, imma l-​ktajjen kien jaqtagħhom u l-​irbit maʼ saqajh kien ikissru; u ħadd ma kellu s-​saħħa jrażżnu. 5 U kontinwament, lejl u nhar, kien joqgħod jgħajjat qalb l-​oqbra u fuq il-​muntanji u jqattaʼ lilu nnifsu bil-​ġebel. 6 Imma malli lemaħ lil Ġesù mill-​bogħod, ġera lejh u miel quddiemu, 7 u għajjat b’leħen għoli+ u qallu: “X’għandi x’naqsam miegħek, Ġesù, Bin Alla l-​Iktar Għoli?+ Inġiegħlek taħlef+ b’Alla biex ma titturmentanix.”+ 8 Għax kien qed jgħidlu: “Oħroġ minn ġo dan ir-​raġel, ja spirtu mhux nadif.”+ 9 U beda jistaqsih: “X’jismek?” Qallu: “Jisimni Leġjun,+ għax qegħdin ħafna.”+ 10 U beda jitolbu bil-​ħrara ħafna drabi biex ma jibgħatx lill-​ispirti barra mill-​pajjiż.+

11 Issa kien hemm merħla kbira taʼ ħnieżer+ tirgħa ħdejn il-​muntanja.+ 12 Għalhekk, talbuh bil-​ħrara u qalulu: “Ibgħatna fil-​ħnieżer, ħa nidħlu fihom.” 13 U tahom permess. Imbagħad l-​ispirti mhux nodfa ħarġu u daħlu fil-​ħnieżer; u l-​merħla qabżet minn fuq l-​irdum għal ġol-​baħar u kollha għerqu, wieħed wara l-​ieħor, madwar elfejn ħanżir.+ 14 Imma r-​rgħajja tagħhom ħarbu u xerrdu l-​aħbar mal-​belt u l-​kampanja; u n-​nies ġew biex jaraw x’kien ġara.+ 15 Għalhekk, ġew ħdejn Ġesù, u raw lir-​raġel maħkum mid-​demonji bil-​qiegħda, liebes, u b’moħħu f’loku, dak li qabel kellu l-​leġjun; u bdew jibżgħu. 16 Ukoll, dawk li raw x’kien ġara rrakkontawlhom minn xiex għadda r-​raġel maħkum mid-​demonji u dwar il-​ħnieżer. 17 U għalhekk bdew jitolbuh bil-​ħrara biex jitlaq mid-​distretti tagħhom.+

18 Issa, kif kien tielaʼ fid-​dgħajsa, ir-​raġel li qabel kien maħkum mid-​demonji beda jitolbu bil-​ħrara biex jibqaʼ miegħu.+ 19 Madankollu, ma ħalliehx, imma qallu: “Mur id-​dar għand qrabatek,+ u għidilhom dak kollu li Ġeħova+ għamel miegħek u l-​ħniena+ li wriek.” 20 U telaq u beda jxandar fid-​Dekapoli*+ dak kollu li Ġesù għamel miegħu, u n-​nies kollha bdew jistagħġbu.+

21 Wara li Ġesù reġaʼ qasam lura bid-​dgħajsa għax-​xatt l-​ieħor, folla kbira nġabret madwaru waqt li kien ħdejn il-​baħar.+ 22 Issa ġie wieħed mill-​uffiċjali li jippresiedu fis-​sinagoga, jismu Ġajru, u, malli lemħu, inxteħet f’riġlejh,+ 23 talbu bil-​ħrara bosta drabi, u qallu: “Binti ż-​żgħira qiegħda ħażin ħafna. Jekk jogħġbok, ejja poġġi idejk+ fuqha biex hi tfiq u tgħix.”+ 24 Għal dan il-​kliem, mar miegħu. U folla kbira kienet miexja warajh u tross fuqu.+

25 Issa kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena+ tbati bi tnixxija taʼ demm,+ 26 u kienet batiet ferm taħt ħafna tobba+ u nefqet kulma kellha iżda ma swielha xejn, anzi marret għall-​agħar. 27 Meta semgħet dwar Ġesù, ġiet minn warajh fil-​folla u messitlu+ l-​libsa; 28 għax bdiet tgħid: “Jekk imqar immisslu ħwejġu nfiq.”+ 29 U n-​nixxiegħa tad-​demm waqfitilha mill-​ewwel, u ħasset f’ġisimha li kienet fieqet minn din il-​marda kiefra.+

30 Minnufih, ukoll, Ġesù ntebaħ li kienet ħarġet qawwa+ minnu, u dar lejn il-​folla u beda jgħid: “Min messli ħwejġi?”+ 31 Imma d-​dixxipli tiegħu bdew jgħidulu: “Qed tara l-​folla tross fuqek+ u tgħid, ‘Min messni?’” 32 Madankollu, hu kien qed iħares madwaru biex jara min kienet dik li messitu. 33 Issa l-​mara, tirtogħod bil-​biżaʼ peress li kienet taf xi ġralha, ġiet u nxteħtet quddiemu u qaltlu l-​verità kollha.+ 34 Hu qalilha: “Binti, il-​fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-​paċi,+ u kun imfejqa mill-​marda kiefra tiegħek.”+

35 Waqt li kien għadu jitkellem, ġew xi rġiel mid-​dar taʼ l-​uffiċjal li jippresiedi fis-​sinagoga u qalu: “Bintek mietet! Għala tibqaʼ tħabbat lill-​għalliem?”+ 36 Imma Ġesù, billi semaʼ dak li kienu qed jgħidu, qal lill-​uffiċjal li jippresiedi fis-​sinagoga: “Tibżax, biss eżerċita l-​fidi.”+ 37 Issa ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni ħu Ġakbu.+

38 U waslu d-​dar taʼ l-​uffiċjal li jippresiedi fis-​sinagoga, u ra konfużjoni sħiħa u nies jibku u jolfqu. 39 Daħal ġewwa u qalilhom: “Għala din il-​frattarija u dan il-​biki? It-​tifla mhix mejta, imma rieqda.”+ 40 Għal dan, bdew jiddieħqu bih. Imma, wara li bagħat lil kulħadd ’il barra, ħa miegħu lil missier u omm it-​tifla u lil dawk li kienu miegħu, u daħal fejn kien hemm it-​tifla.+ 41 Imbagħad qabadha minn idha u qalilha: “Talita kumi,” kliem li meta jiġi tradott ifisser: “Tfajla, ngħidlek, Qum!”+ 42 U minnufih it-​tfajla qamet u bdiet timxi, għax kellha tnax-il sena. U mill-​ewwel intilfu f’estasi kbira taʼ ferħ.+ 43 Imma ordnalhom darba wara l-​oħra biex ma jħallu lil ħadd isir jaf+ b’dan, u qalilhom biex jagħtuha xi ħaġa x’tiekol.

6 U telaq minn hemmhekk u ġie pajjiżu, u d-​dixxipli tiegħu marru warajh.+ 2 Meta wasal is-​Sabat, beda jgħallem fis-​sinagoga; u l-​biċċa l-​kbira minn dawk li kienu qed jisimgħuh stagħġbu u qalu: “Dan ir-​raġel minfejn ġab dan kollu?+ U dan l-​għerf għala ngħata lil dan ir-​raġel, u għemejjel setgħanin bħal dawn għala qed jitwettqu b’idejh? 3 Dan mhux il-​mastrudaxxa+ bin Marija+ u ħu Ġakbu+ u Ġużeppi u Ġuda u Xmun?+ U ħutu l-​bniet m’humiex qegħdin hawnhekk magħna?” Għalhekk, bdew jitfixklu minħabba fih.+ 4 Imma Ġesù qalilhom: “Profeta jiġi onorat kullimkien minbarra f’pajjiżu,+ fost qrabatu, u f’daru stess.”+ 5 Għaldaqstant ma setaʼ jagħmel ebda għemil setgħan hemmhekk ħlief iqiegħed idejh fuq ftit morda u jfejjaqhom. 6 Tabilħaqq, baqaʼ mistagħġeb minħabba n-​nuqqas taʼ fidi tagħhom. U mar idur l-​irħula taʼ dawk l-​inħawi, jgħallem.+

7 Issa sejjaħ lit-​tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn+ u jagħtihom l-​awtorità fuq l-​ispirti mhux nodfa.+ 8 Ukoll, ordnalhom biex għall-​vjaġġ ma jieħdu xejn magħhom ħlief bastun, u la ħobż, la ħorġa taʼ l-​ikel,+ u lanqas flus tar-​ram aħmar fil-​bwiet taʼ ħżiemhom,+ 9 imma jilbsu sandli, u ma jilbsux żewġ ilbiesi.+ 10 Barra minn hekk, qalilhom: “Kulfejn tidħlu f’xi dar,+ oqogħdu fiha sakemm titilqu minn dak il-​post.+ 11 U f’kull post fejn ma jilqgħukomx u ma jisimgħukomx, intom u ħerġin minn hemmhekk farfru t-​trab minn taħt saqajkom bħala xiehda għalihom.”+ 12 Għalhekk, telqu jippridkaw sabiex in-​nies jindmu;+ 13 u kienu jkeċċu ħafna demonji+ u jidilku biż-​żejt+ lil ħafna morda u jfejquhom.+

14 Issa dan wasal f’widnejn is-​Sultan Erodi,* għax isem Ġesù sar magħruf, u n-​nies kienu qed jgħidu: “Ġwanni l-​għammied ġie mqajjem mill-​mewt, u minħabba f’hekk qed iwettaq għemejjel setgħanin.”+ 15 Imma oħrajn kienu qed jgħidu: “Hu Elija.”+ Jerġaʼ oħrajn kienu qed jgħidu: “Hu profeta bħal wieħed mill-​profeti.”+ 16 Imma meta Erodi semaʼ dan, beda jgħid: “Ġwanni li qtajtlu rasu ġie mqajjem.”+ 17 Għax Erodi kien bagħat jarresta lil Ġwanni u rabtu fil-​ħabs minħabba Erodja mart ħuh Filippu, peress li kien iżżewwiġha hu.+ 18 Għax Ġwanni kien qallu kemm-il darba lil Erodi: “Skond il-​liġi ma jistax ikollok il-​mara taʼ ħuk.”+ 19 Imma Erodja kienet qed iżżomm f’qalbha+ għalih u riedet toqtlu, imma ma setgħetx.+ 20 Għax Erodi kien jibżaʼ+ minn Ġwanni, peress li kien jafu bħala raġel sewwa u qaddis;+ u kien qed jipproteġih. U wara li semgħu+ ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel, iżda baqaʼ jieħu pjaċir jisimgħu.

21 Imma wasal jum konvenjenti+ meta Erodi għal għeluq sninu+ għamel ikla taʼ fil-​għaxija għall-​kbarat tiegħu u għall-​kmandanti militari u n-​nies importanti tal-​Galilija. 22 U bint din Erodja daħlet tiżfen u għoġbot lil Erodi u lil dawk li kienu mal-​mejda+ miegħu. Is-​sultan qal lit-​tfajla: “Itlobni kulma trid, u nagħtihulek.” 23 Iva, ħalfilha: “Kulma titlobni nagħtihulek,+ sa nofs is-​saltna tiegħi.”+ 24 U ħarġet u qalet lil ommha: “X’se nitolbu?” Qaltilha: “Ras Ġwanni l-​għammied.”+ 25 Minnufih daħlet tiġri għand is-​sultan u qaltlu x’riedet: “Irridek tagħtini issa stess fuq platt ras Ġwanni l-​Battista.” 26 Għalkemm tnikket ħafna, is-​sultan ma riedx jinjoraha minħabba l-​ħalfa tiegħu u minħabba dawk li kienu mal-​mejda.+ 27 Għalhekk, is-​sultan minnufih bagħat suldat u ordnalu jġib ras Ġwanni. U telaq, qatagħlu rasu fil-​ħabs,+ 28 ġabha fuq platt, u taha lit-​tfajla, imbagħad it-​tfajla tatha lil ommha.+ 29 Meta d-​dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ġew u ħadu l-​ġisem tiegħu u poġġewh f’qabar tat-​tifkira.+

30 U l-​appostli nġabru quddiem Ġesù u qalulu kulma kienu għamlu u għallmu.+ 31 U qalilhom: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab+ u strieħu ftit.”+ Għax kien hemm ħafna ġejjin u sejrin, u ma kellhomx ħin għall-​mistrieħ lanqas biex jieklu.+ 32 Għalhekk, telqu bid-​dgħajsa lejn post imwarrab sabiex ikunu waħedhom.+ 33 Imma n-​nies rawhom sejrin u ħafna saru jafu b’dan, u mill-​bliet kollha telqu jħaffu ’l hemm flimkien bil-​mixi u waslu qabilhom.+ 34 Meta ħareġ mid-​dgħajsa ra folla kbira u ħassu mqanqal u tħassarhom,+ għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.+ U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.+

35 Issa kien sar ħafna ħin, u d-​dixxipli tiegħu resqu lejh u bdew jgħidulu: “Il-​post hu mwarrab, u diġà sar ħafna ħin.+ 36 Ibgħathom biex imorru fil-​kampanja u fl-​irħula taʼ madwarna ħa jixtru xi ħaġa x’jieklu.”+ 37 Wieġeb u qalilhom: “Agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.” Qalulu: “Tridna mmorru nixtru b’mitejn dinar* ħobż u nagħtuh lin-​nies biex jikluh?”+ 38 Qalilhom: “Kemm-il ħobża għandkom? Morru araw!” Malli saru jafu kemm kien hemm, qalulu: “Ħamsa, kif ukoll żewġ ħutiet.”+ 39 U ordnalhom ilkoll jinxteħtu fi qtajjaʼ+ fuq il-​ħaxix aħdar.+ 40 U dawn poġġew fi gruppi taʼ mija u taʼ ħamsin.+ 41 Issa hu qabad il-​ħames ħobżiet u ż-​żewġ ħutiet, refaʼ għajnejh lejn is-​sema, qal talba,+ qasam+ il-​ħobż, u beda jagħtih lid-​dixxipli sabiex dawn inewluh lin-​nies; u qassam iż-​żewġ ħutiet bejn kulħadd. 42 U hekk kulħadd kiel u xebaʼ;+ 43 u ġabru l-​bċejjeċ u mlew tnax-il qoffa, minbarra l-​ħut. 44 Iktar minn hekk, dawk li kielu mill-​ħobż kienu ħamest elef raġel.+

45 U, bla dewmien, ġiegħel lid-​dixxipli tiegħu jitilgħu fid-​dgħajsa u jmorru qablu x-​xatt l-​ieħor lejn Betsajda, waqt li hu bagħat lill-​folla.+ 46 Imma wara li sellmilhom telaʼ fuq muntanja biex jitlob.+ 47 Issa kien sar fil-​għaxija u d-​dgħajsa kienet f’nofs taʼ baħar, imma hu kien waħdu l-​art.+ 48 U meta rahom jitħabtu+ biex jaqdfu, għax ir-​riħ kien kontrihom, ġie lejhom, madwar ir-​rabaʼ għassa* tal-​lejl, miexi fuq il-​baħar; imma kien donnu se jibqaʼ għaddej. 49 Malli lemħuh miexi fuq il-​baħar ħasbu: “Din xi dehra!” u qabdu jgħajtu.+ 50 Għax huma lkoll rawh u tħawdu. Imma minnufih hu kellimhom u qalilhom: “Agħmlu kuraġġ, hu jien; tibżgħux.”+ 51 U telaʼ fid-​dgħajsa magħhom, u r-​riħ batta. Meta raw dan baqgħu mistagħġbin ferm fihom infushom,+ 52 għax huma ma kinux fehmu t-​tifsira tal-​ħobż, għax qlubhom baqgħu tqal biex jifhmu.+

53 U meta qasmu għan-​naħa l-​oħra, waslu Ġennesaret u ankraw id-​dgħajsa fil-​qrib.+ 54 Imma malli ħarġu mid-​dgħajsa, in-​nies għarfuh 55 u ġrew madwar dak ir-​reġjun kollu u bdew iġorru lill-​morda fuq is-​sodod lejn il-​post fejn kienu jisimgħu li qiegħed. 56 U kulfejn kien jidħol fl-​irħula, fil-​bliet, jew fil-​kampanja+ kienu jpoġġu lill-​morda fis-​swieq, u kienu jitolbuh bil-​ħniena biex imqar imissulu+ t-​tarf+ tal-​libsa. U kulmin kien imissu kien ifiq.+

7 Issa nġabru madwaru+ l-​Fariżej u xi wħud mill-​iskribi li ġew minn Ġerusalemm. 2 U meta raw lil xi wħud mid-​dixxipli tiegħu jieklu b’idejhom imniġġsin, jiġifieri, mhux maħsulin+— 3 għax il-​Fariżej u l-​Lhud kollha, biex iżommu sod mat-​tradizzjoni taʼ dawk taʼ qabilhom, ma jiklux jekk ma jaħslux idejhom sal-​minkeb, 4 u, meta jiġu lura mis-​suq, ma jiklux jekk ma jroxxux l-​ilma fuqhom biex jitnaddfu; u hemm ħafna tradizzjonijiet+ oħra li għaddew għandhom biex iżommuhom, bħat-​tgħaddis fl-​ilma taʼ tazzi, buqari, u reċipjenti tar-​ram aħmar;+— 5 għalhekk, dawn il-​Fariżej u l-​iskribi staqsewh: “Id-​dixxipli tiegħek għala ma jimxux mat-​tradizzjoni taʼ dawk taʼ qabilna, imma jieklu b’idejhom imniġġsin?”+ 6 Qalilhom: “Sewwa pprofetizza dwarkom Isaija, ja ipokriti, bħalma hu miktub,+ ‘Dan il-​poplu jonorani b’xofftejh, imma qalbu mbiegħda minni.+ 7 Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-​kmandi tal-​bnedmin.’+ 8 Intom titilqu l-​kmandament t’Alla u żżommu sod mat-​tradizzjoni tal-​bnedmin.”+

9 Iżjed minn hekk, kompla jgħidilhom: “Fin fin twarrbu fil-​ġenb il-​kmandament+ t’Alla sabiex iżżommu t-​tradizzjoni tagħkom. 10 Per eżempju, Mosè qal, ‘Onora lil missierek u lil ommok,’+ u, ‘Min iżeblaħ lil missieru jew lil ommu jieħu l-​mewt.’+ 11 Imma intom tgħidu, ‘Jekk xi ħadd jgħid lil missieru jew lil ommu: “Kulma għandi li bih nistaʼ nkun t’għajnuna għalik hu qorban,+ (jiġifieri, għotja dedikata+ lil Alla,)”’— 12 intom ma tħalluh jagħmel xejn għal missieru jew għal ommu,+ 13 u b’hekk iġġibu l-​kelma t’Alla+ fix-​xejn bit-​tradizzjoni tagħkom li intom għaddejtu lil oħrajn. U tagħmlu ħafna affarijiet+ bħal dawn.” 14 Għalhekk, reġaʼ sejjaħ lill-​folla lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmu.+ 15 M’hemm xejn minn barra li meta jidħol fil-​bniedem jistaʼ jniġġsu; imma dak li joħroġ mill-​bniedem hu dak li jniġġes lill-​bniedem.”+ 16* ——

17 Issa daħal ġo dar lil hinn mill-​folla u d-​dixxipli tiegħu bdew jistaqsuh dwar it-​tixbiha.+ 18 Għalhekk, qalilhom: “Intom ukoll m’intomx tifhmu, bħalhom?+ Ma tafux li xejn minn barra li jidħol fil-​bniedem ma jistaʼ jniġġsu, 19 ladarba ma jidħolx f’qalbu imma fi msarnu u jgħaddi għal ġod-​dranaġġ?”+ B’hekk iddikjara li l-​ikel kollu hu nadif.+ 20 Iżjed minn hekk, qal: “Dak li joħroġ mill-​bniedem hu dak li jniġġes lill-​bniedem;+ 21 għax minn ġewwa, mill-​qalb tal-​bnedmin,+ joħroġ irraġunar li jagħmel ħafna ħsara: żína,+ serq, qtil,+ 22 adulterji, xenqiet b’għira,+ atti mill-​agħar, qerq, kondotta laxka,+ għajn għajjura, dagħa, suppervja, nuqqas taʼ raġunevolezza. 23 Dawn l-​affarijiet mill-​agħar minn ġewwa kollha joħorġu u jniġġsu lill-​bniedem.”+

24 Qam minn hemmhekk u mar fir-​reġjuni taʼ Tir u Sidon.+ U daħal ġo dar u ma ried lil ħadd ikun jaf. Madankollu, ma setax jaħrab l-​attenzjoni tan-​nies;+ 25 u minnufih semgħet dwaru waħda mara, li bintha ċ-​ċkejkna kellha spirtu mhux nadif, u ġiet u nxteħtet f’riġlejh.+ 26 Il-mara kienet Griega, taʼ nazzjonalità Sirofeniċjana; u hi bdiet titolbu biex ikeċċi lid-​demonju minn ġo bintha.+ 27 Imma hu beda billi qalilha: “L-​ewwel ħa jixbgħu t-​tfal, għax mhux sewwa li tieħu l-​ħobż tat-​tfal+ u titfgħu lill-​ġriewi.”+ 28 Madankollu, hi wieġbet u qaltlu: “Iva, sinjur, iżda l-​ġriewi taħt il-​mejda jieklu mill-​frak+ tat-​tfal żgħar.”+ 29 Għal dan il-​kliem qalilha: “Talli għedt dan, mur; id-​demonju ħareġ minn ġo bintek.”+ 30 Għalhekk, telqet lejn darha u sabet+ lit-​tifla mimduda fuq is-​sodda u d-​demonju kien ħareġ minnha.

31 Issa, hu u ġej lura mill-​inħawi taʼ Tir, għadda minn Sidon lejn il-​baħar tal-​Galilija minn nofs ir-​reġjuni tad-​Dekapoli.*+ 32 U ġabulu raġel trux u mbikkem, u talbuh bil-​ħrara biex iqiegħed idu fuqu.+ 33 U ħadu waħdu lil hinn mill-​folla u daħħal subgħajh f’widnejn ir-​raġel, imbagħad beżaq u messlu lsienu.+ 34 U, waqt li ħares ’il fuq lejn is-​sema,+ ħa nifs+ fil-​fond u qallu: “Effata,” jiġifieri, “Infetaħ.” 35 Imbagħad, widnejh infetħu,+ u lsienu nħall u beda jitkellem b’mod normali. 36 U ordnalhom biex ma jgħidu lil ħadd;+ imma iktar ma kien jordnalhom, iktar kienu jxandruh.+ 37 Tabilħaqq, huma baqgħu mibluhin u mgħaġġbin+ għall-​aħħar u qalu: “Kollox għamel sew. Saħansitra lit-​torox iġibhom jisimgħu u lill-​muti jitkellmu.”+

8 F’dawk il-​jiem, meta għal darb’oħra kien hemm folla kbira u ma kellhomx x’jieklu, sejjaħ lid-​dixxipli u qalilhom:+ 2 “Nitħassarhom+ lil dawn in-​nies, għax diġà ilhom tlett ijiem ħdejja u m’għandhom xejn x’jieklu; 3 u li kieku kelli nibgħathom lejn darhom sajmin, iħosshom ħażin fit-​triq. Tabilħaqq, xi wħud minnhom ġew mill-​bogħod.” 4 Imma d-​dixxipli tiegħu wiġbuh: “F’dan il-​post imwarrab minfejn jistaʼ xi ħadd ixebbaʼ lil dawn in-​nies bil-​ħobż?”+ 5 Iżda baqaʼ jistaqsihom: “Kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa.”+ 6 Għalhekk, qal lin-​nies biex jinxteħtu fl-​art, ħa s-​sebaʼ ħobżiet, radd ħajr,+ qasamhom, u beda jagħtihom lid-​dixxipli tiegħu biex iservuhom, u dawn newluhom lill-​folla.+ 7 Kellhom ukoll ftit ħut żgħir; u, wara li bierku, qalilhom ukoll biex iservuh.+ 8 Għaldaqstant kielu u xebgħu, u ġabru l-​bċejjeċ li baqgħu żejda u mlew sebat iqfief kbar.+ 9 Iktar minn hekk, kien hemm madwar erbat elef raġel. Imbagħad bagħathom.+

10 U minnufih telaʼ fid-​dgħajsa mad-​dixxipli tiegħu u ġie fl-​inħawi taʼ Dalmanuta.+ 11 Hawnhekk ħarġu l-​Fariżej u bdew jargumentaw miegħu u, biex jipprovawh,+ riedu mingħandu sinjal mis-​sema. 12 Għalhekk, karab karba kbira+ mqanqal mill-​ispirtu tiegħu u qal: “Din il-​ġenerazzjoni għala tfittex sinjal? Tassew ngħidilkom, Ebda sinjal ma jingħatalha lil din il-​ġenerazzjoni.”+ 13 B’dan il-​kliem telaqhom, reġaʼ telaʼ fid-​dgħajsa, u mar ix-​xatt l-​ieħor.

14 U ġara li nsew jieħdu l-​ħobż magħhom, u ma kellhom xejn fid-​dgħajsa ħlief ħobża waħda.+ 15 U beda jordnalhom u jgħidilhom: “Żommu għajnejkom miftuħin, oqogħdu attenti mill-​ħmira tal-​Fariżej u mill-​ħmira t’Erodi.”+ 16 Għalhekk, bdew jargumentaw bejniethom għax ma kellhomx ħobż.+ 17 Billi nnota dan, qalilhom: “Għala qed targumentaw għax m’għandkomx ħobż?+ Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? Qlubkom għadhom tqal biex jifhmu?+ 18 ‘Għandkom għajnejn u ma tarawx; widnejn u ma tisimgħux?’+ U ma tiftakrux, 19 meta qsamt il-​ħames ħobżiet+ għall-​ħamest elef raġel, kemm-il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Qalulu: “Tnax.”+ 20 “Meta qsamt is-​sebgħa għall-​erbat elef raġel, kemm-il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Qalulu: “Sebgħa.”+ 21 Imbagħad qalilhom: “Għadkom ma fhimtux?”+

22 Issa waslu Betsajda. Hawnhekk xi nies ġabulu raġel agħma, u talbuh bil-​ħrara biex imissu.+ 23 U qabad lill-​agħma minn idu, ħarġu ’l barra mir-​raħal, u, wara li beżaqlu+ fuq għajnejh, qiegħed idejh fuqu u beda jistaqsih: “Qed tara xi ħaġa?” 24 U r-​raġel ħares ’il fuq u beda jgħid: “Qed nara xi nies, għax qed nilmaħ bħal siġar, imma mexjin ’l hemm u ’l hawn.” 25 Imbagħad reġaʼ poġġa idejh fuq għajnejn ir-​raġel, u dan ra ċar, u fieq, u kien qed jara kollox kif inhu. 26 Għalhekk, bagħtu lejn daru u qallu: “Imma tidħolx fir-​raħal.”+

27 Ġesù u d-​dixxipli tiegħu issa rħewlha lejn l-​irħula taʼ Ċesarija Filippi, u fit-​triq beda jistaqsi lid-​dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “In-​nies min qed jgħidu li jien?”+ 28 Qalulu: “Ġwanni l-​Battista,+ oħrajn, Elija,+ u jerġaʼ oħrajn, Wieħed mill-​profeti.”+ 29 U staqsiehom: “Iżda intom min tgħidu li jien?” Pietru wieġeb u qallu: “Int il-​Kristu.”+ 30 Imbagħad, ordnalhom bis-​sħiħ biex ma jgħidu lil ħadd dwaru.+ 31 Ukoll, beda jgħallimhom li Bin il-​bniedem se jgħaddi minn ħafna tbatijiet u jiġi miċħud mix-​xjuħ u l-​qassisin ewlenin u l-​iskribi u jiġi maqtul,+ u jqum tlett ijiem wara.+ 32 Tabilħaqq, dan il-​kliem kien qed jgħidulhom ċar u tond. Imma Pietru ġibdu lejh u beda jċanfru.+ 33 Hu dar, ħares lejn id-​dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana, għax m’intix taħseb il-​ħsibijiet t’Alla imma tal-​bnedmin.”+

34 Issa sejjaħ lill-​folla lejh mad-​dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.+ 35 Għax kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija u minħabba l-​aħbar tajba jsalvaha.+ 36 Tassew, x’jiswielu bniedem jekk jikseb id-​dinja kollha u jitlef ruħu?+ 37 Tassew, x’se jagħti bniedem flok ruħu?+ 38 Għax kulmin jistħi minħabba fija u minħabba kliemi f’din il-​ġenerazzjoni adultera u midinba, Bin il-​bniedem ukoll jistħi+ minħabba fih meta jasal fil-​glorja taʼ Missieru maʼ l-​anġli mqaddsa.”+

9 Iżjed minn hekk, kompla jgħidilhom: “Tassew ngħidilkom, Xi wħud minn dawk li qegħdin hawnhekk żgur ma jduqux il-​mewt qabel ma jaraw is-​saltna t’Alla li tkun diġà ġiet bil-​qawwa.”+ 2 Għaldaqstant, sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u tellagħhom waħedhom fuq muntanja għolja. U tbiddel quddiemhom,+ 3 u ħwejġu saru jleqqu, saru bojod ferm iktar milli jistaʼ jagħmilhom bojod kwalunkwe ħassiel fuq l-​art.+ 4 Ukoll, dehrilhom Elija maʼ Mosè, u dawn kienu qed jitkellmu maʼ Ġesù.+ 5 Għaldaqstant, Pietru qal lil Ġesù: “Rabbi,* kemm hu sew li aħna qegħdin hawnhekk! Għalhekk, ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”+ 6 Fil-fatt, ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid, għax kienu beżgħanin ħafna. 7 U fformat sħaba li għattiethom, u ġie leħen+ minn ġos-​sħaba: “Dan hu Ibni,+ il-​maħbub; isimgħu minnu.”+ 8 Madankollu, f’daqqa waħda ħarsu madwarhom u ma raw lil ħadd iktar magħhom, ħlief lil Ġesù waħdu.+

9 Huma u neżlin minn fuq il-​muntanja, ordnalhom biex ma jgħidu+ lil ħadd x’raw, sakemm Bin il-​bniedem ikun qam mill-​imwiet.+ 10 U żammew il-​kelma, imma ddiskutew bejniethom x’kien ifisser dan il-​qawmien mill-​imwiet. 11 U bdew jistaqsuh u jgħidulu: “L-​iskribi għala jgħidu li l-​ewwel irid jiġi+ Elija?”+ 12 Qalilhom: “Veru li Elija jiġi l-​ewwel u jġedded kollox;+ imma għala hu miktub dwar Bin il-​bniedem li jrid jgħaddi minn ħafna tbatijiet+ u ma jiġix stmat?+ 13 Imma jien ngħidilkom, Elija,+ fil-​fatt, ġa ġie, u għamlulu kulma riedu, bħalma hu miktub dwaru.”+

14 Issa, meta ġew ħdejn id-​dixxipli l-​oħra, innotaw folla kbira taʼ nies madwarhom u xi skribi jargumentaw magħhom.+ 15 Imma malli lemħuh, in-​nies kollha baqgħu ssummati u ġrew lejh biex jilqgħuh. 16 U staqsiehom: “Fuqiex qed targumentaw magħhom?” 17 U wieħed mill-​folla wieġbu: “Għalliem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mutu;+ 18 u kulfejn jaħkmu jsabbtu maʼ l-​art, u t-​tifel jibda joħroġ ir-​ragħwa minn ħalqu u jgħażżaż snienu u jiġi bla saħħa. U għedt lid-​dixxipli tiegħek biex ikeċċuh, imma ma setgħux.”+ 19 Wieġeb u qalilhom: “Ja ġenerazzjoni bla fidi,+ kemm irrid indum magħkom? Kemm ħa ndum nissaportikom? Ġibuhuli.”+ 20 Għalhekk, ġabuhulu. Imma l-​ispirtu, malli rah, mill-​ewwel qabbad aċċessjonijiet lit-​tifel, u dan waqaʼ fl-​art u beda jitmiegħek bir-​ragħwa ħierġa minn ħalqu.+ 21 U staqsa lil missieru: “Kemm ilu jiġrilu hekk?” Qallu: “Minn ċkunitu; 22 u sikwit jitfgħu kemm fin-​nar kif ukoll fl-​ilma biex jeqirdu.+ Imma jekk tistaʼ tagħmel xi ħaġa, ikollok ħniena minna u għinna.” 23 Ġesù qallu: “Dak li għedt, ‘Jekk tistaʼ’! Kollox jistaʼ jkun għal min ikollu l-​fidi.”+ 24 Minnufih, missier it-​tifel għajjat u qal: “Jien għandi fidi! Għinni fejn neħtieġ il-​fidi!”+

25 Issa, billi nnota li kienet ġejja folla tiġri lejhom, Ġesù ċanfar+ lill-​ispirtu mhux nadif u qallu: “Ja spirtu mutu u trux, nordnalek, oħroġ minn ġo fih u tidħolx fih iżjed.” 26 U l-​ispirtu ħareġ wara li għajjat u qabbad ħafna aċċessjonijiet lit-​tifel;+ u dan sar qisu mejjet, tant li l-​biċċa l-​kbira minnhom kienu qed jgħidu: “Miet!” 27 Imma Ġesù qabdu minn idu u qajmu, u dan qam.+ 28 Għalhekk, wara li daħal ġo dar, id-​dixxipli tiegħu bdew jistaqsuh waħdu: “Għala ma stajniex inkeċċuh?”+ 29 U qalilhom: “Dan it-​tip b’xejn ma jistaʼ joħroġ ħlief bit-​talb.”+

30 Minn hemmhekk telqu u għaddew mill-​Galilija, imma hu ma ried lil ħadd isir jaf. 31 Għax kien qed jgħallem lid-​dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-​bniedem se jingħata f’idejn il-​bnedmin, u dawn joqtluh,+ imma, minkejja li jiġi maqtul, iqum tlett ijiem wara.”+ 32 Madankollu, huma ma kinux qed jifhmu x’qed jgħid, u beżgħu jistaqsuh.+

33 U waslu Kafarnahum. Issa, meta daħal id-​dar, staqsiehom: “Fuqiex kontu qed targumentaw fit-​triq?”+ 34 Huma baqgħu siekta, għax fit-​triq kienu argumentaw bejniethom dwar min hu l-​akbar.+ 35 Għalhekk, qagħad bil-​qiegħda, sejjaħ lit-​tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-​ewwel, għandu jkun l-​aħħar wieħed u l-​qaddej taʼ kulħadd.”+ 36 U ħa tifel żgħir, poġġieh f’nofshom u poġġa dirgħajh madwaru u qalilhom:+ 37 “Kulmin jilqaʼ lil wieħed minn dawn it-​tfal żgħar f’ismi, jilqaʼ lili; u kulmin jilqaʼ lili, ma jilqax lili biss imma wkoll lil dak li bagħatni.”+

38 Qallu Ġwanni: “Għalliem, rajna wieħed raġel ikeċċi d-​demonji f’ismek u aħna pprovajna nwaqqfuh,+ għax ma kienx qed jakkumpanjana.”+ 39 Imma Ġesù qal: “Tipprovawx twaqqfuh, għax m’hemm ħadd li jagħmel għemil setgħan f’ismi u ftit wara jkollu l-​ħila jżeblaħni;+ 40 għax min mhux kontra tagħna hu favur tagħna.+ 41 Għax kulmin jagħtikom tazza+ ilma x’tixorbu minħabba li intom taʼ Kristu,+ tassew ngħidilkom, żgur li ma jitlifx il-​premju tiegħu. 42 Imma kulmin ifixkel lil wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin li jemmnu, ikun aħjar għalih jekk idawrulu m’għonqu ġebla taʼ mitħna, bħal dik li jdawwar ħmar, u jitfgħuh il-​baħar.+

43 “U jekk idek tfixklek, aqtagħha barra; ikun aħjar għalik li tidħol immankat fil-​ħajja milli tmur b’idejk it-​tnejn f’Geħenna,* fin-​nar li ma jistax jintefa.+ 44* —— 45 U jekk sieqek tfixklek, aqtagħha barra; ikun aħjar għalik li tidħol zopp+ fil-​ħajja milli jixħtuk b’saqajk it-​tnejn f’Geħenna.+ 46 —— 47 U jekk għajnek tfixklek, armiha;+ ikun aħjar għalik li tidħol b’għajn waħda fis-​saltna t’Alla milli jixħtuk b’għajnejk it-​tnejn f’Geħenna,+ 48 fejn id-​dud tagħhom ma jmutx u n-​nar ma jintefiex.+

49 “Għax kulħadd irid jiġi mmellaħ+ bin-​nar. 50 Il-melħ hu eċċellenti; imma jekk il-​melħ jitlef it-​togħma tiegħu, biex se tħawruh?+ Ħa jkollkom il-​melħ+ fikom infuskom, u żommu l-​paċi+ bejnietkom.”

10 Minn hemmhekk qam u ġie fil-​fruntieri tal-​Lhudija u n-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan, u għal darb’oħra ġew ħdejh il-​folol, u kif kienet id-​drawwa tiegħu reġaʼ beda jgħallimhom.+ 2 Issa resqu xi Fariżej u, biex jipprovawh, bdew jistaqsuh jekk skond il-​liġi raġel setax jiddivorzja lil martu.+ 3 Hu wieġeb u qalilhom: “X’ordnalkom Mosè?” 4 Qalulu: “Mosè ppermetta li wieħed jikteb ċertifikat taʼ tkeċċija u jiddivorzjaha.”+ 5 Imma Ġesù qalilhom: “Kien minħabba l-​ebusija taʼ qalbkom+ li kitbilkom dan il-​kmandament. 6 Iżda, mill-​bidu tal-​ħolqien ‘Għamilhom raġel u mara.+ 7 Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu, 8 u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’;+ mela m’għadhomx iktar tnejn, imma ġisem wieħed. 9 Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”+ 10 Meta reġgħu kienu d-​dar,+ id-​dixxipli bdew jistaqsuh dwar dan. 11 U qalilhom: “Kulmin jiddivorzja lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju+ kontriha, 12 u jekk mara, wara li tiddivorzja lil żewġha, tiżżewweġ ieħor, tagħmel adulterju.”+

13 Issa n-​nies bdew iġibulu xi tfal żgħar biex imisshom; imma d-​dixxipli ċanfruhom.+ 14 Malli ra dan, Ġesù ma ħax pjaċir u qalilhom: “Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-​saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.+ 15 Tassew ngħidilkom, Kulmin ma jilqax is-​saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur ma jidħolx fiha.”+ 16 U ħaddan it-​tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.+

17 Hu u sejjer fi triqtu ġie jiġri lejh wieħed raġel li niżel għarkopptejh quddiemu u staqsieh: “Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex niret il-​ħajja taʼ dejjem?”+ 18 Ġesù qallu: “Għala ssejjaħli tajjeb?+ Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.+ 19 Tafhom il-​kmandamenti, ‘Toqtolx,+ Tagħmilx adulterju,+ Tisraqx,+ Tixhidx falz,+ Tagħmilx frodi,+ Onora lil missierek u lil ommok.’”+ 20 Qallu r-​raġel: “Għalliem, dawn kollha ħaristhom sa minn żgħożiti.” 21 Ġesù ħares lejh, ħass imħabba għalih, u qallu: “Ħaġa waħda jonqsok: Mur, bigħ dak li għandek u agħti lill-​foqra, u jkollok teżor fis-​sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.”+ 22 Imma hu sewwed qalbu għal dan il-​kliem u telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.+

23 Wara li ta ħarsa madwaru Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Kemm se jkun diffiċli għal dawk li għandhom il-​flus+ biex jidħlu fis-​saltna t’Alla!”+ 24 Imma d-​dixxipli ssorprendew ruħhom+ bi kliemu. Għaldaqstant, Ġesù reġaʼ qalilhom: “Uliedi, kemm hu diffiċli biex tidħol fis-​saltna t’Alla! 25 Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel għani jidħol fis-​saltna t’Alla.”+ 26 Huma baqgħu iktar imbellhin u qalulu: “Allura min jistaʼ jiġi salvat?”+ 27 Ġesù ħares dritt lejhom u qal: “Għall-​bnedmin hu impossibbli, imma mhux għal Alla, għax kollox hu possibbli għal Alla.”+ 28 Pietru beda jgħidlu: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk.”+ 29 Qal Ġesù: “Tassew ngħidilkom, Ħadd ma telaq lil daru jew lil ħutu subien jew bniet jew lil ommu jew lil missieru jew tfal jew għelieqi minħabba fija u minħabba l-​aħbar tajba+ 30 li ma jiħux mitt darba+ iktar issa f’dan iż-​żmien, djar u aħwa subien u aħwa bniet u ommijiet u tfal u għelieqi, bil-​persekuzzjonijiet,+ u fis-​sistema li ġejja, ħajja taʼ dejjem. 31 Madankollu, ħafna li huma l-​ewwel ikunu l-​aħħar, u taʼ l-​aħħar l-​ewwel.”+

32 Issa huma kienu fit-​triq telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom, u baqgħu mistagħġbin; imma dawk li kienu ġejjin wara bdew jibżgħu. Għal darb’oħra ġibed lit-​tnax fil-​ġenb u beda jgħidilhom dak li kellu jgħaddi minnu:+ 33 “Hawn aħna, telgħin Ġerusalemm, u Bin il-​bniedem se jingħata f’idejn il-​qassisin ewlenin u l-​iskribi, u dawn jikkundannawh għall-​mewt u jagħtuh f’idejn in-​nies tal-​ġnus,+ 34 u jiżżuffjettaw bih u jobżqulu u jsawtuh u joqtluh, imma tlett ijiem wara jqum.”+

35 U Ġakbu u Ġwanni, iż-​żewġ ulied taʼ Żebedew,+ resqu lejh u qalulu: “Għalliem, irriduk tagħmlilna dak li nitolbuk.”+ 36 Qalilhom: “Xi triduni nagħmlilkom?” 37 Qalulu: “Ħallina noqogħdu bil-​qiegħda, wieħed fuq il-​lemin tiegħek u l-​ieħor fuq ix-​xellug, fil-​glorja tiegħek.”+ 38 Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’qed titolbu. Tistgħu tixorbu l-​kies li qed nixrob jien, jew titgħammdu bil-​magħmudija li qed nitgħammed biha jien?”+ 39 Qalulu: “Nistgħu.” Għal dan, Ġesù qalilhom: “Il-​kies li qed nixrob jien se tixorbuh, u bil-​magħmudija li qed nitgħammed jien se titgħammdu.+ 40 Iżda, li toqogħdu bil-​qiegħda fuq il-​lemin jew fuq ix-​xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien,+ imma hu taʼ dawk li tħejja għalihom.”

41 Meta l-​għaxra l-​oħra semgħu b’dan, xejn ma ħadu pjaċir b’Ġakbu u Ġwanni.+ 42 Imma, wara li sejħilhom lejh, Ġesù qalilhom: “Intom tafu li dawk li jidhru li qed jaħkmu lill-​ġnus jiddominawhom u l-​kbarat tagħhom għandhom awtorità fuqhom.+ 43 Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-​qaddej tagħkom,+ 44 u kulmin irid ikun l-​ewwel fostkom irid ikun l-​ilsir taʼ kulħadd.+ 45 Għax anki Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi+ imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa+ għal ħafna.”+

46 U daħlu Ġeriko. Issa hu u ħiereġ minn Ġeriko mad-​dixxipli tiegħu u maʼ folla mdaqqsa, Bartimew (bin Timew), tallab agħma, kien bil-​qiegħda mal-​ġenb tat-​triq.+ 47 Meta semaʼ li kien Ġesù n-​Nazzarenu, beda jgħajjat u jgħid: “Bin David,+ Ġesù, ikollok ħniena minni!”+ 48 Għal dan, ħafna bdew iċanfruh biex jiskot; imma hu iktar baqaʼ jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”+ 49 Għalhekk, Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu.” U huma sejħu lill-​agħma u qalulu: “Agħmel kuraġġ, qum, qed isejjaħlek.”+ 50 Dan tajjar il-​mantar minn fuqu, qabeż fuq saqajh u mar ħdejn Ġesù. 51 U Ġesù wieġeb u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”+ Qallu l-​agħma: “Rabboni,* ħa nerġaʼ nieħu d-​dawl.”+ 52 U Ġesù qallu: “Mur, il-​fidi tiegħek fejqitek.”+ U minnufih reġaʼ ħa d-​dawl,+ u beda miexi warajh fit-​triq.+

11 Issa, meta kienu qed joqorbu lejn Ġerusalemm, lejn Betfaġe u Betanja+ ħdejn il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, bagħat tnejn mid-​dixxipli tiegħu+ 2 u qalilhom: “Morru fir-​raħal li qed taraw quddiemkom, u malli tidħlu fih issibu felu marbut, li ebda bniedem għadu ma qagħad bil-​qiegħda fuqu; ħolluh u ġibuh.+ 3 U jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Għala qed tagħmlu dan?’ għidulu, ‘Il-​Mulej għandu bżonnu, u ma jdumx ma jerġaʼ jibagħtu lura hawnhekk.’”+ 4 Għalhekk, telqu u sabu l-​felu marbut barra ħdejn il-​bieb, fit-​triq tal-​ġenb, u ħallewh.+ 5 Imma xi wħud minn dawk li kienu hemmhekk bdew jgħidulhom: “Għalfejn qed tħollu l-​felu?”+ 6 Huma qalulhom bħalma kien qalilhom Ġesù; u dawn ħallewhom imorru.+

7 U ġabu l-​felu+ għand Ġesù, u poġġewlu fuqu l-​imnatar tagħhom, u hu qagħad bil-​qiegħda fuqu.+ 8 Ukoll, ħafna firxu l-​imnatar tagħhom+ fit-​triq, imma oħrajn qatgħu xi friegħi bil-​weraq+ mill-​għelieqi.+ 9 U kemm dawk li kienu mexjin quddiem kif ukoll dawk li kienu mexjin wara bdew jgħajtu: “Salva, nitolbuk!+ Imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova!+ 10 Imbierka s-​saltna li ġejja taʼ David missierna!+ Salva, nitolbuk, fl-​ogħla postijiet tas-​smewwiet!” 11 U daħal Ġerusalemm, fit-​tempju; u ħares lejn l-​affarijiet kollha taʼ madwaru, u, peress li kien diġà tard, ħareġ mat-​tnax lejn Betanja.+

12 L-għada, meta ħarġu minn Betanja, qabdu l-​ġuħ.+ 13 U mill-​bogħod lemaħ siġra tat-​tin li kellha l-​weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif wasal ħdejha, ma sab xejn ħlief weraq, għax ma kienx l-​istaġun tat-​tin.+ 14 Għaldaqstant qalilha: “Ħa ma jiekol ħadd iktar frott minnek għal dejjem.”+ U d-​dixxipli tiegħu kienu qed jisimgħuh.

15 Issa ġew Ġerusalemm. Hemmhekk daħal fit-​tempju u beda jkeċċi ’l barra lil dawk li kienu qed ibigħu u jixtru fit-​tempju, u qaleb l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus u l-​bankijiet taʼ dawk li kienu jbigħu l-​ħamiem;+ 16 u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b’xi ħaġa jgħaddi minn ġot-​tempju, 17 imma hu baqaʼ jgħallem u jgħid: “M’huwiex miktub, ‘Dari tissejjaħ dar tat-​talb+ għall-​ġnus kollha’?+ Imma intom għamiltuha għar tal-​ħallelin.”+ 18 U l-​qassisin ewlenin u l-​iskribi semgħu b’dan, u bdew jipprovaw jaraw kif jeqirduh;+ għax kienu jibżgħu minnu, peress li l-​folla kollha kienet qed tiġi mbellha kontinwament bit-​tagħlim tiegħu.+

19 U meta kien isir il-​ħin, kienu joħorġu mill-​belt. 20 Imma huma u għaddejjin kmieni fil-​għodu, raw is-​siġra tat-​tin diġà niexfa mill-​għeruq.+ 21 Għalhekk, Pietru ftakar u qallu: “Rabbi, ara! Is-​siġra tat-​tin li sħitt nixfet.”+ 22 U Ġesù wieġeb u qalilhom: “Irid ikollkom fidi f’Alla. 23 Tassew ngħidilkom li kulmin jgħid lil din il-​muntanja, ‘Intrefaʼ u nxteħet fil-​baħar,’ u ma jiddubitax f’qalbu imma jkollu fidi li dak li jgħid se jseħħ, hekk iseħħlu.+ 24 Għalhekk ngħidilkom, Kulma tridu u titolbu għalih ħa jkollkom il-​fidi li diġà qlajtuh, u tiħduh.+ 25 U meta tkunu weqfin titolbu, aħfru+ kulma għandkom kontra xi ħadd; sabiex Missierkom li hu fis-​smewwiet ikun jistaʼ jaħfrilkom in-​nuqqasijiet tagħkom.”+ 26* ——

27 U għal darb’oħra ġew Ġerusalemm. U waqt li kien miexi fit-​tempju resqu lejh il-​qassisin ewlenin u l-​iskribi u x-​xjuħ+ 28 u bdew jgħidulu: “Int b’liema awtorità tagħmlu dan? Jew min tak din l-​awtorità biex tagħmel dan?”+ 29 Qalilhom Ġesù: “Nagħmlilkom mistoqsija waħda. Wiġbuhieli, u jien ukoll ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.+ 30 Il-magħmudija+ taʼ Ġwanni kienet mis-​sema jew mill-​bnedmin? Wiġbuni.”+ 31 Għalhekk, bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk ngħidulu, ‘Mis-​sema,’ jgħidilna, ‘Mela għala m’emmintuhx?’+ 32 Imma ħa nissograw ngħidulu, ‘Mill-​bnedmin’?”—Huma kienu jibżgħu mill-​folla, għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni veru kien profeta.+ 33 Għalhekk, wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux.” U Ġesù qalilhom: “Lanqas jien ma ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.”+

12 U beda jkellimhom bit-​tixbihat: “Wieħed raġel ħawwel għalqa bid-​dwieli+ u dawwarha b’ċint. Ħaffer ħofra għall-​magħsar taʼ l-​inbid, bnielha torri,+ u qabbilha lil xi bdiewa,+ u siefer.+ 2 Issa, meta wasal iż-​żmien, bagħat ilsir għand il-​bdiewa biex jieħu ftit mill-​frott taʼ l-​għalqa tad-​dwieli mingħandhom.+ 3 Imma huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh b’idejh vojta.+ 4 U reġaʼ bagħtilhom ilsir ieħor; u lil dan tawh fuq rasu u ddiżonorawh.+ 5 U bagħat ieħor, u lil dan qatluh; u bagħat lil ħafna oħrajn, lil xi wħud sawtuhom u lil oħrajn qatluhom. 6 Kien baqagħlu ieħor, iben maħbub.+ Bagħathulhom l-​aħħar wieħed u qal, ‘Lil ibni jirrispettawh.’+ 7 Imma dawk il-​bdiewa qalu bejniethom, ‘Dan il-​werriet.+ Ejjew noqtluh, u l-​wirt ikun tagħna.’+ 8 Għalhekk, qabduh, qatluh,+ u tefgħuh ’il barra mill-​għalqa tad-​dwieli.+ 9 X’se jagħmel sid l-​għalqa tad-​dwieli? Jiġi u jeqred lill-​bdiewa, u jagħti l-​għalqa tad-​dwieli+ lil ħaddieħor.+ 10 Qatt ma qrajtuha din l-​iskrittura, ‘Il-​ġebla+ li twarrbet mill-​bennejja, din saret il-​ġebla tax-​xewka ewlenija;+ 11 mingħand Ġeħova seħħ dan, u f’għajnejna din hi ħaġa meraviljuża’?”+

12 Għal dan, bdew jipprovaw jaraw kif jaqbduh taħt idejhom, imma kienu jibżgħu mill-​folla, għax indunaw li meta qal it-​tixbiha kellu lilhom f’moħħu. Għalhekk, ħallewh u telqu.+

13 Imbagħad bagħtulu lil xi wħud mill-​Fariżej u mill-​partitarji t’Erodi+ biex jaqbduh fi kliemu.+ 14 Malli waslu qalulu: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-​verità u ma jimpurtak minn ħadd, għax ma tħarisx lejn kif il-​bnedmin jidhru minn barra, imma tgħallem it-​triq t’Alla fi qbil mal-​verità:+ Huwa skond il-​liġi li tħallas it-​taxxa fuq kull ras lil Ċesari jew le? 15 Għandna nħallsuha, jew m’għandniex?”+ Billi induna bl-​ipokrisija tagħhom qalilhom: “Għala tipprovawni? Ġibuli dinar* biex narah.”+ 16 Ġabuhulu, u qalilhom: “Din ix-​xbieha u l-​iskrizzjoni taʼ min huma?” Qalulu: “Taʼ Ċesari.”+ 17 Imbagħad Ġesù qalilhom: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari,+ imma lil Alla dak li hu t’Alla.”+ U bdew jistagħġbu bih.+

18 Issa resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li m’hemmx irxoxt, u staqsewh:+ 19 “Għalliem, Mosè kitbilna li jekk xi ħadd imutlu ħuh u dan iħalli mara warajh imma ma jħallix tfal, ħu l-​mejjet+ għandu jieħu lill-​mara u jqajjem nisel minnha għal ħuh.+ 20 Kien hemm sebaʼ aħwa; u l-​ewwel wieħed iżżewweġ mara, imma meta miet ma ħalliex ulied.+ 21 U żżewwiġha t-​tieni wieħed, imma miet mingħajr ma ħalla wlied; u t-​tielet għamel l-​istess. 22 U s-​sebgħa li huma ma ħallew ebda nisel. Fl-​aħħar mietet il-​mara wkoll.+ 23 Fl-irxoxt, mart min minnhom se tkun? Għax is-​sebgħa ħaduha bħala marthom.”+ 24 Qalilhom Ġesù: “Mhux għalhekk intom żbaljati, għax la tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa t’Alla?+ 25 Għax meta jqumu mill-​imwiet, la l-​irġiel ma jiżżewġu u lanqas in-​nisa ma jingħataw fiż-​żwieġ, imma jkunu bħall-​anġli fis-​smewwiet.+ 26 Imma dwar li l-​mejtin jiġu mqajmin, ma qrajtux fil-​ktieb taʼ Mosè, fir-​rakkont dwar l-​għollieqa, kif Alla qallu, ‘Jien l-​Alla t’Abraham u l-​Alla taʼ Iżakk u l-​Alla taʼ Ġakobb’?+ 27 Hu mhux Alla tal-​mejtin, imma tal-​ħajjin. Intom żbaljati ferm.”+

28 Issa wieħed mill-​iskribi li kien ġie u semagħhom jiddibattu, billi kien jaf li kien wiġibhom tajjeb, staqsieh: “Liema hu l-​ewwel kmandament fosthom kollha?”+ 29 Wieġeb Ġesù: “L-​ewwel hu, ‘Ismaʼ, O Israel, Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed,+ 30 u ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.’+ 31 It-tieni hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’+ M’hemm ebda kmandament ieħor akbar minn dawn.” 32 Qallu l-​iskriba: “Għalliem, tajjeb għedt fi qbil mal-​verità, ‘Hu Wieħed, u m’hemmx ieħor għajru’;+ 33 u li tħobbu b’qalbek kollha u bl-​intellett kollu tiegħek u b’saħħtek kollha u li tħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek jiswew ferm iktar mill-​offerti tal-​ħruq kollha u s-​sagrifiċċji kollha.”+ 34 Għal dan, billi għaraf li kien wieġbu b’mod intelliġenti, Ġesù qallu: “M’intix ’il bogħod mis-​saltna t’Alla.” U ħadd ma kellu l-​kuraġġ jistaqsih iktar.+

35 Madankollu, meta kien qed iwieġeb, Ġesù beda jgħid bħalma għallem fit-​tempju: “L-​iskribi kif jgħidu li l-​Kristu hu bin David?+ 36 David stess qal bl-​ispirtu qaddis,+ ‘Ġeħova qal lill-​Mulej tiegħi: “Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-​għedewwa tiegħek taħt saqajk.”’+ 37 David stess isejjaħlu ‘Mulej,’ allura kif jiġi li hu ibnu?”+

U l-​folla kbira kienet qed tieħu pjaċir tisimgħu.+ 38 U fit-​tagħlim tiegħu kompla jgħid: “Oqogħdu attenti mill-​iskribi+ li jridu jippassiġġaw bi lbiesi twal u jridu t-​tislim fis-​swieq 39 u s-​siġġijiet taʼ quddiem fis-​sinagogi u l-​iktar postijiet prominenti fl-​ikliet taʼ fil-​għaxija.+ 40 Huma qed jibilgħu djar+ ir-​romol u b’falzità joqogħdu jitolbu fit-​tul; dawn se jieħdu ġudizzju iktar iebes.”+

41 U qagħad bil-​qiegħda fejn setaʼ jara l-​kaxxi tat-​teżor*+ u beda josserva l-​folla titfaʼ l-​flus fil-​kaxxi tat-​teżor; u ħafna nies għonja kienu qed jitfgħu ħafna muniti.+ 42 Issa ġiet armla fqira u tefgħet żewġ muniti żgħar, li għandhom valur żgħir ferm.+ 43 Għalhekk, sejjaħ lid-​dixxipli tiegħu lejh u qalilhom: “Tassew ngħidilkom li din l-​armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu l-​flus fil-​kaxxi tat-​teżor;+ 44 għax huma lkoll tefgħu miż-​żejjed tagħhom, imma hi, min-​nieqes tagħha, tefgħet kulma kellha, l-​għajxien kollu tagħha.”+

13 Hu u ħiereġ mit-​tempju wieħed mid-​dixxipli tiegħu qallu: “Għalliem, ara! X’ġebel u x’bini dan!”+ 2 Madankollu, Ġesù qallu: “Qed tarah dan il-​bini kbir?+ Żgur li hawnhekk ma titħalliex ġebla fuq oħra+ li ma tiġġarrafx.”+

3 U waqt li kien bil-​qiegħda fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ minfejn setaʼ jara t-​tempju, Pietru+ u Ġakbu u Ġwanni u Indrì sabuh waħdu u bdew jistaqsuh:+ 4 “Għidilna, Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-​sinjal taʼ meta dan kollu għandu jiġi f’konklużjoni?”+ 5 Għalhekk, Ġesù beda jgħidilhom: “Oqogħdu attenti li ħadd ma jqarraq bikom.+ 6 Ħafna jiġu f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u jqarrqu b’ħafna.+ 7 Iktar minn hekk, meta tisimgħu bi gwerer u aħbarijiet taʼ gwerer, titwerwrux; dan irid iseħħ, imma ma jkunx għadu t-​tmiem.+

8 “Għax ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna,+ ikun hemm terremoti+ f’post wara l-​ieħor, ikun hemm nuqqas taʼ ikel.+ Dan hu l-​bidu taʼ l-​uġigħ, bħall-​uġigħ tal-​ħlas.+

9 “U intom, oqogħdu attenti għalikom infuskom; in-​nies jagħtukom f’idejn il-​qrati tal-​post,+ u tissawtu fis-​sinagogi+ u tidhru quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, bħala xiehda għalihom.+ 10 Ukoll, l-​ewwel trid tiġi pridkata+ l-​aħbar tajba fil-​ġnus kollha.+ 11 Imma meta jkunu qed jiħdukom biex jagħtukom f’idejhom, tkunux ansjużi minn qabel dwar x’se tgħidu;+ imma għidu dak li jingħatalkom dak il-​ħin, għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-​ispirtu qaddis.+ 12 Iktar minn hekk, l-​aħwa se jagħtu lil xulxin għall-​mewt, u missier lil ibnu,+ u l-​ulied se jqumu kontra l-​ġenituri u jagħtuhom għall-​mewt;+ 13 u tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi.+ Imma min jissaporti sat-​tmiem+ jiġi salvat.+

14 “Madankollu, meta taraw il-​ħaġa moqżieża+ li ġġib ħerba+ wieqfa fejn m’għandhiex tkun (ħa juża moħħu l-​qarrej),+ imbagħad dawk li jkunu fil-​Lhudija ħa jaħarbu lejn il-​muntanji.+ 15 Min ikun fuq il-​bejt ħa ma jinżilx, u lanqas jidħol ġewwa biex jieħu xi ħaġa minn daru;+ 16 u min ikun fl-​għalqa ħa ma jerġax lura għal dak li ħalla warajh biex jieħu l-​mantar tiegħu.+ 17 Gwaj għan-​nisa tqal u għal dawk li jreddgħu f’dawk il-​jiem!+ 18 Ibqgħu itolbu biex dan ma jkunx fix-​xitwa;+ 19 għax dawk il-​jiem ikunu taʼ tribulazzjoni+ li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tal-​ħolqien li ħalaq Alla sa dak iż-​żmien, u qatt ma jerġaʼ jkun hawn.+ 20 Fil-fatt, kieku Ġeħova+ ma qassarx il-​jiem, ebda bniedem ma jiġi salvat. Imma, minħabba l-​magħżulin+ li għażel,+ qassar il-​jiem.+

21 “Imbagħad, ukoll, jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Ara! Hawn qiegħed il-​Kristu,’ ‘Ara! Hemm qiegħed,’+ temmnuhx.+ 22 Għax iqumu Kristijiet foloz u profeti foloz+ u jagħmlu sinjali u għeġubijiet+ biex jiżvijaw, jekk jistaʼ jkun, lill-​magħżulin.+ 23 Għalhekk, oqogħdu attenti;+ jien għedtilkom kollox minn qabel.+

24 “Imma f’dawk il-​jiem, wara dik it-​tribulazzjoni, ix-​xemx tiddallam, u l-​qamar ma jagħtix dawl, 25 u l-​kwiekeb jaqgħu mis-​sema, u l-​qawwiet li huma fis-​smewwiet jitheżżu.+ 26 U mbagħad jaraw lil Bin il-​bniedem+ ġej fis-​sħab b’qawwa u glorja kbira.+ 27 Imbagħad jibgħat lill-​anġli u jiġbor flimkien lill-​magħżulin tiegħu+ mill-​erbat irjieħ, minn tarf l-​art sa tarf is-​sema.+

28 “Issa tgħallmu mis-​siġra tat-​tin din it-​tixbiha: Hekk kif il-​fergħa ġdida tagħha tkun għadha ratba u toħroġ il-​weraq, tkunu tafu li qorob is-​sajf.+ 29 Hekk ukoll intom, meta taraw dawn l-​affarijiet iseħħu, kunu afu li hu qrib, fil-​bieb.+ 30 Tassew ngħidilkom li din il-​ġenerazzjoni żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.+ 31 Is-sema+ u l-​art jgħaddu, imma kliemi+ ma jgħaddix.+

32 “Imma dak il-​jum u s-​siegħa ma jafhom ħadd, la l-​anġli fis-​sema u lanqas l-​Iben, ħlief il-​Missier.+ 33 Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin,+ għax ma tafux meta hu ż-​żmien stabbilit.+ 34 Hu bħal raġel li siefer+ u ħalla daru u ta l-​awtorità lill-​ilsiera tiegħu, lil kull wieħed xogħlu, u ordna lil tal-​bieb jibqaʼ għassa. 35 Għalhekk, ibqgħu għassa,+ għax ma tafux meta ġej sid id-​dar, jekk hux tard fil-​jum* jew f’nofsillejl* jew x’ħin jidden is-​serduq* jew kmieni fil-​għodu;*+ 36 sabiex meta jasal għal għarrieda, ma jsibkomx reqdin.+ 37 Imma dak li ngħid lilkom ngħidu lil kulħadd, Ibqgħu għassa.”+

14 Issa kien għad baqaʼ jumejn+ għall-​Qbiż+ u għall-​festa+ tal-​ħobż bla ħmira. U l-​qassisin ewlenin u l-​iskribi kienu qed jipprovaw jaraw kif b’makakkerija jaqbduh taħt idejhom u joqtluh;+ 2 għax qalu kemm-il darba: “Mhux fil-​festa; li ma tqumx xi rewwixta tal-​poplu.”+

3 U waqt li kien Betanja għand Xmun l-​imġiddem,+ x’ħin kien mal-​mejda għall-​ikla, ġiet mara b’vażett taʼ l-​alabastru b’żejt ifuħ, nard pur, għali ħafna. Wara li fetħet il-​vażett taʼ l-​alabastru bdiet tferraʼ ż-​żejt fuq rasu.+ 4 Għal dan, kien hemm xi wħud li għadbu ferm u bdew jgħidu bejniethom: “Għala dan il-​ħela taʼ żejt ifuħ?+ 5 Għax dan iż-​żejt ifuħ setaʼ nbiegħ iktar minn tliet mitt dinar* u ngħata lill-​foqra!” U bdew igergru ħafna kontra tagħha.+ 6 Imma Ġesù qalilhom: “Ħalluha. Għala qed tipprovaw taqilgħulha l-​inkwiet? Hi għamlet ħaġa tajba miegħi.+ 7 Għax il-​foqra dejjem magħkom,+ u kulmeta tridu dejjem tistgħu tagħmlulhom il-​ġid, imma jien mhux dejjem se nkun magħkom.+ 8 Hi għamlet dak li setgħet; ħadet ħsieb minn qabel biex tferraʼ żejt ifuħ fuq ġismi għad-​difna.+ 9 Tassew ngħidilkom, Kulfejn tixxandar din l-​aħbar tajba fid-​dinja kollha,+ dak li għamlet din il-​mara jissemma wkoll b’tifkira tagħha.”+

10 U Ġuda l-​Iskarjota, wieħed mit-​tnax, telaq għand il-​qassisin ewlenin sabiex jittradih u jagħtihulhom f’idejhom.+ 11 Meta semgħu dan, huma ferħu u wegħduh li jagħtuh xi flus tal-​fidda.+ Għalhekk, beda jfittex il-​waqt konvenjenti biex jittradih.+

12 Issa, fl-​ewwel jum* tal-​festa tal-​ħobż bla ħmira,+ meta skond id-​drawwa kienu jissagrifikaw il-​vittma tal-​Qbiż, id-​dixxipli tiegħu+ qalulu: “Fejn tridna mmorru u nħejjulek l-​ikla tal-​Qbiż?”+ 13 Għalhekk, bagħat tnejn mid-​dixxipli tiegħu u qalilhom: “Idħlu l-​belt, u jiltaqaʼ magħkom raġel iġorr ġarra tal-​fuħħar bl-​ilma.+ Morru warajh, 14 u, fejn jidħol, għidu lil sid id-​dar, ‘Qallek l-​Għalliem: “Fejn hi l-​kamra tal-​mistidnin fejn nistaʼ niekol l-​ikla tal-​Qbiż+ mad-​dixxipli tiegħi?”’+ 15 U jurikom kamra taʼ fuq kbira, mgħammra bil-​lest; u ħejju għalina hemmhekk.”+ 16 Għalhekk, id-​dixxipli telqu u daħlu l-​belt u sabu kollox bħalma kien qalilhom; u ħejjew għall-​ikla tal-​Qbiż.+

17 Fil-għaxija ġie mat-​tnax.+ 18 U, waqt li kienu qegħdin mal-​mejda jieklu, Ġesù qal: “Tassew ngħidilkom, Wieħed minnkom, li qed jiekol+ miegħi, se jittradini.”+ 19 Huma bdew jitnikktu u jgħidulu wieħed wieħed: “Mhux jien, hux?”+ 20 Qalilhom: “Hu wieħed mit-​tnax, li qed ibill fl-​istess skutella miegħi.+ 21 Veru, Bin il-​bniedem jitlaq, bħalma hu miktub dwaru, imma gwaj għal dak ir-​raġel li permezz tiegħu Bin il-​bniedem jiġi tradut! Kien ikun aħjar għal dak ir-​raġel kieku ma twilidx.”+

22 Huma u jieklu, ħa ħobża, qal talba, qasamha u tahielhom, u qal: “Ħudu, dan il-​ħobż jirrappreżenta* ġismi.”+ 23 U ħa kies, radd ħajr u tahulhom, u lkoll xorbu minnu.+ 24 U qalilhom: “Dan jirrappreżenta d-​‘demm tiegħi+ tal-​patt,’+ li se jixxerred+ għal ħafna.+ 25 Tassew ngħidilkom, Żgur li ma nixrobx iżjed mill-​prodott tad-​dielja sa dak il-​jum meta nixorbu ġdid fis-​saltna t’Alla.”+ 26 Fl-aħħar, wara li kantaw għanjiet taʼ tifħir,+ ħarġu lejn il-​Muntanja taż-​Żebbuġ.+

27 U Ġesù qalilhom: “Ilkoll se titfixklu, għax hu miktub, ‘Nidrob lir-​ragħaj,+ u n-​nagħaġ jitferrxu.’+ 28 Imma wara li niġi mqajjem immur qabilkom fil-​Galilija.”+ 29 Imma Pietru qallu: “Anki jekk l-​oħrajn kollha jitfixklu, jien żgur ma nitfixkilx.”+ 30 Għal dan, Ġesù qallu: “Tassew ngħidlek, Illum, iva, dan il-​lejl, qabel ma s-​serduq jidden darbtejn, int tiċħadni tliet darbiet.”+ 31 Imma hu beda jinsisti u jgħid: “Anki jekk ikolli mmut miegħek, żgur ma niċħdekx.” U l-​oħrajn ukoll, kollha bdew jgħidu l-​istess ħaġa.+

32 U ġew f’post li kien jismu Ġetsemani, u qal lid-​dixxipli tiegħu: “Oqogħdu bil-​qiegħda hawnhekk sakemm nitlob.”+ 33 U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni,+ u beda jħossu mifni u inkwetat għall-​aħħar.+ 34 U qalilhom: “Ruħi mnikkta ferm,+ għall-​mewt. Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa.”+ 35 U mexa ftit ’il quddiem, inxteħet fl-​art, u beda jitlob li, jekk jistaʼ jkun, is-​siegħa titwarrab minnu.+ 36 U kompla jgħid: “Abba,* Missier,+ kollox hu possibbli għalik; warrab minni dan il-​kies. Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.”+ 37 U ġie u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: “Xmun, mela rqadt? Ma flaħtx tibqaʼ għassa siegħa waħda?+ 38 Ibqgħu għassa u itolbu,+ sabiex ma tidħlux fit-​tentazzjoni. Naturalment, l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.”+ 39 U reġaʼ mar jitlob u qal l-​istess kliem.+ 40 U reġaʼ ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu mtaqqlin, u għalhekk ma kinux jafu x’se jwiġbuh.+ 41 U ġie t-​tielet darba u qalilhom: “F’mument bħal dan qed torqdu u tieħdu l-​mistrieħ tagħkom! Biżżejjed! Is-​siegħa waslet!+ Ara! Bin il-​bniedem se jiġi tradut u jingħata f’idejn il-​midinbin.+ 42 Qumu, ejja mmorru.+ Ara! It-​traditur tiegħi qorob.”+

43 U minnufih, waqt li kien għadu qed jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-​tnax, u miegħu folla, bis-​sjuf u l-​bsaten, mingħand il-​qassisin ewlenin u l-​iskribi u x-​xjuħ.+ 44 Issa t-​traditur tiegħu kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom: “Lil dak li nbus, ikun hu; arrestawh u ħuduh mgħasses sew.”+ 45 U ġie dritt fuqu u resaq lejh u qallu: “Rabbi!” u biesu+ b’tenerezza kbira. 46 Għalhekk, huma ħatfuh u arrestawh.+ 47 Madankollu, wieħed minn dawk li kienu hemmhekk silet is-​sejf u darab lill-​ilsir tal-​qassis il-​kbir u qatagħlu widintu.+ 48 Imma Ġesù wieġeb u qalilhom: “Ħriġtu bis-​sjuf u l-​bsaten qisu kontra xi ħalliel biex tarrestawni?+ 49 Kuljum kont inkun magħkom fit-​tempju ngħallem,+ iżda m’arrestajtunix. Imma dan qed isir sabiex titwettaq+ l-​Iskrittura.”+

50 U d-​dixxipli kollha abbandunawh+ u ħarbu.+ 51 Imma wieħed żagħżugħ li kien liebes libsa t’għażel fin fuq il-​laħam beda miexi warajh mill-​qrib; u pprovaw jaqbduh taħt idejhom,+ 52 imma hu ħalla l-​libsa warajh u ħarab għarwien.

53 Imbagħad ħadu lil Ġesù għand il-​qassis il-​kbir; u l-​qassisin ewlenin u x-​xjuħ u l-​iskribi nġabru kollha flimkien.+ 54 Imma Pietru mexa warajh mill-​bogħod+ sal-​bitħa tal-​qassis il-​kbir; u qagħad bil-​qiegħda mal-​qaddejja tad-​dar għas-​sħana quddiem nar qawwi. 55 Sadanittant, il-​qassisin ewlenin u s-​Sinedriju kollu kienu qed ifittxu xiehda kontra Ġesù biex jagħtuh il-​mewt,+ imma ma bdew isibu xejn.+ 56 Ħafna, tabilħaqq, kienu qed jixhdu falz kontrih,+ imma x-​xiehda tagħhom ma kinitx taqbel.+ 57 Ukoll, bdew iqumu xi wħud jixhdu falz kontrih u jgħidu: 58 “Smajnieh jgħid, ‘Se nġarraf dan it-​tempju li kien magħmul bl-​idejn u fi tlett ijiem nibni ieħor mhux magħmul bl-​idejn.’”+ 59 Imma lanqas f’dan ma kienet taqbel ix-​xiehda tagħhom.

60 Fl-aħħar, il-​qassis il-​kbir qam f’nofshom u staqsa lil Ġesù: “Ma twieġeb xejn? X’qed jixhdu dawn kontrik?”+ 61 Iżda hu baqaʼ sieket u ma wieġeb xejn.+ Għal darb’oħra l-​qassis il-​kbir beda jistaqsih u jgħidlu: “Int il-​Kristu Bin l-​Imbierek?”+ 62 Imbagħad Ġesù qal: “Jien hu; u intom se taraw lil Bin il-​bniedem+ bil-​qiegħda fuq il-​lemin+ tal-​qawwa u ġej mas-​sħab tas-​sema.”+ 63 Għal dan, il-​qassis il-​kbir ċarrat ħwejġu+ u qal: “X’għandna bżonnhom iktar ix-​xhieda?+ 64 Smajtuha d-​dagħwa.+ X’jidhrilkom?” Huma lkoll ikkundannawh li ħaqqu l-​mewt. 65 Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu+ u jgħattulu wiċċu kollu u jagħtuh bil-​ponn u jgħidulu: “Ipprofetizza!” U, wara li tawh bil-​ħarta, il-​qaddejja tal-​qorti ħaduh.+

66 Issa, waqt li Pietru kien isfel fil-​bitħa, ġiet waħda mill-​qaddejja tal-​qassis il-​kbir,+ 67 u, x’ħin rat lil Pietru qiegħed għas-​sħana, ħarset fiss lejh u qaltlu: “Int ukoll kont man-​Nazzarenu, dan Ġesù.”+ 68 Imma hu ċaħad u qal: “La nafu u lanqas naf x’int tgħid,” u ħareġ barra ħdejn il-​kanċell.+ 69 Malli lemħitu, il-​qaddejja reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemmhekk: “Dan wieħed minnhom.”+ 70 U reġaʼ ċaħad. Għal darb’oħra, wara ftit, dawk li kienu hemmhekk bdew jgħidu lil Pietru: “Żgur li int wieħed minnhom, għax, fil-​fatt, int Galilew.”+ 71 Imma hu beda jisħet u jaħlef:+ “Ma nafux lil dan ir-​raġel li qed issemmu.”+ 72 U minnufih is-​serduq idden it-​tieni darba;+ u Pietru ftakar f’dak li kien qallu Ġesù: “Qabel ma s-​serduq jidden darbtejn, int tiċħadni tliet darbiet.”+ U nfaqaʼ jibki.+

15 U minnufih mas-​sebħ il-​qassisin ewlenin flimkien max-​xjuħ u l-​iskribi, saħansitra s-​Sinedriju kollu, ikkonsultaw bejniethom,+ rabtu lil Ġesù, ħaduh, u tawh f’idejn Pilatu.+ 2 Għalhekk, Pilatu staqsieh: “Int is-​sultan+ tal-​Lhud?” Wieġeb u qallu: “Int stess qed tgħidu.”+ 3 Imma l-​qassisin ewlenin bdew jakkużawh b’ħafna affarijiet.+ 4 Issa Pilatu reġaʼ beda jistaqsih u qallu: “Ma twieġeb xejn?+ Ara kemm qed iġibu akkużi kontrik.”+ 5 Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, tant li Pilatu beda jistagħġeb.+

6 Issa minn festa għal oħra kien jeħilsilhom priġunier, lil min kienu jridu huma.+ 7 F’dak iż-​żmien kien hemm wieħed jgħidulu Barabba fil-​ħabs max-​xewwiexa li fir-​rewwixta kienu qatlu.+ 8 Għalhekk, il-​folla telgħet u bdiet titolbu jagħmel dak li kien jagħmlilha s-​soltu. 9 Pilatu wieġeb u qalilhom: “Triduni neħilsilkom lis-​sultan tal-​Lhud?”+ 10 Għax intebaħ li kien minħabba l-​għira+ li l-​qassisin ewlenin kienu tawhulu f’idejh.+ 11 Imma l-​qassisin ewlenin xewxu lill-​folla biex, minflok, iġegħluh jeħilsilhom lil Barabba.+ 12 Pilatu reġaʼ wieġeb u qalilhom: “Allura, x’se nagħmel b’dak li tgħidulu s-​sultan+ tal-​Lhud?”+ 13 Għal darb’oħra għajtu: “Sammru maʼ zokk!”+ 14 Imma Pilatu qalilhom: “Għala, x’għamel ħażin?” Iżda iktar għajtu: “Sammru maʼ zokk!”+ 15 Imbagħad Pilatu, billi xtaq jissodisfa lill-​folla,+ ħelsilhom lil Barabba, u, wara li fflaġella lil Ġesù, tahulhom biex isammruh maʼ zokk.+

16 Is-suldati issa ħaduh fil-​bitħa, jiġifieri, fil-​palazz tal-​gvernatur; u sejħu lill-​ġemgħa kollha tat-​truppi,+ 17 u libbsuh mantar vjola u nisġu kuruna tax-​xewk u poġġewhielu fuq rasu.+ 18 U bdew isellmulu: “Is-​sliem għalik,+ Sultan tal-​Lhud!” 19 Ukoll, tawh b’qasba fuq rasu u beżqulu u bdew jinżlu għarkopptejhom u jmilu quddiemu.+ 20 Fl-aħħar, wara li xebgħu jiżżuffjettaw bih, neżżgħulu l-​mantar vjola u libbsuh ħwejġu. U ħaduh biex isammruh maʼ zokk.+ 21 Ukoll, ġiegħlu lil wieħed li kien għaddej minn hemmhekk, ċertu Xmun minn Ċirene, li kien ġej mill-​kampanja, missier Alessandru u Rufu, jerfagħlu z-​zokk tat-​tortura.+

22 U ġabuh fil-​post li jismu Golgota, isem li meta jiġi tradott ifisser Post il-​Qorriegħa.+ 23 Hawnhekk ipprovaw jagħtuh inbid imħallat bid-​droga tal-​mirra,+ imma ma ħadux.+ 24 U sammruh maʼ zokk u qassmu ħwejġu+ billi tellgħuhom bix-​xorti biex jaraw kull wieħed x’se jieħu.+ 25 Issa kienet it-​tielet siegħa*+ meta sammruh maʼ zokk. 26 U l-​iskrizzjoni bl-​akkuża+ kontrih kienet miktuba fuq, “Is-​Sultan tal-​Lhud.”+ 27 Iktar minn hekk, miegħu tpoġġew fuq zokk żewġ ħallelin, wieħed fuq il-​lemin u l-​ieħor fuq ix-​xellug tiegħu.+ 28* —— 29 U dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh,+ ixenglu rashom u jgħidulu: “Bħu għalik! Int li kellek twaqqaʼ t-​tempju u tibnih fi żmien tlett ijiem,+ 30 salva lilek innifsek u inżel minn fuq iz-​zokk tat-​tortura.”+ 31 Bl-istess mod ukoll il-​qassisin ewlenin kienu qed jiżżuffjettaw bejniethom flimkien maʼ l-​iskribi u jgħidu: “Salva lil oħrajn; lilu nnifsu ma jistax isalva!+ 32 Ħa jinżel issa minn fuq iz-​zokk tat-​tortura l-​Kristu, is-​Sultan taʼ Israel, biex aħna naraw u nemmnu.”+ Anki dawk li kienu tpoġġew bħalu fuq zokk kienu qed iżebilħuh.+

33 X’ħin saret is-​sitt siegħa* waqgħet dalma fuq l-​art kollha sad-​disaʼ siegħa.*+ 34 U fid-​disaʼ siegħa Ġesù għajjat b’leħen għoli: “Eli, Eli, lama sabaqtani?” kliem li meta jiġi tradott ifisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?”+ 35 U xi wħud minn dawk li kienu weqfin fil-​qrib, meta semgħuh, bdew jgħidu: “Ara! Qed isejjaħ lil Elija.”*+ 36 Imma wieħed raġel mar jiġri, xarrab sponża bl-​inbid qares, poġġieha fuq qasba, u beda jagħtih jixrob+ u jgħid: “Ħalluh! Ħa naraw jekk Elija jiġix iniżżlu.”+ 37 Imma Ġesù għajjat għajta kbira u miet.+ 38 U l-​purtiera+ tas-​santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel.+ 39 Issa l-​fizzjal taʼ l-​armata, li kien wieqaf quddiemu, meta ra f’liema ċirkustanzi miet, qal: “Żgur li dan ir-​raġel kien Bin Alla.”+

40 Kien hemm ukoll xi nisa qed iħarsu mill-​bogħod,+ fosthom Marija l-​Maddalena kif ukoll Marija omm Ġakbu ż-​Żgħir u Ġosè, u Salomè,+ 41 li kienu jakkumpanjawh+ u jaqduh meta kien fil-​Galilija, u ħafna nisa oħra li kienu telgħu miegħu Ġerusalemm.+

42 Issa, billi kien diġà tard wara nofsinhar, u peress li kien jum it-​Tħejjija,* jiġifieri, il-​ġurnata taʼ qabel is-​Sabat, 43 ġie Ġużeppi minn Arimatija, membru rispettabbli tal-​Kunsill, li wkoll kien qed jistenna s-​saltna t’Alla.+ Hu għamel il-​kuraġġ biex jidħol quddiem Pilatu u talbu l-​ġisem+ taʼ Ġesù. 44 Imma Pilatu kien fid-​dubju jekk kienx diġà mejjet, u sejjaħ lill-​fizzjal taʼ l-​armata u staqsieh jekk kienx diġà miet. 45 Għalhekk, wara li sar jaf fiċ-​ċert mingħand il-​fizzjal taʼ l-​armata, ta l-​ġisem lil Ġużeppi.+ 46 Għaldaqstant, dan xtara għażel fin u niżżel il-​ġisem, keffnu fl-​għażel fin u poġġieh+ f’qabar+ li kien imħaffer fil-​blat; u gerbeb ġebla mal-​bieb tal-​qabar tat-​tifkira.+ 47 Imma Marija l-​Maddalena u Marija omm Ġosè baqgħu jħarsu lejn il-​post fejn tpoġġa.+

16 Għalhekk, meta għadda s-​Sabat,+ Marija l-​Maddalena,+ u Marija omm Ġakbu, u Salomè xtraw il-​fwejjaħ aromatiċi sabiex jiġu jidilkuh.+ 2 U kmieni fl-​ewwel jum+ tal-​ġimgħa, wara li kienet telgħet ix-​xemx, ġew ħdejn il-​qabar tat-​tifkira.+ 3 U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-​ġebla minn quddiem il-​bieb tal-​qabar?” 4 Imma meta ħarsu ’l fuq, raw li l-​ġebla kienet ġiet imgerba, għalkemm kienet kbira ħafna.+ 5 Meta daħlu fil-​qabar, raw żagħżugħ bil-​qiegħda fuq il-​lemin liebes libsa bajda, u nħasdu.+ 6 Qalilhom: “Tibqgħux maħsudin. Intom qed tfittxu lil Ġesù n-​Nazzarenu li sammruh maʼ zokk.+ Ġie mqajjem,+ mhux qiegħed hawnhekk. Ara! Il-​post fejn poġġewh.+ 7 Imma morru, għidu lid-​dixxipli tiegħu u lil Pietru, ‘Hu sejjer qabilkom fil-​Galilija;+ tarawh hemmhekk, bħalma qalilkom.’”+ 8 U ħarġu maħrubin mill-​qabar tat-​tifkira, għax kienu maħkumin minn rogħda u emozzjoni qawwija. U ma qalu xejn lil ħadd, għax kienu mbeżżgħin.+

KONKLUŻJONI QASIRA

Xi manuskritti u verżjonijiet reċenti fihom konklużjoni qasira wara Marku 16:8, kif ġej:

Imma huma rrakkontaw fil-​qosor lil dawk taʼ madwar Pietru kulma ġew kmandati. Ukoll, wara dan, Ġesù nnifsu bagħat permezz tagħhom mil-​lvant sal-​punent il-​proklamazzjoni qaddisa li ma titħassarx tas-​salvazzjoni taʼ dejjem.

KONKLUŻJONI TWILA

Ċerti manuskritti (Manuskritt Alessandrin, Manuskritt Efraemi, Manuskritt Bezae) u verżjonijiet (Vulgata Latina, Sirjaka Kuretonjana, Pexitta Sirjaka) antiki jżidu l-​konklużjoni twila li ġejja, imma din titħalla barra mill-​Manuskritt Sinajtiku, il-​Manuskritt tal-​Vatikan, il-​manuskritt Sirjaku Sinajtiku, u l-​Verżjoni Armenjana:

9 Wara li qam mill-​imwiet kmieni fl-​ewwel jum tal-​ġimgħa deher l-​ewwel lil Marija l-​Maddalena, li minnha kien keċċa sebaʼ demonji. 10 Hi marret u rrakkontat lil dawk li kienu jkunu miegħu, għax kienu qed jitnikktu u jibku. 11 Imma huma m’emmnux meta semgħu li kien reġaʼ ħa l-​ħajja u li kienet ratu. 12 Iktar minn hekk, wara dan, deher b’sura oħra lil tnejn minnhom li kienu mexjin fi triqithom lejn il-​kampanja; 13 u ġew lura u qalu lill-​bqija. Iżda lanqas lil dawn m’emmnu. 14 Imma iktar tard deher lill-​ħdax waqt li kienu mal-​mejda, u ċanfarhom għan-​nuqqas taʼ fidi tagħhom u għall-​ebusija taʼ qalbhom, għax ma kinux emmnuhom lil dawk li issa kienu rawh imqajjem mill-​imwiet. 15 U qalilhom: “Morru fid-​dinja kollha u ppridkaw l-​aħbar tajba lill-​ħolqien kollu. 16 Min jemmen u jitgħammed jiġi salvat, imma min ma jemminx jiġi kundannat. 17 Ukoll, se jkun hemm dawn is-​sinjali maʼ dawk li jemmnu: F’ismi jkeċċu x-​xjaten, jitkellmu bl-​ilsna, 18 jaqbdu s-​sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi ħaġa li ġġib il-​mewt żgur ma tweġġagħhomx. Iqiegħdu idejhom fuq il-​morda, u dawn ifiqu.”

19 Għalhekk, mela, wara li kellimhom, il-​Mulej Ġesù ttieħed ’il fuq fis-​sema u qagħad bil-​qiegħda fuq il-​lemin t’Alla. 20 Għaldaqstant huma ħarġu jippridkaw kullimkien, waqt li l-​Mulej ħadem magħhom u appoġġa l-​messaġġ permezz tas-​sinjali li kienu jsiru.

Ara Nu 34:11, in-​nota taʼ taħt.

Is-Sabat kien minn inżul ix-​xemx tal-​Ġimgħa sa nżul ix-​xemx tas-​Sibt. Ara Eżo 16:23, in-​nota taʼ taħt.

Ara Mt 2:4, in-​nota taʼ taħt.

Jiġifieri, “iż-​Żeluż.”

Jew, “l-​għaxart ibliet.”

Ara Lq 3:1, in-​nota taʼ taħt.

Ara Mt 18:24, in-​nota taʼ taħt.

Ara Mk 13:35, in-​nota taʼ taħt, “Kmieni fil-​għodu.”

Ara Mt 17:21, in-​nota taʼ taħt.

Jew, “l-​għaxart ibliet.”

Jiġifieri, “Għalliem.”

Ara Appendiċi 2.

Ara Mt 17:21, in-​nota taʼ taħt. F’vers 46 ukoll.

Jiġifieri, “Għalliem.”

Ara Mt 17:21, in-​nota taʼ taħt.

Ara Mt 18:24, in-​nota taʼ taħt.

Milli jidher, dawn il-​kaxxi tal-​kontribuzzjonijiet kienu jvarjaw fl-​għamla. Xi wħud minnhom kienu qishom trumbetti, b’fetħiet żgħar fin-​naħa taʼ fuq.

“Tard fil-​jum.” L-​ewwel għassa skond kif kienu jaqsmu l-​lejl il-​Griegi u r-​Rumani, minn inżul ix-​xemx sa madwar id-​9 p.m.

“Nofsillejl.” It-​tieni għassa skond kif kienu jaqsmu l-​lejl il-​Griegi u r-​Rumani, minn madwar id-​9 p.m. sa nofsillejl.

“X’ħin jidden is-​serduq.” It-​tielet għassa skond kif kienu jaqsmu l-​lejl il-​Griegi u r-​Rumani, minn nofsillejl sa madwar it-​3 a.m.

“Kmieni fil-​għodu.” Ir-​rabaʼ għassa skond kif kienu jaqsmu l-​lejl il-​Griegi u r-​Rumani, minn madwar it-​3 a.m. sa tlugħ ix-​xemx.

Ara Mt 18:24, in-​nota taʼ taħt.

Ara Mt 26:17, in-​nota taʼ taħt.

Ara Mt 26:26, in-​nota taʼ taħt.

Kelma bl-​Aramajk li tfisser “il-​missier,” jew, “O Missier.” Din il-​kelma tintuża mit-​tfal biex jindirizzaw lil missirijiethom b’mod intimu imma b’rispett.

Madwar id-​9 a.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx.

Ara Mt 17:21, in-​nota taʼ taħt.

Madwar nofsinhar, tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx.

Madwar it-​3 p.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-​xemx.

Ifisser “Alla Tiegħi Hu Ġeħova.”

Ara Mt 27:62, in-​nota taʼ taħt.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja