Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Huwa xieraq li wieħed jikkontribwixxi għal trasport ipprovdut minn oħrajn?
Minħabba ċerti ċirkostanzi xi wħud minna jeħtiġilna niddependu minn oħrajn għall-għajnuna biex nattendu l-laqgħat regolarment u biex nieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa. Ħafna aħwa rġiel u nisa juru qalb tajba billi joħorġu barra minn triqthom u bl-imħabba jużaw ħinhom, il-karozzi tagħhom, u riżorsi oħrajn biex jipprovdulna trasport. Għalkemm forsi jkollhom ilestu iktar kmieni mis-soltu u jdumu ma jaslu d-dar, dan jagħmluh mill-qalb.
Bħal f’kull aspett ieħor tal-ministeru Kristjan tagħna, japplika l-prinċipju misjub f’Galatin 6:5: “Kull wieħed se jġorr it-tagħbija tiegħu stess.” Għalhekk, jekk xi ħadd jipprovdilna trasport regolarment, għandna nuru l-apprezzament tagħna mhux biss bi kliemna imma wkoll, jekk nistgħu, b’kontribuzzjoni raġonevoli biex tgħinu jkopri l-ispejjeż involuti.—Matt. 7:12; 1 Kor. 10:24.
Saħansitra jekk dak li qiegħed juża l-karozza tiegħu ma jitlobniex assistenza finanzjarja u ma jidhirx li għandu bżonnha, l-offerta sinċiera taʼ kontribuzzjoni hija dejjem apprezzata. Is-sewwieq għandu mnejn jirrifjuta li jaċċetta xi ħaġa; u, m’għandniex xi ngħidu, l-għażla trid tkun tiegħu. Imma huwa xieraq li int toffri. Jekk ma tistax tikkontribwixxi xi ħaġa f’dak il-mument, tistaʼ żżommha f’moħħok; forsi tkun tistaʼ tagħti xi ħaġa żejda meta terġaʼ taċċetta rikba.—Luqa 6:38.
Huwa taʼ mħabba kbira li dawk li għandhom il-karozzi jipprovdu trasport għal dawk li, kieku mhux hekk, ma jkunux jistgħu jattendu l-laqgħat jew jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa. (Prov. 3:27) Fl-istess ħin, huwa wkoll taʼ mħabba jekk dawk li jibbenefikaw minn qalb tajba bħal din jesprimu l-gratitudni tagħhom billi jikkontribwixxu skond iċ-ċirkostanzi tagħhom.—Kol. 3:15.