Nippreżentaw L-Aħbar Tajba B’Attitudni Pożittiva
1 Ilkoll kemm aħna nieħdu gost ikollna sens taʼ ferħ u twettiq f’dak li nagħmlu, speċjalment fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. X’iġibilna daqshekk sodisfazzjon? Dan kollu jibda billi nżommu attitudni mentali pożittiva fil-waqt li nżommu ruħna biżlin fix-xogħol siewi taʼ li ngħinu oħrajn. (Prov. 11:25) Il-mod kif nippreżentaw l-aħbar tajba għandu juri li aħna verament nemmnu f’dak li qegħdin ngħidu. Jekk nitkellmu minn qalbna, allura se jidhru s-sinċerità u l-konvinzjoni persunali tagħna. (Luqa 6:45) Billi nipprattikaw il-preżentazzjoni tagħna, se nħossuna iktar kunfidenti meta nitkellmu man-nies fit-territorju. Dan se jkun taʼ valur b’mod partikulari matul Settembru meta noffru l-ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? Għalkemm m’għandkomx dan il-ktieb bil-Malti, bla dubju hemm ħafna nies li huma interessati f’dan is-suġġett u jkunu lesti li jaċċettaw l-informazzjoni bl-Ingliż. Intom tistgħu ssibu s-suġġerimenti li ġejjin t’għajnuna f’li tippreżentaw l-aħbar tajba b’attitudni pożittiva.
2 Meta tkun se toffri l-ktieb “Creation,” tistaʼ tgħid dan fl-ewwel żjara:
◼ “Waqt li konna qegħdin nitkellmu mal-ġirien tagħna, sibna li xi ftit ipoġġu l-fiduċja tagħhom f’Alla. Oħrajn isibuha diffiċli li jemmnu fih. Int kif tħossok? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Innota kif tirraġuna l-Bibbja fuq din il-ħaġa. [Aqra Rumani 1:20.] Nistgħu naraw prova tal-‘qawwa eterna u d-Divinità’ t’Alla billi nosservaw l-affarijiet li ħalaq.” Aqra l-aħħar paragrafu f’paġna 48 tal-ktieb Creation, u iġbed l-attenzjoni lejn il-komplessità taċ-ċellola ħajja. Jew uża paragrafu 18 f’paġna 147 biex turi kif is-sistema ċirkolatorja taʼ l-għaġeb taʼ siġra tagħti prova li hu xogħol taʼ Ħallieq. Offri lill-individwu li tagħtih il-ktieb jekk jaċċetta li jaqrah. Jekk iva, ħallih miegħu, u, jekk jistaqsi dwar xi ħlas, spjega li naċċettaw bil-qalb donazzjonijiet għax-xogħol tagħna madwar id-dinja.
3 Meta tmur lura biex iżżur lil dawk li magħhom tkun iddiskutejt dwar l-istat t’Alla bħala l-Ħallieq, forsi tixtieq tgħid hekk:
◼ “Fiż-żjara taʼ qabel, konna tkellimna dwar l-evidenza għall-eżistenza t’Alla—il-ħolqien meraviljuż tiegħu. Issibha diffiċli int biex temmen li dak il-Wieħed li ħalaq l-univers ikun interessat ukoll fil-futur tagħna? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Huwa taʼ interess li tinnota li l-futur diġà ġie ddeterminat mill-Ħallieq.” Aqra Isaija 46:9, 10. Skond l-interess taʼ l-individwu, uża l-istampi u l-kliem taʼ taħthom f’kapitlu 19 tal-ktieb Creation biex tenfasizza l-kundizzjonijiet ideali mwegħdin minn Alla. Aqra paragrafu 1 taʼ kapitlu 20, u offri studju tal-Bibbja. Jekk jaċċetta, ibda l-istudju fil-ktieb Għarfien.
4 Tistaʼ tipprova din il-preżentazzjoni meta tkun qiegħed toffri l-ktieb “Creation”:
◼ “Waqt li kont qiegħed nitkellem man-nies taʼ l-inħawi, osservajt li l-biċċa l-kbira jixxennqu għal komunità bla periklu u dinja mimlija paċi. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar għala l-bniedem naqas li jikseb kundizzjonijiet bħal dawn? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Xi mexxejja jistgħu jkunu sinċiera u jagħmlu xi ftit tal-ġid, imma innota x’parir għaref tagħti l-Bibbja.” Aqra Salm 146:3, 4; imbagħad staqsi: “Hemm xi ħadd li jistaʼ jissodisfa l-bżonnijiet tal-bniedem?” Aqra versi 5 u 6. Uri l-istampa f’paġna 251 tal-ktieb Creation, u iġbed l-attenzjoni lejn il-benefiċċji tal-ħakma t’Alla. Offri l-ktieb, u semmi l-arranġament tagħna għal donazzjonijiet kull meta l-inkwilin jistaqsi dwar xi ħlas.
5 Jekk l-ewwel darba ddiskutejt l-istat taʼ ħakma t’Alla, tistaʼ tipprova dan is-suġġeriment meta terġaʼ tmur:
◼ “Meta kont ġejt xi ġranet ilu, aħna tkellimna dwar in-nuqqas tal-bniedem li jġib paċi vera fuq l-art. Forsi tiftakar li mill-Bibbja sibna r-raġuni għal nuqqas bħal dan. [Aqra Salm 146:3 mill-ġdid.] Innotajt għala Alla javżana biex ma npoġġux it-tamiet tagħna fil-bnedmin? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Forsi int taqbel li kwalunkwe tama għal soluzzjoni permanenti trid tiġi mingħand Alla. Ir-raġuni għala jistaʼ jkollna din il-fiduċja hija spjegata f’Salm 146:10. [Aqra.] Jekk irridu nkunu sudditi taħt is-Saltna t’Alla, x’irridu nagħmlu?” Mur f’paġna 250 tal-ktieb Creation, aqra paragrafu 13, u enfasizza Ġwann 17:3. Offri li turi kif, permezz taʼ studju tal-Bibbja, miljuni kisbu l-għarfien li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem. Jekk iħalluk, introduċi l-ktieb Għarfien u ibda l-istudju.
6 F’li taħdem minn ħanut għall-ieħor, tistaʼ tuża dan il-mod qasir bil-ktieb “Creation”:
◼ “Illum qegħdin nagħtu servizz speċjali lin-nies tan-negozju tal-komunità. Ilkoll kemm aħna inkwetati bil-kriminalità u l-vjolenza li dejjem jiżdiedu fl-inħawi tagħna. Tħoss int li xi ħadd għandu soluzzjoni vera għall-problema? [Ħalli ħin għal tweġiba.] Alla għandu soluzzjoni.” Mur f’paġna 196 tal-ktieb Creation; aqra u ikkummenta fuq Proverbji 2:21, 22 f’paragrafu 19. Uri t-titlu taʼ kapitlu 16, u offri l-ktieb. Meta tqum il-mistoqsija tal-ħlas, spjega li fil-waqt li l-ktieb huwa bla ħlas, naċċettaw donazzjonijiet żgħar għax-xogħol tagħna madwar id-dinja.
7 Meta tagħmel żjara lura fuq bniedem tan-negozju li tkun ħallejtlu l-ktieb “Creation,” tistaʼ tgħid dan:
◼ “Fl-aħħar żjara tiegħi, semmejt li Alla hu l-uniku wieħed li verament għandu s-soluzzjoni dejjiema għall-kriminalità u l-vjolenza. Skond il-wegħda tiegħu, nistgħu nkunu ċerti li art mimlija paċi għad isseħħ. Innota l-għażla mpoġġija quddiem kull wieħed u waħda minna.” Aqra paragrafu 11 f’paġna 250 tal-ktieb Creation, inkluż Salm 37:37, 38. Ikkummenta dwar l-istampa f’paġna 251, u aqra l-ewwel sentenza f’paragrafu 14. Offri studju tal-Bibbja b’xejn, li jistaʼ jsir jew fil-post tan-negozju tagħhom jew f’darhom.
8 Bħala “ħaddiema sħab t’Alla,” għandna kull raġuni għalfejn inkunu pożittivi meta nippreżentaw l-aħbar tajba. (1 Kor. 3:9) Li nżommu din l-attitudni se jirriżulta fil-barka għanja taʼ Jehovah.