Skond Marku
1 Il-bidu taʼ l-aħbar tajba dwar Ġesù Kristu: 2 Bħalma hu miktub fil-ktieb tal-profeta Isaija: “(Ara! Qed nibgħat lill-messaġġier tiegħi quddiemek, u dan iħejji triqtek;)+ 3 ismaʼ, xi ħadd qed jgħajjat fix-xagħri, ‘Ħejju t-triq taʼ Ġeħova, iddrittaw triqatu,’”+ 4 Ġwanni l-għammied mar fix-xagħri jippriedka l-magħmudija b’simbolu taʼ l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet.+ 5 Għaldaqstant, dawk kollha li kienu fit-territorju tal-Lhudija u l-abitanti kollha taʼ Ġerusalemm marru ħdejh, u kienu mgħammdin minnu fix-Xmara Ġordan, waqt li stqarrew quddiem kulħadd li kienu midinbin.+ 6 Issa Ġwanni kien jilbes xagħar tal-ġemel u ħżiem tal-ġild madwar ġenbejh,+ u kien jiekol ġurati+ u għasel salvaġġ.+ 7 U kien jippriedka u jgħid: “Warajja ġej xi ħadd li hu b’saħħtu iktar minni; jien ma jistħoqqlix nitbaxxa u nħoll il-qfieli tas-sandli tiegħu.+ 8 Jien għammidtkom bl-ilma, imma hu jgħammidkom bl-ispirtu qaddis.”+
9 Matul dawk il-jiem Ġesù ġie minn Nazaret tal-Galilija u tgħammed fil-Ġordan minn Ġwanni.+ 10 U minnufih kif telaʼ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-ispirtu nieżel fuqu nnifsu bħal ħamiema;+ 11 u ġie leħen mis-smewwiet: “Int Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.”+
12 U minnufih l-ispirtu ġiegħlu jmur fix-xagħri.+ 13 U baqaʼ fix-xagħri erbgħin jum,+ ġie ttantat minn Satana,+ u kien mal-bhejjem salvaġġi, imma l-anġli kienu jaqduh.+
14 Issa, wara li Ġwanni ġie arrestat, Ġesù daħal fil-Galilija+ jippriedka l-aħbar tajba t’Alla+ 15 u jgħid: “Iż-żmien stabbilit twettaq,+ u s-saltna t’Alla qorbot. Indmu,+ u araw li jkollkom fidi fl-aħbar tajba.”
16 Waqt li kien miexi maʼ xatt il-baħar* tal-Galilija ra lil Xmun+ u lil Indrì ħu Xmun jixħtu x-xbieki fil-baħar, għax kienu sajjieda.+ 17 Għalhekk, Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.”+ 18 U mill-ewwel abbandunaw ix-xbieki tagħhom u marru warajh.+ 19 U wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu bin Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa jsewwu x-xbieki tagħhom;+ 20 u sejħilhom bla dewmien. Imbagħad huma ħallew lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti u telqu warajh. 21 U rħewlha lejn Kafarnahum.+
Lanqas laħaq wasal is-Sabat* li ma daħalx fis-sinagoga u beda jgħallem. 22 U huma stagħġbu bil-mod kif għallimhom,+ għax kien qed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità, u mhux bħall-iskribi.+ 23 Ukoll, dak il-ħin stess kien hemm fis-sinagoga tagħhom raġel maħkum minn spirtu mhux nadif, u għajjat+ 24 u qal: “X’għandna x’naqsmu miegħek, Ġesù n-Nazzarenu?+ Ġejt biex teqridna? Jien naf+ eżatt min int, il-Qaddis+ t’Alla.”+ 25 Imma Ġesù ċanfru u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu!”+ 26 U, wara li qabbdu aċċessjoni u għajjat kemm felaħ, l-ispirtu mhux nadif ħareġ minnu.+ 27 In-nies kollha tant stagħġbu li bdew jiddiskutu bejniethom u jgħidu: “Dan x’inhu? Tagħlim ġdid! Hu jordna b’awtorità saħansitra lill-ispirti mhux nodfa, u dawn jobduh.”+ 28 Għalhekk, l-aħbar dwaru xterdet minnufih maʼ kullimkien fl-art kollha taʼ madwar il-Galilija.+
29 U minnufih ħarġu mis-sinagoga u daħlu fid-dar taʼ Xmun+ u Indrì maʼ Ġakbu u Ġwanni. 30 Issa l-kunjata+ taʼ Xmun kienet mixħuta bid-deni,+ u mill-ewwel qalulu biha. 31 U resaq lejha, qabdilha idha, u qajjimha; id-deni ħallieha,+ u bdiet taqdihom.+
32 Fil-għaxija, wara li niżlet ix-xemx, in-nies bdew iġibulu lil kulmin kien marid+ u lil dawk li kienu maħkumin mid-demonji;+ 33 u l-belt kollha nġabret quddiem il-bieb. 34 Għalhekk, fejjaq lil ħafna li kellhom mard differenti,+ u keċċa ħafna demonji, imma ma kienx iħalli d-demonji jitkellmu, għax kienu jafu li hu Kristu.*+
35 U kmieni fil-għodu, waqt li kien għadu d-dlam, qam, ħareġ barra, u telaq lejn post imwarrab,+ u hemmhekk beda jitlob.+ 36 Madankollu, Xmun u dawk taʼ miegħu marru jfittxuh, 37 sabuh, u qalulu: “Kulħadd qed ifittxek.” 38 Imma hu qalilhom: “Ejja mmorru xi mkien ieħor, fl-irħula fil-qrib, sabiex inkun nistaʼ nippriedka+ hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt.”+ 39 U mar jippriedka fis-sinagogi tagħhom fil-Galilija kollha u jkeċċi d-demonji.+
40 Resaq lejh ukoll wieħed imġiddem, talbu bil-ħrara għarkopptejh u qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.”+ 41 Hu ħassu mqanqal u tħassru,+ ħareġ idu, messu, u qallu: “Irrid. Indaf.”+ 42 U minnufih il-ġdiem għab minn fuqu, u ndaf.+ 43 Barra minn hekk, tah ordnijiet stretti u bagħtu mill-ewwel 44 u qallu: “Ara li ma tgħid xejn lil ħadd, imma mur uri ruħek lill-qassis+ u offri għat-tindif tiegħek dak li ordna Mosè,+ bħala xiehda għalihom.”+ 45 Imma wara li telaq, ir-raġel tant beda jxandar u jgħid lil kulħadd b’li ġralu, li Ġesù ma setax jidħol iktar bil-miftuħ f’xi belt, imma kien jibqaʼ barra fl-imwarrab. Madankollu, baqgħu ġejjin ħdejh minn kullimkien.+
2 Wara xi jiem reġaʼ daħal Kafarnahum u sar magħruf li kien id-dar.+ 2 Għaldaqstant inġabru ħafna, tant li ma kienx hemm iżjed wisaʼ, lanqas ħdejn il-bieb, u beda jxandrilhom il-kelma.+ 3 U ġew xi rġiel li ġabulu paralitiku li kienu qed jerfgħuh erbgħa min-nies.+ 4 Imma billi ma setgħux iressquh ħdejn Ġesù minħabba l-folla, qalgħu s-saqaf taʼ fuqu, għamlu fetħa, u niżżlu s-sodda li fuqha kien mimdud il-paralitiku.+ 5 U meta Ġesù ra l-fidi tagħhom+ qal lill-paralitiku: “Ibni, dnubietek maħfurin.”+ 6 Issa kien hemm xi skribi bil-qiegħda li bdew jirraġunaw fi qlubhom:+ 7 “Dan ir-raġel għala qed jitkellem hekk? Qed jidgħi. Min jistaʼ jaħfer id-dnubiet ħlief Alla biss?”+ 8 Imma Ġesù, peress li mill-ewwel għaraf fih innifsu li huma kienu qed jirraġunaw b’dan il-mod fi qlubhom, qalilhom: “Għala qed tirraġunaw hekk fi qlubkom?+ 9 X’inhu l-eħfef, li tgħid lill-paralitiku, ‘Dnubietek maħfurin,’ jew li tgħidlu, ‘Qum, erfaʼ soddtok, u imxi’?+ 10 Imma sabiex tkunu tafu li Bin il-bniedem+ għandu awtorità li jaħfer id-dnubiet fuq l-art,”+—qal lill-paralitiku: 11 “Jien ngħidlek, Qum, erfaʼ soddtok, u mur id-dar.”+ 12 U dan qam, minnufih refaʼ s-sodda, u ħareġ ’il barra quddiemhom ilkoll,+ tant li kollha baqgħu mbellhin, u gglorifikaw lil Alla u qalu: “Qatt ma rajna ħaġa bħal din.”+
13 Reġaʼ ħareġ u mar ħdejn xatt il-baħar; u l-folla kollha baqgħet ġejja ħdejh, u beda jgħallimhom. 14 Imma waqt li kien għaddej, lemaħ lil Levi+ bin Alfew bil-qiegħda fl-uffiċċju tat-taxxi u qallu: “Kun segwaċi tiegħi.” U dan qam u mar warajh.+ 15 Iktar tard Ġesù inzerta li kien qiegħed mal-mejda d-dar tiegħu, u kien hemm ħafna kolletturi tat-taxxi+ u midinbin li poġġew miegħu u mad-dixxipli tiegħu, għax kien hemm ħafna minnhom u bdew imorru warajh.+ 16 Imma l-iskribi tal-Fariżej, meta rawh li kien qed jiekol mal-midinbin u l-kolletturi tat-taxxi, bdew jgħidu lid-dixxipli tiegħu: “Dan jiekol mal-kolletturi tat-taxxi u l-midinbin?”+ 17 Malli semaʼ dan Ġesù qalilhom: “Dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva. Ma ġejtx insejjaħ lin-nies sewwa imma lill-midinbin.”+
18 Issa d-dixxipli taʼ Ġwanni u l-Fariżej kienu jsumu regolarment. Għalhekk, ġew u qalulu: “Għala d-dixxipli taʼ Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu regolarment imma d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”+ 19 U Ġesù qalilhom: “Waqt li l-għarus ikun magħhom il-ħbieb taʼ l-għarus ma jistgħux isumu,+ hux hekk? Sakemm ikollhom l-għarus magħhom ma jistgħux isumu.+ 20 Imma jiġi żmien meta l-għarus jittiħdilhom, u mbagħad dakinhar isumu.+ 21 Ħadd ma jħit roqgħa drapp ġdid fuq libsa qadima; jekk jagħmel hekk, is-saħħa tar-roqgħa tiġbed il-libsa, id-drapp il-ġdid jiġbed il-qadim, u t-tiċrita tikber.+ 22 Ukoll, ħadd ma jqiegħed inbid ġdid fi ġlud taʼ l-inbid qodma; jekk jagħmel hekk, l-inbid jifqaʼ l-ġlud, u jintilfu kemm l-inbid kif ukoll il-ġlud.+ Imma n-nies iqiegħdu nbid ġdid fi ġlud ġodda.”+
23 Issa ġara li f’jum is-Sabat kien għaddej minn qalb l-għelieqi miżrugħin bil-qamħ, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu+ s-sbul+ huma u għaddejjin. 24 Għalhekk, il-Fariżej qalulu: “Ismaʼ ’l hawn! Għala qed jagħmlu dak li skond il-liġi ma jistgħux jagħmluh f’jum is-Sabat?”+ 25 Imma hu qalilhom: “Qatt ma qrajtu x’għamel David+ meta ġie fil-bżonn u qabdu l-ġuħ, hu u l-irġiel li kienu miegħu?+ 26 Kif hu daħal fid-dar t’Alla, fir-rakkont dwar Abjatar+ il-qassis ewlieni, u kiel il-ħobż tal-preżentazzjoni,+ li skond il-liġi+ ħadd ma jistaʼ jieklu ħlief il-qassisin, u ta minnu wkoll lill-irġiel li kienu miegħu?”+ 27 Għalhekk, kompla jgħidilhom: “Is-Sabat kien magħmul għall-bniedem,+ u mhux il-bniedem għas-Sabat;+ 28 għaldaqstant, Bin il-bniedem hu saħansitra s-Sid tas-Sabat.”+
3 Għal darb’oħra daħal f’sinagoga, u kien hemm raġel b’idu niexfa.+ 2 Għalhekk, kienu għassa tiegħu biex jaraw jekk kienx se jfejjaq lir-raġel f’jum is-Sabat, sabiex ikunu jistgħu jakkużawh.+ 3 U qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum u ejja fin-nofs.” 4 Imbagħad qalilhom: “F’jum is-Sabat, x’tistaʼ tagħmel skond il-liġi, għemil tajjeb jew għemil ħażin, issalva ruħ jew toqtolha?”+ Imma huma baqgħu siekta. 5 U wara li b’ħarstu wriehom li ma ħax pjaċir, peress li kien imnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija taʼ qlubhom,+ qal lir-raġel: “Oħroġ idek.” U dan ħariġha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha.+ 6 U l-Fariżej ħarġu ’l barra u minnufih bdew jiftiehmu mal-partitarji t’Erodi+ kontra tiegħu, sabiex jeqirduh.+
7 Imma Ġesù telaq mad-dixxipli tiegħu lejn in-naħa tal-baħar; u kotra kbira mill-Galilija u mil-Lhudija marret warajh.+ 8 U saħansitra minn Ġerusalemm u mill-Idumija u min-naħa l-oħra tal-Ġordan u minn madwar Tir+ u Sidon ġiet ħdejh kotra kbira, meta semgħet b’dak kollu li kien qed jagħmel. 9 U qal lid-dixxipli tiegħu biex ikollu dgħajsa żgħira l-ħin kollu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex il-folla ma trossux. 10 Għax fejjaq lil ħafna, u minħabba f’hekk dawk kollha li kellhom mard serju kienu qed irossu fuqu biex imissuh.+ 11 Saħansitra l-ispirti mhux nodfa,+ kulmeta kienu jarawh, kienu jinxteħtu fl-art quddiemu u jgħajtu u jgħidu: “Int l-Iben t’Alla.”+ 12 Imma ħafna drabi kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.+
13 U telaʼ fuq muntanja u sejjaħ ħdejh lil min ried,+ u huma marru ħdejh.+ 14 U fforma grupp taʼ tnax, li semmiehom ukoll “appostli,” sabiex jibqgħu miegħu u jibgħathom jippridkaw+ 15 u jkollhom l-awtorità li jkeċċu d-demonji.+
16 U l-grupp tat-tnax li fforma kienu Xmun, li semmieh ukoll Pietru,+ 17 u Ġakbu bin Żebedew u Ġwanni ħu Ġakbu+ (lil dawn semmiehom ukoll Boanerġes, li jfisser Ulied ir-Ragħad), 18 u Indrì u Filippu u Bartilmew u Mattew u Tumas u Ġakbu bin Alfew u Taddew u Xmun il-Kanani* 19 u Ġuda l-Iskarjota, li iktar tard ittradieh.+
U daħal ġo dar. 20 Għal darb’oħra nġabret il-folla, tant li lanqas biss setgħu jieklu.+ 21 Imma meta qrabatu+ semgħu b’dan, ħarġu biex jaqbduh, għax bdew jgħidu: “Tilef moħħu.”+ 22 Ukoll, l-iskribi li niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Għandu lil Begħelżebub, u hu jkeċċi d-demonji permezz tal-ħakkiem tad-demonji.”+ 23 Għalhekk, wara li sejħilhom lejh, beda jgħidilhom permezz taʼ tixbihat: “Kif jistaʼ Satana jkeċċi lil Satana? 24 Jekk saltna tinqasam kontra tagħha stess, dik is-saltna ma tistax tibqaʼ wieqfa;+ 25 u jekk dar tinqasam kontra tagħha stess, dik id-dar ma tkunx tistaʼ tibqaʼ wieqfa.+ 26 Ukoll, jekk Satana qam kontra tiegħu nnifsu u nqasam, ma jistax jibqaʼ wieqaf, imma se jintemm.+ 27 Fil-fatt, jekk xi ħadd jidħol fid-dar taʼ raġel b’saħħtu ma jkunx jistaʼ jisraqlu+ ġidu jekk l-ewwel ma jorbotx lir-raġel, u mbagħad ikun jistaʼ jisraq minn daru.+ 28 Tassew ngħidilkom li kollox jinħafer lil ulied il-bnedmin, ikunu xi jkunu d-dnubiet u d-dagħa li jidgħu.+ 29 Madankollu, kulmin jidgħi kontra l-ispirtu qaddis qatt ma jinħafirlu, imma jkun ħati taʼ dnub għal dejjem.”+ 30 Dan qalu għax kienu qed jgħidu: “Għandu spirtu mhux nadif.”+
31 Issa ġew ommu u ħutu,+ u, waqt li kienu bil-wieqfa barra, bagħtu jsejħulu.+ 32 Kien hemm folla bil-qiegħda madwaru, u għalhekk qalulu: “Ara! Hemm ommok u ħutek barra u qed ifittxuk.”+ 33 Imma wieġeb u qalilhom: “Min huma ommi u ħuti?”+ 34 U ħares lejn dawk li kienu bil-qiegħda madwaru dawra tond u qal: “Ara, ommi u ħuti!+ 35 Kulmin jagħmel ir-rieda t’Alla, dan hu ħija u oħti u ommi.”+
4 U għal darb’oħra beda jgħallem ħdejn il-baħar.+ U folla kbira ferm inġabret ħdejh, u għalhekk telaʼ bil-qiegħda f’dgħajsa u qagħad fuq il-baħar, imma l-folla kollha kienet f’xatt il-baħar.+ 2 Għaldaqstant, beda jgħallimhom ħafna affarijiet bit-tixbihat+ u jgħidilhom fit-tagħlim tiegħu:+ 3 “Isimgħu. Ara! Wieħed raġel ħareġ jiżraʼ.+ 4 U waqt li kien qed jiżraʼ, xi żerriegħa waqgħet fil-ġenb tat-triq, u ġew l-għasafar u kiluha.+ 5 U xi żerriegħa oħra waqgħet fuq il-blat fejn, naturalment, ma tantx kellha ħamrija, u, peress li l-ħamrija ma kinitx fonda, nibtet mill-ewwel.+ 6 Imma meta telgħet ix-xemx, inħarqet, u, għax ma kellhiex għeruq, nixfet.+ 7 U xi żerriegħa oħra waqgħet qalb ix-xewk, u x-xewk kiber u ħonoqha, u ma tatx frott.+ 8 Imma oħrajn waqgħu f’ħamrija tajba,+ u, meta kibru u kotru, bdew jagħtu l-frott, u din bdiet tagħti tletin, dik sittin u dik mija.”+ 9 Għalhekk, żied jgħid: “Min għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”+
10 Issa, meta kien waħdu, dawk taʼ madwaru flimkien mat-tnax bdew jistaqsuh dwar it-tixbihat.+ 11 U qalilhom: “Lilkom ngħata s-sigriet sagru+ tas-saltna t’Alla, imma għal dawk taʼ barra kollox iseħħ bit-tixbihat,+ 12 sabiex, għalkemm iħarsu, iħarsu iżda ma jarawx, u għalkemm jisimgħu, jisimgħu iżda ma jifhmux, u qatt ma jduru lura u tingħatalhom il-maħfra.”+ 13 Barra minn hekk qalilhom: “Ma tafuhiex din it-tixbiha, allura kif se tifhmu t-tixbihat l-oħrajn kollha?
14 “Dak li jiżraʼ, jiżraʼ l-kelma.+ 15 Dawn, mela, huma dawk li waqgħu fil-ġenb tat-triq fejn tinżeraʼ l-kelma: malli jkunu semgħuha, jiġi+ Satana u jieħu l-kelma li nżergħet fihom.+ 16 U bl-istess mod dawn huma dawk li nżergħu fuq il-blat: malli jisimgħu l-kelma, jaċċettawha bil-ferħ.+ 17 Iżda m’għandhomx għeruq fihom infushom, imma jkomplu għal xi żmien; imbagħad malli tqum xi tribulazzjoni jew persekuzzjoni minħabba l-kelma, jitfixklu.+ 18 Jerġaʼ hemm oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk; dawn huma dawk li jkunu semgħu l-kelma,+ 19 imma l-ansjetajiet+ taʼ din is-sistema, il-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi,+ u x-xewqa+ għal affarijiet oħra jidħlu fihom u joħonqu l-kelma, u din issir bla frott.+ 20 Fl-aħħarnett, dawk li nżergħu f’ħamrija tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma u jilqgħuha u jagħtu l-frott, min tletin u min sittin u min mija.”+
21 U kompla jgħidilhom: “Il-musbieħ ma jġibuhx biex iqegħduh taħt qoffa jew taħt sodda, hux hekk? Iġibuh biex iqegħduh fuq gandlier, mhux hekk?+ 22 Għax m’hemm xejn mistur jekk mhux biex jinkixef; xejn m’hu moħbi bil-għaqal jekk mhux biex joħroġ fil-beraħ.+ 23 Kulmin għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”+
24 Qalilhom ukoll: “Oqogħdu attenti x’qed tisimgħu.+ Bil-kejl li qed tkejlu intom, se jitkejlilkom,+ iva, iktar se jiżdidilkom.+ 25 Għax min għandu se jingħatalu iktar, imma min m’għandux se jittiħidlu saħansitra dak li għandu.”+
26 Għalhekk, kompla jgħid: “B’dan il-mod is-saltna t’Alla hi bħal meta raġel jixħet iż-żerriegħa fl-art,+ 27 u jorqod bil-lejl u jqum bi nhar, u ż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.+ 28 L-art tagħti l-frott minnha nfisha bil-mod il-mod, l-ewwel in-nebbieta, imbagħad is-sbula, fl-aħħarnett il-qamħ mimli fis-sbula. 29 Imma malli jsir il-frott ilesti l-minġel, għax ikun wasal il-ħsad.”
30 U kompla jgħid: “ Maʼ liema ħaġa nxebbhuha s-saltna t’Alla, jew b’liema tixbiha nfissruha?+ 31 Hi bħal żerriegħa tal-mustarda, li meta nżergħet fl-art kienet l-iżgħar miż-żrieragħ kollha li hawn fuq l-art+— 32 imma wara li tinżeraʼ, titlaʼ u ssir akbar mill-ħxejjex l-oħrajn kollha u tipproduċi friegħi kbar,+ tant li l-għasafar tas-sema+ jkunu jistgħu joqogħdu għad-dell tagħha.”+
33 Għalhekk, kien ixandrilhom il-kelma b’ħafna tixbihat+ bħal dawn, sakemm setgħu jifhmu. 34 Tabilħaqq, ma kienx ikellimhom mingħajr xi tixbiha, imma meta kien ikun waħdu mad-dixxipli tiegħu, lil dawn kien jispjegalhom kollox.+
35 U dakinhar, x’ħin sar fil-għaxija, qalilhom: “Ejja naqsmu għax-xatt l-ieħor.”+ 36 Għalhekk, wara li bagħtu lill-folla, ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa, u miegħu kien hemm dgħajjes oħrajn.+ 37 Issa, qam riefnu qawwi ferm, u l-mewġ beda jħabbat mad-dgħajsa b’qawwa kbira, hekk li d-dgħajsa kienet għoddha mtliet bl-ilma.+ 38 Imma hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Għalhekk, qajmuh u qalulu: “Għalliem, ma jimpurtakx li se nintilfu?”+ 39 Għal dan, qam u ċanfar ir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Oqgħod kwiet!”+ U r-riħ batta, u waqgħet kalma kbira.+ 40 Għalhekk, qalilhom: “Għalfejn qed tibżgħu? Għadkom bla fidi?” 41 Imma qabadhom biżaʼ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jobduh?”+
5 Waslu n-naħa l-oħra tal-baħar fl-art tal-Gerasin.+ 2 U minnufih, wara li niżel mid-dgħajsa, iltaqaʼ miegħu raġel li ħareġ minn qalb l-oqbra tat-tifkira+ u li kien maħkum minn spirtu mhux nadif. 3 Hu kien iħobb joqgħod qalb l-oqbra; u sa dakinhar assolutament ħadd ma setaʼ jorbtu tajjeb, lanqas b’katina, 4 għax bosta drabi kien ġie marbut bil-ktajjen maʼ saqajh u idejh, imma l-ktajjen kien jaqtagħhom u l-irbit maʼ saqajh kien ikissru; u ħadd ma kellu s-saħħa jrażżnu. 5 U kontinwament, lejl u nhar, kien joqgħod jgħajjat qalb l-oqbra u fuq il-muntanji u jqattaʼ lilu nnifsu bil-ġebel. 6 Imma malli lemaħ lil Ġesù mill-bogħod, ġera lejh u miel quddiemu, 7 u għajjat b’leħen għoli+ u qallu: “X’għandi x’naqsam miegħek, Ġesù, Bin Alla l-Iktar Għoli?+ Inġiegħlek taħlef+ b’Alla biex ma titturmentanix.”+ 8 Għax kien qed jgħidlu: “Oħroġ minn ġo dan ir-raġel, ja spirtu mhux nadif.”+ 9 U beda jistaqsih: “X’jismek?” Qallu: “Jisimni Leġjun,+ għax qegħdin ħafna.”+ 10 U beda jitolbu bil-ħrara ħafna drabi biex ma jibgħatx lill-ispirti barra mill-pajjiż.+
11 Issa kien hemm merħla kbira taʼ ħnieżer+ tirgħa ħdejn il-muntanja.+ 12 Għalhekk, talbuh bil-ħrara u qalulu: “Ibgħatna fil-ħnieżer, ħa nidħlu fihom.” 13 U tahom permess. Imbagħad l-ispirti mhux nodfa ħarġu u daħlu fil-ħnieżer; u l-merħla qabżet minn fuq l-irdum għal ġol-baħar u kollha għerqu, wieħed wara l-ieħor, madwar elfejn ħanżir.+ 14 Imma r-rgħajja tagħhom ħarbu u xerrdu l-aħbar mal-belt u l-kampanja; u n-nies ġew biex jaraw x’kien ġara.+ 15 Għalhekk, ġew ħdejn Ġesù, u raw lir-raġel maħkum mid-demonji bil-qiegħda, liebes, u b’moħħu f’loku, dak li qabel kellu l-leġjun; u bdew jibżgħu. 16 Ukoll, dawk li raw x’kien ġara rrakkontawlhom minn xiex għadda r-raġel maħkum mid-demonji u dwar il-ħnieżer. 17 U għalhekk bdew jitolbuh bil-ħrara biex jitlaq mid-distretti tagħhom.+
18 Issa, kif kien tielaʼ fid-dgħajsa, ir-raġel li qabel kien maħkum mid-demonji beda jitolbu bil-ħrara biex jibqaʼ miegħu.+ 19 Madankollu, ma ħalliehx, imma qallu: “Mur id-dar għand qrabatek,+ u għidilhom dak kollu li Ġeħova+ għamel miegħek u l-ħniena+ li wriek.” 20 U telaq u beda jxandar fid-Dekapoli*+ dak kollu li Ġesù għamel miegħu, u n-nies kollha bdew jistagħġbu.+
21 Wara li Ġesù reġaʼ qasam lura bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, folla kbira nġabret madwaru waqt li kien ħdejn il-baħar.+ 22 Issa ġie wieħed mill-uffiċjali li jippresiedu fis-sinagoga, jismu Ġajru, u, malli lemħu, inxteħet f’riġlejh,+ 23 talbu bil-ħrara bosta drabi, u qallu: “Binti ż-żgħira qiegħda ħażin ħafna. Jekk jogħġbok, ejja poġġi idejk+ fuqha biex hi tfiq u tgħix.”+ 24 Għal dan il-kliem, mar miegħu. U folla kbira kienet miexja warajh u tross fuqu.+
25 Issa kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena+ tbati bi tnixxija taʼ demm,+ 26 u kienet batiet ferm taħt ħafna tobba+ u nefqet kulma kellha iżda ma swielha xejn, anzi marret għall-agħar. 27 Meta semgħet dwar Ġesù, ġiet minn warajh fil-folla u messitlu+ l-libsa; 28 għax bdiet tgħid: “Jekk imqar immisslu ħwejġu nfiq.”+ 29 U n-nixxiegħa tad-demm waqfitilha mill-ewwel, u ħasset f’ġisimha li kienet fieqet minn din il-marda kiefra.+
30 Minnufih, ukoll, Ġesù ntebaħ li kienet ħarġet qawwa+ minnu, u dar lejn il-folla u beda jgħid: “Min messli ħwejġi?”+ 31 Imma d-dixxipli tiegħu bdew jgħidulu: “Qed tara l-folla tross fuqek+ u tgħid, ‘Min messni?’” 32 Madankollu, hu kien qed iħares madwaru biex jara min kienet dik li messitu. 33 Issa l-mara, tirtogħod bil-biżaʼ peress li kienet taf xi ġralha, ġiet u nxteħtet quddiemu u qaltlu l-verità kollha.+ 34 Hu qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi,+ u kun imfejqa mill-marda kiefra tiegħek.”+
35 Waqt li kien għadu jitkellem, ġew xi rġiel mid-dar taʼ l-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga u qalu: “Bintek mietet! Għala tibqaʼ tħabbat lill-għalliem?”+ 36 Imma Ġesù, billi semaʼ dak li kienu qed jgħidu, qal lill-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga: “Tibżax, biss eżerċita l-fidi.”+ 37 Issa ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni ħu Ġakbu.+
38 U waslu d-dar taʼ l-uffiċjal li jippresiedi fis-sinagoga, u ra konfużjoni sħiħa u nies jibku u jolfqu. 39 Daħal ġewwa u qalilhom: “Għala din il-frattarija u dan il-biki? It-tifla mhix mejta, imma rieqda.”+ 40 Għal dan, bdew jiddieħqu bih. Imma, wara li bagħat lil kulħadd ’il barra, ħa miegħu lil missier u omm it-tifla u lil dawk li kienu miegħu, u daħal fejn kien hemm it-tifla.+ 41 Imbagħad qabadha minn idha u qalilha: “Talita kumi,” kliem li meta jiġi tradott ifisser: “Tfajla, ngħidlek, Qum!”+ 42 U minnufih it-tfajla qamet u bdiet timxi, għax kellha tnax-il sena. U mill-ewwel intilfu f’estasi kbira taʼ ferħ.+ 43 Imma ordnalhom darba wara l-oħra biex ma jħallu lil ħadd isir jaf+ b’dan, u qalilhom biex jagħtuha xi ħaġa x’tiekol.
6 U telaq minn hemmhekk u ġie pajjiżu, u d-dixxipli tiegħu marru warajh.+ 2 Meta wasal is-Sabat, beda jgħallem fis-sinagoga; u l-biċċa l-kbira minn dawk li kienu qed jisimgħuh stagħġbu u qalu: “Dan ir-raġel minfejn ġab dan kollu?+ U dan l-għerf għala ngħata lil dan ir-raġel, u għemejjel setgħanin bħal dawn għala qed jitwettqu b’idejh? 3 Dan mhux il-mastrudaxxa+ bin Marija+ u ħu Ġakbu+ u Ġużeppi u Ġuda u Xmun?+ U ħutu l-bniet m’humiex qegħdin hawnhekk magħna?” Għalhekk, bdew jitfixklu minħabba fih.+ 4 Imma Ġesù qalilhom: “Profeta jiġi onorat kullimkien minbarra f’pajjiżu,+ fost qrabatu, u f’daru stess.”+ 5 Għaldaqstant ma setaʼ jagħmel ebda għemil setgħan hemmhekk ħlief iqiegħed idejh fuq ftit morda u jfejjaqhom. 6 Tabilħaqq, baqaʼ mistagħġeb minħabba n-nuqqas taʼ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula taʼ dawk l-inħawi, jgħallem.+
7 Issa sejjaħ lit-tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn+ u jagħtihom l-awtorità fuq l-ispirti mhux nodfa.+ 8 Ukoll, ordnalhom biex għall-vjaġġ ma jieħdu xejn magħhom ħlief bastun, u la ħobż, la ħorġa taʼ l-ikel,+ u lanqas flus tar-ram aħmar fil-bwiet taʼ ħżiemhom,+ 9 imma jilbsu sandli, u ma jilbsux żewġ ilbiesi.+ 10 Barra minn hekk, qalilhom: “Kulfejn tidħlu f’xi dar,+ oqogħdu fiha sakemm titilqu minn dak il-post.+ 11 U f’kull post fejn ma jilqgħukomx u ma jisimgħukomx, intom u ħerġin minn hemmhekk farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xiehda għalihom.”+ 12 Għalhekk, telqu jippridkaw sabiex in-nies jindmu;+ 13 u kienu jkeċċu ħafna demonji+ u jidilku biż-żejt+ lil ħafna morda u jfejquhom.+
14 Issa dan wasal f’widnejn is-Sultan Erodi,* għax isem Ġesù sar magħruf, u n-nies kienu qed jgħidu: “Ġwanni l-għammied ġie mqajjem mill-mewt, u minħabba f’hekk qed iwettaq għemejjel setgħanin.”+ 15 Imma oħrajn kienu qed jgħidu: “Hu Elija.”+ Jerġaʼ oħrajn kienu qed jgħidu: “Hu profeta bħal wieħed mill-profeti.”+ 16 Imma meta Erodi semaʼ dan, beda jgħid: “Ġwanni li qtajtlu rasu ġie mqajjem.”+ 17 Għax Erodi kien bagħat jarresta lil Ġwanni u rabtu fil-ħabs minħabba Erodja mart ħuh Filippu, peress li kien iżżewwiġha hu.+ 18 Għax Ġwanni kien qallu kemm-il darba lil Erodi: “Skond il-liġi ma jistax ikollok il-mara taʼ ħuk.”+ 19 Imma Erodja kienet qed iżżomm f’qalbha+ għalih u riedet toqtlu, imma ma setgħetx.+ 20 Għax Erodi kien jibżaʼ+ minn Ġwanni, peress li kien jafu bħala raġel sewwa u qaddis;+ u kien qed jipproteġih. U wara li semgħu+ ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel, iżda baqaʼ jieħu pjaċir jisimgħu.
21 Imma wasal jum konvenjenti+ meta Erodi għal għeluq sninu+ għamel ikla taʼ fil-għaxija għall-kbarat tiegħu u għall-kmandanti militari u n-nies importanti tal-Galilija. 22 U bint din Erodja daħlet tiżfen u għoġbot lil Erodi u lil dawk li kienu mal-mejda+ miegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kulma trid, u nagħtihulek.” 23 Iva, ħalfilha: “Kulma titlobni nagħtihulek,+ sa nofs is-saltna tiegħi.”+ 24 U ħarġet u qalet lil ommha: “X’se nitolbu?” Qaltilha: “Ras Ġwanni l-għammied.”+ 25 Minnufih daħlet tiġri għand is-sultan u qaltlu x’riedet: “Irridek tagħtini issa stess fuq platt ras Ġwanni l-Battista.” 26 Għalkemm tnikket ħafna, is-sultan ma riedx jinjoraha minħabba l-ħalfa tiegħu u minħabba dawk li kienu mal-mejda.+ 27 Għalhekk, is-sultan minnufih bagħat suldat u ordnalu jġib ras Ġwanni. U telaq, qatagħlu rasu fil-ħabs,+ 28 ġabha fuq platt, u taha lit-tfajla, imbagħad it-tfajla tatha lil ommha.+ 29 Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ġew u ħadu l-ġisem tiegħu u poġġewh f’qabar tat-tifkira.+
30 U l-appostli nġabru quddiem Ġesù u qalulu kulma kienu għamlu u għallmu.+ 31 U qalilhom: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab+ u strieħu ftit.”+ Għax kien hemm ħafna ġejjin u sejrin, u ma kellhomx ħin għall-mistrieħ lanqas biex jieklu.+ 32 Għalhekk, telqu bid-dgħajsa lejn post imwarrab sabiex ikunu waħedhom.+ 33 Imma n-nies rawhom sejrin u ħafna saru jafu b’dan, u mill-bliet kollha telqu jħaffu ’l hemm flimkien bil-mixi u waslu qabilhom.+ 34 Meta ħareġ mid-dgħajsa ra folla kbira u ħassu mqanqal u tħassarhom,+ għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.+ U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.+
35 Issa kien sar ħafna ħin, u d-dixxipli tiegħu resqu lejh u bdew jgħidulu: “Il-post hu mwarrab, u diġà sar ħafna ħin.+ 36 Ibgħathom biex imorru fil-kampanja u fl-irħula taʼ madwarna ħa jixtru xi ħaġa x’jieklu.”+ 37 Wieġeb u qalilhom: “Agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.” Qalulu: “Tridna mmorru nixtru b’mitejn dinar* ħobż u nagħtuh lin-nies biex jikluh?”+ 38 Qalilhom: “Kemm-il ħobża għandkom? Morru araw!” Malli saru jafu kemm kien hemm, qalulu: “Ħamsa, kif ukoll żewġ ħutiet.”+ 39 U ordnalhom ilkoll jinxteħtu fi qtajjaʼ+ fuq il-ħaxix aħdar.+ 40 U dawn poġġew fi gruppi taʼ mija u taʼ ħamsin.+ 41 Issa hu qabad il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, refaʼ għajnejh lejn is-sema, qal talba,+ qasam+ il-ħobż, u beda jagħtih lid-dixxipli sabiex dawn inewluh lin-nies; u qassam iż-żewġ ħutiet bejn kulħadd. 42 U hekk kulħadd kiel u xebaʼ;+ 43 u ġabru l-bċejjeċ u mlew tnax-il qoffa, minbarra l-ħut. 44 Iktar minn hekk, dawk li kielu mill-ħobż kienu ħamest elef raġel.+
45 U, bla dewmien, ġiegħel lid-dixxipli tiegħu jitilgħu fid-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor lejn Betsajda, waqt li hu bagħat lill-folla.+ 46 Imma wara li sellmilhom telaʼ fuq muntanja biex jitlob.+ 47 Issa kien sar fil-għaxija u d-dgħajsa kienet f’nofs taʼ baħar, imma hu kien waħdu l-art.+ 48 U meta rahom jitħabtu+ biex jaqdfu, għax ir-riħ kien kontrihom, ġie lejhom, madwar ir-rabaʼ għassa* tal-lejl, miexi fuq il-baħar; imma kien donnu se jibqaʼ għaddej. 49 Malli lemħuh miexi fuq il-baħar ħasbu: “Din xi dehra!” u qabdu jgħajtu.+ 50 Għax huma lkoll rawh u tħawdu. Imma minnufih hu kellimhom u qalilhom: “Agħmlu kuraġġ, hu jien; tibżgħux.”+ 51 U telaʼ fid-dgħajsa magħhom, u r-riħ batta. Meta raw dan baqgħu mistagħġbin ferm fihom infushom,+ 52 għax huma ma kinux fehmu t-tifsira tal-ħobż, għax qlubhom baqgħu tqal biex jifhmu.+
53 U meta qasmu għan-naħa l-oħra, waslu Ġennesaret u ankraw id-dgħajsa fil-qrib.+ 54 Imma malli ħarġu mid-dgħajsa, in-nies għarfuh 55 u ġrew madwar dak ir-reġjun kollu u bdew iġorru lill-morda fuq is-sodod lejn il-post fejn kienu jisimgħu li qiegħed. 56 U kulfejn kien jidħol fl-irħula, fil-bliet, jew fil-kampanja+ kienu jpoġġu lill-morda fis-swieq, u kienu jitolbuh bil-ħniena biex imqar imissulu+ t-tarf+ tal-libsa. U kulmin kien imissu kien ifiq.+
7 Issa nġabru madwaru+ l-Fariżej u xi wħud mill-iskribi li ġew minn Ġerusalemm. 2 U meta raw lil xi wħud mid-dixxipli tiegħu jieklu b’idejhom imniġġsin, jiġifieri, mhux maħsulin+— 3 għax il-Fariżej u l-Lhud kollha, biex iżommu sod mat-tradizzjoni taʼ dawk taʼ qabilhom, ma jiklux jekk ma jaħslux idejhom sal-minkeb, 4 u, meta jiġu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jroxxux l-ilma fuqhom biex jitnaddfu; u hemm ħafna tradizzjonijiet+ oħra li għaddew għandhom biex iżommuhom, bħat-tgħaddis fl-ilma taʼ tazzi, buqari, u reċipjenti tar-ram aħmar;+— 5 għalhekk, dawn il-Fariżej u l-iskribi staqsewh: “Id-dixxipli tiegħek għala ma jimxux mat-tradizzjoni taʼ dawk taʼ qabilna, imma jieklu b’idejhom imniġġsin?”+ 6 Qalilhom: “Sewwa pprofetizza dwarkom Isaija, ja ipokriti, bħalma hu miktub,+ ‘Dan il-poplu jonorani b’xofftejh, imma qalbu mbiegħda minni.+ 7 Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-kmandi tal-bnedmin.’+ 8 Intom titilqu l-kmandament t’Alla u żżommu sod mat-tradizzjoni tal-bnedmin.”+
9 Iżjed minn hekk, kompla jgħidilhom: “Fin fin twarrbu fil-ġenb il-kmandament+ t’Alla sabiex iżżommu t-tradizzjoni tagħkom. 10 Per eżempju, Mosè qal, ‘Onora lil missierek u lil ommok,’+ u, ‘Min iżeblaħ lil missieru jew lil ommu jieħu l-mewt.’+ 11 Imma intom tgħidu, ‘Jekk xi ħadd jgħid lil missieru jew lil ommu: “Kulma għandi li bih nistaʼ nkun t’għajnuna għalik hu qorban,+ (jiġifieri, għotja dedikata+ lil Alla,)”’— 12 intom ma tħalluh jagħmel xejn għal missieru jew għal ommu,+ 13 u b’hekk iġġibu l-kelma t’Alla+ fix-xejn bit-tradizzjoni tagħkom li intom għaddejtu lil oħrajn. U tagħmlu ħafna affarijiet+ bħal dawn.” 14 Għalhekk, reġaʼ sejjaħ lill-folla lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmu.+ 15 M’hemm xejn minn barra li meta jidħol fil-bniedem jistaʼ jniġġsu; imma dak li joħroġ mill-bniedem hu dak li jniġġes lill-bniedem.”+ 16* ——
17 Issa daħal ġo dar lil hinn mill-folla u d-dixxipli tiegħu bdew jistaqsuh dwar it-tixbiha.+ 18 Għalhekk, qalilhom: “Intom ukoll m’intomx tifhmu, bħalhom?+ Ma tafux li xejn minn barra li jidħol fil-bniedem ma jistaʼ jniġġsu, 19 ladarba ma jidħolx f’qalbu imma fi msarnu u jgħaddi għal ġod-dranaġġ?”+ B’hekk iddikjara li l-ikel kollu hu nadif.+ 20 Iżjed minn hekk, qal: “Dak li joħroġ mill-bniedem hu dak li jniġġes lill-bniedem;+ 21 għax minn ġewwa, mill-qalb tal-bnedmin,+ joħroġ irraġunar li jagħmel ħafna ħsara: żína,+ serq, qtil,+ 22 adulterji, xenqiet b’għira,+ atti mill-agħar, qerq, kondotta laxka,+ għajn għajjura, dagħa, suppervja, nuqqas taʼ raġunevolezza. 23 Dawn l-affarijiet mill-agħar minn ġewwa kollha joħorġu u jniġġsu lill-bniedem.”+
24 Qam minn hemmhekk u mar fir-reġjuni taʼ Tir u Sidon.+ U daħal ġo dar u ma ried lil ħadd ikun jaf. Madankollu, ma setax jaħrab l-attenzjoni tan-nies;+ 25 u minnufih semgħet dwaru waħda mara, li bintha ċ-ċkejkna kellha spirtu mhux nadif, u ġiet u nxteħtet f’riġlejh.+ 26 Il-mara kienet Griega, taʼ nazzjonalità Sirofeniċjana; u hi bdiet titolbu biex ikeċċi lid-demonju minn ġo bintha.+ 27 Imma hu beda billi qalilha: “L-ewwel ħa jixbgħu t-tfal, għax mhux sewwa li tieħu l-ħobż tat-tfal+ u titfgħu lill-ġriewi.”+ 28 Madankollu, hi wieġbet u qaltlu: “Iva, sinjur, iżda l-ġriewi taħt il-mejda jieklu mill-frak+ tat-tfal żgħar.”+ 29 Għal dan il-kliem qalilha: “Talli għedt dan, mur; id-demonju ħareġ minn ġo bintek.”+ 30 Għalhekk, telqet lejn darha u sabet+ lit-tifla mimduda fuq is-sodda u d-demonju kien ħareġ minnha.
31 Issa, hu u ġej lura mill-inħawi taʼ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija minn nofs ir-reġjuni tad-Dekapoli.*+ 32 U ġabulu raġel trux u mbikkem, u talbuh bil-ħrara biex iqiegħed idu fuqu.+ 33 U ħadu waħdu lil hinn mill-folla u daħħal subgħajh f’widnejn ir-raġel, imbagħad beżaq u messlu lsienu.+ 34 U, waqt li ħares ’il fuq lejn is-sema,+ ħa nifs+ fil-fond u qallu: “Effata,” jiġifieri, “Infetaħ.” 35 Imbagħad, widnejh infetħu,+ u lsienu nħall u beda jitkellem b’mod normali. 36 U ordnalhom biex ma jgħidu lil ħadd;+ imma iktar ma kien jordnalhom, iktar kienu jxandruh.+ 37 Tabilħaqq, huma baqgħu mibluhin u mgħaġġbin+ għall-aħħar u qalu: “Kollox għamel sew. Saħansitra lit-torox iġibhom jisimgħu u lill-muti jitkellmu.”+
8 F’dawk il-jiem, meta għal darb’oħra kien hemm folla kbira u ma kellhomx x’jieklu, sejjaħ lid-dixxipli u qalilhom:+ 2 “Nitħassarhom+ lil dawn in-nies, għax diġà ilhom tlett ijiem ħdejja u m’għandhom xejn x’jieklu; 3 u li kieku kelli nibgħathom lejn darhom sajmin, iħosshom ħażin fit-triq. Tabilħaqq, xi wħud minnhom ġew mill-bogħod.” 4 Imma d-dixxipli tiegħu wiġbuh: “F’dan il-post imwarrab minfejn jistaʼ xi ħadd ixebbaʼ lil dawn in-nies bil-ħobż?”+ 5 Iżda baqaʼ jistaqsihom: “Kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa.”+ 6 Għalhekk, qal lin-nies biex jinxteħtu fl-art, ħa s-sebaʼ ħobżiet, radd ħajr,+ qasamhom, u beda jagħtihom lid-dixxipli tiegħu biex iservuhom, u dawn newluhom lill-folla.+ 7 Kellhom ukoll ftit ħut żgħir; u, wara li bierku, qalilhom ukoll biex iservuh.+ 8 Għaldaqstant kielu u xebgħu, u ġabru l-bċejjeċ li baqgħu żejda u mlew sebat iqfief kbar.+ 9 Iktar minn hekk, kien hemm madwar erbat elef raġel. Imbagħad bagħathom.+
10 U minnufih telaʼ fid-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u ġie fl-inħawi taʼ Dalmanuta.+ 11 Hawnhekk ħarġu l-Fariżej u bdew jargumentaw miegħu u, biex jipprovawh,+ riedu mingħandu sinjal mis-sema. 12 Għalhekk, karab karba kbira+ mqanqal mill-ispirtu tiegħu u qal: “Din il-ġenerazzjoni għala tfittex sinjal? Tassew ngħidilkom, Ebda sinjal ma jingħatalha lil din il-ġenerazzjoni.”+ 13 B’dan il-kliem telaqhom, reġaʼ telaʼ fid-dgħajsa, u mar ix-xatt l-ieħor.
14 U ġara li nsew jieħdu l-ħobż magħhom, u ma kellhom xejn fid-dgħajsa ħlief ħobża waħda.+ 15 U beda jordnalhom u jgħidilhom: “Żommu għajnejkom miftuħin, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira t’Erodi.”+ 16 Għalhekk, bdew jargumentaw bejniethom għax ma kellhomx ħobż.+ 17 Billi nnota dan, qalilhom: “Għala qed targumentaw għax m’għandkomx ħobż?+ Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? Qlubkom għadhom tqal biex jifhmu?+ 18 ‘Għandkom għajnejn u ma tarawx; widnejn u ma tisimgħux?’+ U ma tiftakrux, 19 meta qsamt il-ħames ħobżiet+ għall-ħamest elef raġel, kemm-il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Qalulu: “Tnax.”+ 20 “Meta qsamt is-sebgħa għall-erbat elef raġel, kemm-il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Qalulu: “Sebgħa.”+ 21 Imbagħad qalilhom: “Għadkom ma fhimtux?”+
22 Issa waslu Betsajda. Hawnhekk xi nies ġabulu raġel agħma, u talbuh bil-ħrara biex imissu.+ 23 U qabad lill-agħma minn idu, ħarġu ’l barra mir-raħal, u, wara li beżaqlu+ fuq għajnejh, qiegħed idejh fuqu u beda jistaqsih: “Qed tara xi ħaġa?” 24 U r-raġel ħares ’il fuq u beda jgħid: “Qed nara xi nies, għax qed nilmaħ bħal siġar, imma mexjin ’l hemm u ’l hawn.” 25 Imbagħad reġaʼ poġġa idejh fuq għajnejn ir-raġel, u dan ra ċar, u fieq, u kien qed jara kollox kif inhu. 26 Għalhekk, bagħtu lejn daru u qallu: “Imma tidħolx fir-raħal.”+
27 Ġesù u d-dixxipli tiegħu issa rħewlha lejn l-irħula taʼ Ċesarija Filippi, u fit-triq beda jistaqsi lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “In-nies min qed jgħidu li jien?”+ 28 Qalulu: “Ġwanni l-Battista,+ oħrajn, Elija,+ u jerġaʼ oħrajn, Wieħed mill-profeti.”+ 29 U staqsiehom: “Iżda intom min tgħidu li jien?” Pietru wieġeb u qallu: “Int il-Kristu.”+ 30 Imbagħad, ordnalhom bis-sħiħ biex ma jgħidu lil ħadd dwaru.+ 31 Ukoll, beda jgħallimhom li Bin il-bniedem se jgħaddi minn ħafna tbatijiet u jiġi miċħud mix-xjuħ u l-qassisin ewlenin u l-iskribi u jiġi maqtul,+ u jqum tlett ijiem wara.+ 32 Tabilħaqq, dan il-kliem kien qed jgħidulhom ċar u tond. Imma Pietru ġibdu lejh u beda jċanfru.+ 33 Hu dar, ħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana, għax m’intix taħseb il-ħsibijiet t’Alla imma tal-bnedmin.”+
34 Issa sejjaħ lill-folla lejh mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja.+ 35 Għax kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija u minħabba l-aħbar tajba jsalvaha.+ 36 Tassew, x’jiswielu bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u jitlef ruħu?+ 37 Tassew, x’se jagħti bniedem flok ruħu?+ 38 Għax kulmin jistħi minħabba fija u minħabba kliemi f’din il-ġenerazzjoni adultera u midinba, Bin il-bniedem ukoll jistħi+ minħabba fih meta jasal fil-glorja taʼ Missieru maʼ l-anġli mqaddsa.”+
9 Iżjed minn hekk, kompla jgħidilhom: “Tassew ngħidilkom, Xi wħud minn dawk li qegħdin hawnhekk żgur ma jduqux il-mewt qabel ma jaraw is-saltna t’Alla li tkun diġà ġiet bil-qawwa.”+ 2 Għaldaqstant, sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u tellagħhom waħedhom fuq muntanja għolja. U tbiddel quddiemhom,+ 3 u ħwejġu saru jleqqu, saru bojod ferm iktar milli jistaʼ jagħmilhom bojod kwalunkwe ħassiel fuq l-art.+ 4 Ukoll, dehrilhom Elija maʼ Mosè, u dawn kienu qed jitkellmu maʼ Ġesù.+ 5 Għaldaqstant, Pietru qal lil Ġesù: “Rabbi,* kemm hu sew li aħna qegħdin hawnhekk! Għalhekk, ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”+ 6 Fil-fatt, ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid, għax kienu beżgħanin ħafna. 7 U fformat sħaba li għattiethom, u ġie leħen+ minn ġos-sħaba: “Dan hu Ibni,+ il-maħbub; isimgħu minnu.”+ 8 Madankollu, f’daqqa waħda ħarsu madwarhom u ma raw lil ħadd iktar magħhom, ħlief lil Ġesù waħdu.+
9 Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, ordnalhom biex ma jgħidu+ lil ħadd x’raw, sakemm Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.+ 10 U żammew il-kelma, imma ddiskutew bejniethom x’kien ifisser dan il-qawmien mill-imwiet. 11 U bdew jistaqsuh u jgħidulu: “L-iskribi għala jgħidu li l-ewwel irid jiġi+ Elija?”+ 12 Qalilhom: “Veru li Elija jiġi l-ewwel u jġedded kollox;+ imma għala hu miktub dwar Bin il-bniedem li jrid jgħaddi minn ħafna tbatijiet+ u ma jiġix stmat?+ 13 Imma jien ngħidilkom, Elija,+ fil-fatt, ġa ġie, u għamlulu kulma riedu, bħalma hu miktub dwaru.”+
14 Issa, meta ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, innotaw folla kbira taʼ nies madwarhom u xi skribi jargumentaw magħhom.+ 15 Imma malli lemħuh, in-nies kollha baqgħu ssummati u ġrew lejh biex jilqgħuh. 16 U staqsiehom: “Fuqiex qed targumentaw magħhom?” 17 U wieħed mill-folla wieġbu: “Għalliem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mutu;+ 18 u kulfejn jaħkmu jsabbtu maʼ l-art, u t-tifel jibda joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu u jgħażżaż snienu u jiġi bla saħħa. U għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh, imma ma setgħux.”+ 19 Wieġeb u qalilhom: “Ja ġenerazzjoni bla fidi,+ kemm irrid indum magħkom? Kemm ħa ndum nissaportikom? Ġibuhuli.”+ 20 Għalhekk, ġabuhulu. Imma l-ispirtu, malli rah, mill-ewwel qabbad aċċessjonijiet lit-tifel, u dan waqaʼ fl-art u beda jitmiegħek bir-ragħwa ħierġa minn ħalqu.+ 21 U staqsa lil missieru: “Kemm ilu jiġrilu hekk?” Qallu: “Minn ċkunitu; 22 u sikwit jitfgħu kemm fin-nar kif ukoll fl-ilma biex jeqirdu.+ Imma jekk tistaʼ tagħmel xi ħaġa, ikollok ħniena minna u għinna.” 23 Ġesù qallu: “Dak li għedt, ‘Jekk tistaʼ’! Kollox jistaʼ jkun għal min ikollu l-fidi.”+ 24 Minnufih, missier it-tifel għajjat u qal: “Jien għandi fidi! Għinni fejn neħtieġ il-fidi!”+
25 Issa, billi nnota li kienet ġejja folla tiġri lejhom, Ġesù ċanfar+ lill-ispirtu mhux nadif u qallu: “Ja spirtu mutu u trux, nordnalek, oħroġ minn ġo fih u tidħolx fih iżjed.” 26 U l-ispirtu ħareġ wara li għajjat u qabbad ħafna aċċessjonijiet lit-tifel;+ u dan sar qisu mejjet, tant li l-biċċa l-kbira minnhom kienu qed jgħidu: “Miet!” 27 Imma Ġesù qabdu minn idu u qajmu, u dan qam.+ 28 Għalhekk, wara li daħal ġo dar, id-dixxipli tiegħu bdew jistaqsuh waħdu: “Għala ma stajniex inkeċċuh?”+ 29 U qalilhom: “Dan it-tip b’xejn ma jistaʼ joħroġ ħlief bit-talb.”+
30 Minn hemmhekk telqu u għaddew mill-Galilija, imma hu ma ried lil ħadd isir jaf. 31 Għax kien qed jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin, u dawn joqtluh,+ imma, minkejja li jiġi maqtul, iqum tlett ijiem wara.”+ 32 Madankollu, huma ma kinux qed jifhmu x’qed jgħid, u beżgħu jistaqsuh.+
33 U waslu Kafarnahum. Issa, meta daħal id-dar, staqsiehom: “Fuqiex kontu qed targumentaw fit-triq?”+ 34 Huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu argumentaw bejniethom dwar min hu l-akbar.+ 35 Għalhekk, qagħad bil-qiegħda, sejjaħ lit-tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel, għandu jkun l-aħħar wieħed u l-qaddej taʼ kulħadd.”+ 36 U ħa tifel żgħir, poġġieh f’nofshom u poġġa dirgħajh madwaru u qalilhom:+ 37 “Kulmin jilqaʼ lil wieħed minn dawn it-tfal żgħar f’ismi, jilqaʼ lili; u kulmin jilqaʼ lili, ma jilqax lili biss imma wkoll lil dak li bagħatni.”+
38 Qallu Ġwanni: “Għalliem, rajna wieħed raġel ikeċċi d-demonji f’ismek u aħna pprovajna nwaqqfuh,+ għax ma kienx qed jakkumpanjana.”+ 39 Imma Ġesù qal: “Tipprovawx twaqqfuh, għax m’hemm ħadd li jagħmel għemil setgħan f’ismi u ftit wara jkollu l-ħila jżeblaħni;+ 40 għax min mhux kontra tagħna hu favur tagħna.+ 41 Għax kulmin jagħtikom tazza+ ilma x’tixorbu minħabba li intom taʼ Kristu,+ tassew ngħidilkom, żgur li ma jitlifx il-premju tiegħu. 42 Imma kulmin ifixkel lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu, ikun aħjar għalih jekk idawrulu m’għonqu ġebla taʼ mitħna, bħal dik li jdawwar ħmar, u jitfgħuh il-baħar.+
43 “U jekk idek tfixklek, aqtagħha barra; ikun aħjar għalik li tidħol immankat fil-ħajja milli tmur b’idejk it-tnejn f’Geħenna,* fin-nar li ma jistax jintefa.+ 44* —— 45 U jekk sieqek tfixklek, aqtagħha barra; ikun aħjar għalik li tidħol zopp+ fil-ħajja milli jixħtuk b’saqajk it-tnejn f’Geħenna.+ 46 —— 47 U jekk għajnek tfixklek, armiha;+ ikun aħjar għalik li tidħol b’għajn waħda fis-saltna t’Alla milli jixħtuk b’għajnejk it-tnejn f’Geħenna,+ 48 fejn id-dud tagħhom ma jmutx u n-nar ma jintefiex.+
49 “Għax kulħadd irid jiġi mmellaħ+ bin-nar. 50 Il-melħ hu eċċellenti; imma jekk il-melħ jitlef it-togħma tiegħu, biex se tħawruh?+ Ħa jkollkom il-melħ+ fikom infuskom, u żommu l-paċi+ bejnietkom.”
10 Minn hemmhekk qam u ġie fil-fruntieri tal-Lhudija u n-naħa l-oħra tal-Ġordan, u għal darb’oħra ġew ħdejh il-folol, u kif kienet id-drawwa tiegħu reġaʼ beda jgħallimhom.+ 2 Issa resqu xi Fariżej u, biex jipprovawh, bdew jistaqsuh jekk skond il-liġi raġel setax jiddivorzja lil martu.+ 3 Hu wieġeb u qalilhom: “X’ordnalkom Mosè?” 4 Qalulu: “Mosè ppermetta li wieħed jikteb ċertifikat taʼ tkeċċija u jiddivorzjaha.”+ 5 Imma Ġesù qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija taʼ qalbkom+ li kitbilkom dan il-kmandament. 6 Iżda, mill-bidu tal-ħolqien ‘Għamilhom raġel u mara.+ 7 Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu, 8 u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’;+ mela m’għadhomx iktar tnejn, imma ġisem wieħed. 9 Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”+ 10 Meta reġgħu kienu d-dar,+ id-dixxipli bdew jistaqsuh dwar dan. 11 U qalilhom: “Kulmin jiddivorzja lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju+ kontriha, 12 u jekk mara, wara li tiddivorzja lil żewġha, tiżżewweġ ieħor, tagħmel adulterju.”+
13 Issa n-nies bdew iġibulu xi tfal żgħar biex imisshom; imma d-dixxipli ċanfruhom.+ 14 Malli ra dan, Ġesù ma ħax pjaċir u qalilhom: “Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.+ 15 Tassew ngħidilkom, Kulmin ma jilqax is-saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur ma jidħolx fiha.”+ 16 U ħaddan it-tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.+
17 Hu u sejjer fi triqtu ġie jiġri lejh wieħed raġel li niżel għarkopptejh quddiemu u staqsieh: “Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex niret il-ħajja taʼ dejjem?”+ 18 Ġesù qallu: “Għala ssejjaħli tajjeb?+ Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.+ 19 Tafhom il-kmandamenti, ‘Toqtolx,+ Tagħmilx adulterju,+ Tisraqx,+ Tixhidx falz,+ Tagħmilx frodi,+ Onora lil missierek u lil ommok.’”+ 20 Qallu r-raġel: “Għalliem, dawn kollha ħaristhom sa minn żgħożiti.” 21 Ġesù ħares lejh, ħass imħabba għalih, u qallu: “Ħaġa waħda jonqsok: Mur, bigħ dak li għandek u agħti lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.”+ 22 Imma hu sewwed qalbu għal dan il-kliem u telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.+
23 Wara li ta ħarsa madwaru Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm se jkun diffiċli għal dawk li għandhom il-flus+ biex jidħlu fis-saltna t’Alla!”+ 24 Imma d-dixxipli ssorprendew ruħhom+ bi kliemu. Għaldaqstant, Ġesù reġaʼ qalilhom: “Uliedi, kemm hu diffiċli biex tidħol fis-saltna t’Alla! 25 Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel għani jidħol fis-saltna t’Alla.”+ 26 Huma baqgħu iktar imbellhin u qalulu: “Allura min jistaʼ jiġi salvat?”+ 27 Ġesù ħares dritt lejhom u qal: “Għall-bnedmin hu impossibbli, imma mhux għal Alla, għax kollox hu possibbli għal Alla.”+ 28 Pietru beda jgħidlu: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk.”+ 29 Qal Ġesù: “Tassew ngħidilkom, Ħadd ma telaq lil daru jew lil ħutu subien jew bniet jew lil ommu jew lil missieru jew tfal jew għelieqi minħabba fija u minħabba l-aħbar tajba+ 30 li ma jiħux mitt darba+ iktar issa f’dan iż-żmien, djar u aħwa subien u aħwa bniet u ommijiet u tfal u għelieqi, bil-persekuzzjonijiet,+ u fis-sistema li ġejja, ħajja taʼ dejjem. 31 Madankollu, ħafna li huma l-ewwel ikunu l-aħħar, u taʼ l-aħħar l-ewwel.”+
32 Issa huma kienu fit-triq telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom, u baqgħu mistagħġbin; imma dawk li kienu ġejjin wara bdew jibżgħu. Għal darb’oħra ġibed lit-tnax fil-ġenb u beda jgħidilhom dak li kellu jgħaddi minnu:+ 33 “Hawn aħna, telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin ewlenin u l-iskribi, u dawn jikkundannawh għall-mewt u jagħtuh f’idejn in-nies tal-ġnus,+ 34 u jiżżuffjettaw bih u jobżqulu u jsawtuh u joqtluh, imma tlett ijiem wara jqum.”+
35 U Ġakbu u Ġwanni, iż-żewġ ulied taʼ Żebedew,+ resqu lejh u qalulu: “Għalliem, irriduk tagħmlilna dak li nitolbuk.”+ 36 Qalilhom: “Xi triduni nagħmlilkom?” 37 Qalulu: “Ħallina noqogħdu bil-qiegħda, wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug, fil-glorja tiegħek.”+ 38 Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’qed titolbu. Tistgħu tixorbu l-kies li qed nixrob jien, jew titgħammdu bil-magħmudija li qed nitgħammed biha jien?”+ 39 Qalulu: “Nistgħu.” Għal dan, Ġesù qalilhom: “Il-kies li qed nixrob jien se tixorbuh, u bil-magħmudija li qed nitgħammed jien se titgħammdu.+ 40 Iżda, li toqogħdu bil-qiegħda fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi ma nistax nagħtih jien,+ imma hu taʼ dawk li tħejja għalihom.”
41 Meta l-għaxra l-oħra semgħu b’dan, xejn ma ħadu pjaċir b’Ġakbu u Ġwanni.+ 42 Imma, wara li sejħilhom lejh, Ġesù qalilhom: “Intom tafu li dawk li jidhru li qed jaħkmu lill-ġnus jiddominawhom u l-kbarat tagħhom għandhom awtorità fuqhom.+ 43 Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom,+ 44 u kulmin irid ikun l-ewwel fostkom irid ikun l-ilsir taʼ kulħadd.+ 45 Għax anki Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi+ imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa+ għal ħafna.”+
46 U daħlu Ġeriko. Issa hu u ħiereġ minn Ġeriko mad-dixxipli tiegħu u maʼ folla mdaqqsa, Bartimew (bin Timew), tallab agħma, kien bil-qiegħda mal-ġenb tat-triq.+ 47 Meta semaʼ li kien Ġesù n-Nazzarenu, beda jgħajjat u jgħid: “Bin David,+ Ġesù, ikollok ħniena minni!”+ 48 Għal dan, ħafna bdew iċanfruh biex jiskot; imma hu iktar baqaʼ jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”+ 49 Għalhekk, Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu.” U huma sejħu lill-agħma u qalulu: “Agħmel kuraġġ, qum, qed isejjaħlek.”+ 50 Dan tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq saqajh u mar ħdejn Ġesù. 51 U Ġesù wieġeb u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”+ Qallu l-agħma: “Rabboni,* ħa nerġaʼ nieħu d-dawl.”+ 52 U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.”+ U minnufih reġaʼ ħa d-dawl,+ u beda miexi warajh fit-triq.+
11 Issa, meta kienu qed joqorbu lejn Ġerusalemm, lejn Betfaġe u Betanja+ ħdejn il-Muntanja taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu+ 2 u qalilhom: “Morru fir-raħal li qed taraw quddiemkom, u malli tidħlu fih issibu felu marbut, li ebda bniedem għadu ma qagħad bil-qiegħda fuqu; ħolluh u ġibuh.+ 3 U jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Għala qed tagħmlu dan?’ għidulu, ‘Il-Mulej għandu bżonnu, u ma jdumx ma jerġaʼ jibagħtu lura hawnhekk.’”+ 4 Għalhekk, telqu u sabu l-felu marbut barra ħdejn il-bieb, fit-triq tal-ġenb, u ħallewh.+ 5 Imma xi wħud minn dawk li kienu hemmhekk bdew jgħidulhom: “Għalfejn qed tħollu l-felu?”+ 6 Huma qalulhom bħalma kien qalilhom Ġesù; u dawn ħallewhom imorru.+
7 U ġabu l-felu+ għand Ġesù, u poġġewlu fuqu l-imnatar tagħhom, u hu qagħad bil-qiegħda fuqu.+ 8 Ukoll, ħafna firxu l-imnatar tagħhom+ fit-triq, imma oħrajn qatgħu xi friegħi bil-weraq+ mill-għelieqi.+ 9 U kemm dawk li kienu mexjin quddiem kif ukoll dawk li kienu mexjin wara bdew jgħajtu: “Salva, nitolbuk!+ Imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova!+ 10 Imbierka s-saltna li ġejja taʼ David missierna!+ Salva, nitolbuk, fl-ogħla postijiet tas-smewwiet!” 11 U daħal Ġerusalemm, fit-tempju; u ħares lejn l-affarijiet kollha taʼ madwaru, u, peress li kien diġà tard, ħareġ mat-tnax lejn Betanja.+
12 L-għada, meta ħarġu minn Betanja, qabdu l-ġuħ.+ 13 U mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin li kellha l-weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif wasal ħdejha, ma sab xejn ħlief weraq, għax ma kienx l-istaġun tat-tin.+ 14 Għaldaqstant qalilha: “Ħa ma jiekol ħadd iktar frott minnek għal dejjem.”+ U d-dixxipli tiegħu kienu qed jisimgħuh.
15 Issa ġew Ġerusalemm. Hemmhekk daħal fit-tempju u beda jkeċċi ’l barra lil dawk li kienu qed ibigħu u jixtru fit-tempju, u qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u l-bankijiet taʼ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem;+ 16 u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b’xi ħaġa jgħaddi minn ġot-tempju, 17 imma hu baqaʼ jgħallem u jgħid: “M’huwiex miktub, ‘Dari tissejjaħ dar tat-talb+ għall-ġnus kollha’?+ Imma intom għamiltuha għar tal-ħallelin.”+ 18 U l-qassisin ewlenin u l-iskribi semgħu b’dan, u bdew jipprovaw jaraw kif jeqirduh;+ għax kienu jibżgħu minnu, peress li l-folla kollha kienet qed tiġi mbellha kontinwament bit-tagħlim tiegħu.+
19 U meta kien isir il-ħin, kienu joħorġu mill-belt. 20 Imma huma u għaddejjin kmieni fil-għodu, raw is-siġra tat-tin diġà niexfa mill-għeruq.+ 21 Għalhekk, Pietru ftakar u qallu: “Rabbi, ara! Is-siġra tat-tin li sħitt nixfet.”+ 22 U Ġesù wieġeb u qalilhom: “Irid ikollkom fidi f’Alla. 23 Tassew ngħidilkom li kulmin jgħid lil din il-muntanja, ‘Intrefaʼ u nxteħet fil-baħar,’ u ma jiddubitax f’qalbu imma jkollu fidi li dak li jgħid se jseħħ, hekk iseħħlu.+ 24 Għalhekk ngħidilkom, Kulma tridu u titolbu għalih ħa jkollkom il-fidi li diġà qlajtuh, u tiħduh.+ 25 U meta tkunu weqfin titolbu, aħfru+ kulma għandkom kontra xi ħadd; sabiex Missierkom li hu fis-smewwiet ikun jistaʼ jaħfrilkom in-nuqqasijiet tagħkom.”+ 26* ——
27 U għal darb’oħra ġew Ġerusalemm. U waqt li kien miexi fit-tempju resqu lejh il-qassisin ewlenin u l-iskribi u x-xjuħ+ 28 u bdew jgħidulu: “Int b’liema awtorità tagħmlu dan? Jew min tak din l-awtorità biex tagħmel dan?”+ 29 Qalilhom Ġesù: “Nagħmlilkom mistoqsija waħda. Wiġbuhieli, u jien ukoll ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.+ 30 Il-magħmudija+ taʼ Ġwanni kienet mis-sema jew mill-bnedmin? Wiġbuni.”+ 31 Għalhekk, bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk ngħidulu, ‘Mis-sema,’ jgħidilna, ‘Mela għala m’emmintuhx?’+ 32 Imma ħa nissograw ngħidulu, ‘Mill-bnedmin’?”—Huma kienu jibżgħu mill-folla, għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni veru kien profeta.+ 33 Għalhekk, wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux.” U Ġesù qalilhom: “Lanqas jien ma ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dan.”+
12 U beda jkellimhom bit-tixbihat: “Wieħed raġel ħawwel għalqa bid-dwieli+ u dawwarha b’ċint. Ħaffer ħofra għall-magħsar taʼ l-inbid, bnielha torri,+ u qabbilha lil xi bdiewa,+ u siefer.+ 2 Issa, meta wasal iż-żmien, bagħat ilsir għand il-bdiewa biex jieħu ftit mill-frott taʼ l-għalqa tad-dwieli mingħandhom.+ 3 Imma huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh b’idejh vojta.+ 4 U reġaʼ bagħtilhom ilsir ieħor; u lil dan tawh fuq rasu u ddiżonorawh.+ 5 U bagħat ieħor, u lil dan qatluh; u bagħat lil ħafna oħrajn, lil xi wħud sawtuhom u lil oħrajn qatluhom. 6 Kien baqagħlu ieħor, iben maħbub.+ Bagħathulhom l-aħħar wieħed u qal, ‘Lil ibni jirrispettawh.’+ 7 Imma dawk il-bdiewa qalu bejniethom, ‘Dan il-werriet.+ Ejjew noqtluh, u l-wirt ikun tagħna.’+ 8 Għalhekk, qabduh, qatluh,+ u tefgħuh ’il barra mill-għalqa tad-dwieli.+ 9 X’se jagħmel sid l-għalqa tad-dwieli? Jiġi u jeqred lill-bdiewa, u jagħti l-għalqa tad-dwieli+ lil ħaddieħor.+ 10 Qatt ma qrajtuha din l-iskrittura, ‘Il-ġebla+ li twarrbet mill-bennejja, din saret il-ġebla tax-xewka ewlenija;+ 11 mingħand Ġeħova seħħ dan, u f’għajnejna din hi ħaġa meraviljuża’?”+
12 Għal dan, bdew jipprovaw jaraw kif jaqbduh taħt idejhom, imma kienu jibżgħu mill-folla, għax indunaw li meta qal it-tixbiha kellu lilhom f’moħħu. Għalhekk, ħallewh u telqu.+
13 Imbagħad bagħtulu lil xi wħud mill-Fariżej u mill-partitarji t’Erodi+ biex jaqbduh fi kliemu.+ 14 Malli waslu qalulu: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid il-verità u ma jimpurtak minn ħadd, għax ma tħarisx lejn kif il-bnedmin jidhru minn barra, imma tgħallem it-triq t’Alla fi qbil mal-verità:+ Huwa skond il-liġi li tħallas it-taxxa fuq kull ras lil Ċesari jew le? 15 Għandna nħallsuha, jew m’għandniex?”+ Billi induna bl-ipokrisija tagħhom qalilhom: “Għala tipprovawni? Ġibuli dinar* biex narah.”+ 16 Ġabuhulu, u qalilhom: “Din ix-xbieha u l-iskrizzjoni taʼ min huma?” Qalulu: “Taʼ Ċesari.”+ 17 Imbagħad Ġesù qalilhom: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari,+ imma lil Alla dak li hu t’Alla.”+ U bdew jistagħġbu bih.+
18 Issa resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li m’hemmx irxoxt, u staqsewh:+ 19 “Għalliem, Mosè kitbilna li jekk xi ħadd imutlu ħuh u dan iħalli mara warajh imma ma jħallix tfal, ħu l-mejjet+ għandu jieħu lill-mara u jqajjem nisel minnha għal ħuh.+ 20 Kien hemm sebaʼ aħwa; u l-ewwel wieħed iżżewweġ mara, imma meta miet ma ħalliex ulied.+ 21 U żżewwiġha t-tieni wieħed, imma miet mingħajr ma ħalla wlied; u t-tielet għamel l-istess. 22 U s-sebgħa li huma ma ħallew ebda nisel. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll.+ 23 Fl-irxoxt, mart min minnhom se tkun? Għax is-sebgħa ħaduha bħala marthom.”+ 24 Qalilhom Ġesù: “Mhux għalhekk intom żbaljati, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa t’Alla?+ 25 Għax meta jqumu mill-imwiet, la l-irġiel ma jiżżewġu u lanqas in-nisa ma jingħataw fiż-żwieġ, imma jkunu bħall-anġli fis-smewwiet.+ 26 Imma dwar li l-mejtin jiġu mqajmin, ma qrajtux fil-ktieb taʼ Mosè, fir-rakkont dwar l-għollieqa, kif Alla qallu, ‘Jien l-Alla t’Abraham u l-Alla taʼ Iżakk u l-Alla taʼ Ġakobb’?+ 27 Hu mhux Alla tal-mejtin, imma tal-ħajjin. Intom żbaljati ferm.”+
28 Issa wieħed mill-iskribi li kien ġie u semagħhom jiddibattu, billi kien jaf li kien wiġibhom tajjeb, staqsieh: “Liema hu l-ewwel kmandament fosthom kollha?”+ 29 Wieġeb Ġesù: “L-ewwel hu, ‘Ismaʼ, O Israel, Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed,+ 30 u ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.’+ 31 It-tieni hu dan, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’+ M’hemm ebda kmandament ieħor akbar minn dawn.” 32 Qallu l-iskriba: “Għalliem, tajjeb għedt fi qbil mal-verità, ‘Hu Wieħed, u m’hemmx ieħor għajru’;+ 33 u li tħobbu b’qalbek kollha u bl-intellett kollu tiegħek u b’saħħtek kollha u li tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek jiswew ferm iktar mill-offerti tal-ħruq kollha u s-sagrifiċċji kollha.”+ 34 Għal dan, billi għaraf li kien wieġbu b’mod intelliġenti, Ġesù qallu: “M’intix ’il bogħod mis-saltna t’Alla.” U ħadd ma kellu l-kuraġġ jistaqsih iktar.+
35 Madankollu, meta kien qed iwieġeb, Ġesù beda jgħid bħalma għallem fit-tempju: “L-iskribi kif jgħidu li l-Kristu hu bin David?+ 36 David stess qal bl-ispirtu qaddis,+ ‘Ġeħova qal lill-Mulej tiegħi: “Oqgħod bil-qiegħda fuq il-lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-għedewwa tiegħek taħt saqajk.”’+ 37 David stess isejjaħlu ‘Mulej,’ allura kif jiġi li hu ibnu?”+
U l-folla kbira kienet qed tieħu pjaċir tisimgħu.+ 38 U fit-tagħlim tiegħu kompla jgħid: “Oqogħdu attenti mill-iskribi+ li jridu jippassiġġaw bi lbiesi twal u jridu t-tislim fis-swieq 39 u s-siġġijiet taʼ quddiem fis-sinagogi u l-iktar postijiet prominenti fl-ikliet taʼ fil-għaxija.+ 40 Huma qed jibilgħu djar+ ir-romol u b’falzità joqogħdu jitolbu fit-tul; dawn se jieħdu ġudizzju iktar iebes.”+
41 U qagħad bil-qiegħda fejn setaʼ jara l-kaxxi tat-teżor*+ u beda josserva l-folla titfaʼ l-flus fil-kaxxi tat-teżor; u ħafna nies għonja kienu qed jitfgħu ħafna muniti.+ 42 Issa ġiet armla fqira u tefgħet żewġ muniti żgħar, li għandhom valur żgħir ferm.+ 43 Għalhekk, sejjaħ lid-dixxipli tiegħu lejh u qalilhom: “Tassew ngħidilkom li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu l-flus fil-kaxxi tat-teżor;+ 44 għax huma lkoll tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, min-nieqes tagħha, tefgħet kulma kellha, l-għajxien kollu tagħha.”+
13 Hu u ħiereġ mit-tempju wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Għalliem, ara! X’ġebel u x’bini dan!”+ 2 Madankollu, Ġesù qallu: “Qed tarah dan il-bini kbir?+ Żgur li hawnhekk ma titħalliex ġebla fuq oħra+ li ma tiġġarrafx.”+
3 U waqt li kien bil-qiegħda fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ minfejn setaʼ jara t-tempju, Pietru+ u Ġakbu u Ġwanni u Indrì sabuh waħdu u bdew jistaqsuh:+ 4 “Għidilna, Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-sinjal taʼ meta dan kollu għandu jiġi f’konklużjoni?”+ 5 Għalhekk, Ġesù beda jgħidilhom: “Oqogħdu attenti li ħadd ma jqarraq bikom.+ 6 Ħafna jiġu f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u jqarrqu b’ħafna.+ 7 Iktar minn hekk, meta tisimgħu bi gwerer u aħbarijiet taʼ gwerer, titwerwrux; dan irid iseħħ, imma ma jkunx għadu t-tmiem.+
8 “Għax ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna,+ ikun hemm terremoti+ f’post wara l-ieħor, ikun hemm nuqqas taʼ ikel.+ Dan hu l-bidu taʼ l-uġigħ, bħall-uġigħ tal-ħlas.+
9 “U intom, oqogħdu attenti għalikom infuskom; in-nies jagħtukom f’idejn il-qrati tal-post,+ u tissawtu fis-sinagogi+ u tidhru quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, bħala xiehda għalihom.+ 10 Ukoll, l-ewwel trid tiġi pridkata+ l-aħbar tajba fil-ġnus kollha.+ 11 Imma meta jkunu qed jiħdukom biex jagħtukom f’idejhom, tkunux ansjużi minn qabel dwar x’se tgħidu;+ imma għidu dak li jingħatalkom dak il-ħin, għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-ispirtu qaddis.+ 12 Iktar minn hekk, l-aħwa se jagħtu lil xulxin għall-mewt, u missier lil ibnu,+ u l-ulied se jqumu kontra l-ġenituri u jagħtuhom għall-mewt;+ 13 u tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi.+ Imma min jissaporti sat-tmiem+ jiġi salvat.+
14 “Madankollu, meta taraw il-ħaġa moqżieża+ li ġġib ħerba+ wieqfa fejn m’għandhiex tkun (ħa juża moħħu l-qarrej),+ imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jaħarbu lejn il-muntanji.+ 15 Min ikun fuq il-bejt ħa ma jinżilx, u lanqas jidħol ġewwa biex jieħu xi ħaġa minn daru;+ 16 u min ikun fl-għalqa ħa ma jerġax lura għal dak li ħalla warajh biex jieħu l-mantar tiegħu.+ 17 Gwaj għan-nisa tqal u għal dawk li jreddgħu f’dawk il-jiem!+ 18 Ibqgħu itolbu biex dan ma jkunx fix-xitwa;+ 19 għax dawk il-jiem ikunu taʼ tribulazzjoni+ li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tal-ħolqien li ħalaq Alla sa dak iż-żmien, u qatt ma jerġaʼ jkun hawn.+ 20 Fil-fatt, kieku Ġeħova+ ma qassarx il-jiem, ebda bniedem ma jiġi salvat. Imma, minħabba l-magħżulin+ li għażel,+ qassar il-jiem.+
21 “Imbagħad, ukoll, jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Ara! Hawn qiegħed il-Kristu,’ ‘Ara! Hemm qiegħed,’+ temmnuhx.+ 22 Għax iqumu Kristijiet foloz u profeti foloz+ u jagħmlu sinjali u għeġubijiet+ biex jiżvijaw, jekk jistaʼ jkun, lill-magħżulin.+ 23 Għalhekk, oqogħdu attenti;+ jien għedtilkom kollox minn qabel.+
24 “Imma f’dawk il-jiem, wara dik it-tribulazzjoni, ix-xemx tiddallam, u l-qamar ma jagħtix dawl, 25 u l-kwiekeb jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet li huma fis-smewwiet jitheżżu.+ 26 U mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem+ ġej fis-sħab b’qawwa u glorja kbira.+ 27 Imbagħad jibgħat lill-anġli u jiġbor flimkien lill-magħżulin tiegħu+ mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.+
28 “Issa tgħallmu mis-siġra tat-tin din it-tixbiha: Hekk kif il-fergħa ġdida tagħha tkun għadha ratba u toħroġ il-weraq, tkunu tafu li qorob is-sajf.+ 29 Hekk ukoll intom, meta taraw dawn l-affarijiet iseħħu, kunu afu li hu qrib, fil-bieb.+ 30 Tassew ngħidilkom li din il-ġenerazzjoni żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.+ 31 Is-sema+ u l-art jgħaddu, imma kliemi+ ma jgħaddix.+
32 “Imma dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli fis-sema u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier.+ 33 Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin,+ għax ma tafux meta hu ż-żmien stabbilit.+ 34 Hu bħal raġel li siefer+ u ħalla daru u ta l-awtorità lill-ilsiera tiegħu, lil kull wieħed xogħlu, u ordna lil tal-bieb jibqaʼ għassa. 35 Għalhekk, ibqgħu għassa,+ għax ma tafux meta ġej sid id-dar, jekk hux tard fil-jum* jew f’nofsillejl* jew x’ħin jidden is-serduq* jew kmieni fil-għodu;*+ 36 sabiex meta jasal għal għarrieda, ma jsibkomx reqdin.+ 37 Imma dak li ngħid lilkom ngħidu lil kulħadd, Ibqgħu għassa.”+
14 Issa kien għad baqaʼ jumejn+ għall-Qbiż+ u għall-festa+ tal-ħobż bla ħmira. U l-qassisin ewlenin u l-iskribi kienu qed jipprovaw jaraw kif b’makakkerija jaqbduh taħt idejhom u joqtluh;+ 2 għax qalu kemm-il darba: “Mhux fil-festa; li ma tqumx xi rewwixta tal-poplu.”+
3 U waqt li kien Betanja għand Xmun l-imġiddem,+ x’ħin kien mal-mejda għall-ikla, ġiet mara b’vażett taʼ l-alabastru b’żejt ifuħ, nard pur, għali ħafna. Wara li fetħet il-vażett taʼ l-alabastru bdiet tferraʼ ż-żejt fuq rasu.+ 4 Għal dan, kien hemm xi wħud li għadbu ferm u bdew jgħidu bejniethom: “Għala dan il-ħela taʼ żejt ifuħ?+ 5 Għax dan iż-żejt ifuħ setaʼ nbiegħ iktar minn tliet mitt dinar* u ngħata lill-foqra!” U bdew igergru ħafna kontra tagħha.+ 6 Imma Ġesù qalilhom: “Ħalluha. Għala qed tipprovaw taqilgħulha l-inkwiet? Hi għamlet ħaġa tajba miegħi.+ 7 Għax il-foqra dejjem magħkom,+ u kulmeta tridu dejjem tistgħu tagħmlulhom il-ġid, imma jien mhux dejjem se nkun magħkom.+ 8 Hi għamlet dak li setgħet; ħadet ħsieb minn qabel biex tferraʼ żejt ifuħ fuq ġismi għad-difna.+ 9 Tassew ngħidilkom, Kulfejn tixxandar din l-aħbar tajba fid-dinja kollha,+ dak li għamlet din il-mara jissemma wkoll b’tifkira tagħha.”+
10 U Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-tnax, telaq għand il-qassisin ewlenin sabiex jittradih u jagħtihulhom f’idejhom.+ 11 Meta semgħu dan, huma ferħu u wegħduh li jagħtuh xi flus tal-fidda.+ Għalhekk, beda jfittex il-waqt konvenjenti biex jittradih.+
12 Issa, fl-ewwel jum* tal-festa tal-ħobż bla ħmira,+ meta skond id-drawwa kienu jissagrifikaw il-vittma tal-Qbiż, id-dixxipli tiegħu+ qalulu: “Fejn tridna mmorru u nħejjulek l-ikla tal-Qbiż?”+ 13 Għalhekk, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Idħlu l-belt, u jiltaqaʼ magħkom raġel iġorr ġarra tal-fuħħar bl-ilma.+ Morru warajh, 14 u, fejn jidħol, għidu lil sid id-dar, ‘Qallek l-Għalliem: “Fejn hi l-kamra tal-mistidnin fejn nistaʼ niekol l-ikla tal-Qbiż+ mad-dixxipli tiegħi?”’+ 15 U jurikom kamra taʼ fuq kbira, mgħammra bil-lest; u ħejju għalina hemmhekk.”+ 16 Għalhekk, id-dixxipli telqu u daħlu l-belt u sabu kollox bħalma kien qalilhom; u ħejjew għall-ikla tal-Qbiż.+
17 Fil-għaxija ġie mat-tnax.+ 18 U, waqt li kienu qegħdin mal-mejda jieklu, Ġesù qal: “Tassew ngħidilkom, Wieħed minnkom, li qed jiekol+ miegħi, se jittradini.”+ 19 Huma bdew jitnikktu u jgħidulu wieħed wieħed: “Mhux jien, hux?”+ 20 Qalilhom: “Hu wieħed mit-tnax, li qed ibill fl-istess skutella miegħi.+ 21 Veru, Bin il-bniedem jitlaq, bħalma hu miktub dwaru, imma gwaj għal dak ir-raġel li permezz tiegħu Bin il-bniedem jiġi tradut! Kien ikun aħjar għal dak ir-raġel kieku ma twilidx.”+
22 Huma u jieklu, ħa ħobża, qal talba, qasamha u tahielhom, u qal: “Ħudu, dan il-ħobż jirrappreżenta* ġismi.”+ 23 U ħa kies, radd ħajr u tahulhom, u lkoll xorbu minnu.+ 24 U qalilhom: “Dan jirrappreżenta d-‘demm tiegħi+ tal-patt,’+ li se jixxerred+ għal ħafna.+ 25 Tassew ngħidilkom, Żgur li ma nixrobx iżjed mill-prodott tad-dielja sa dak il-jum meta nixorbu ġdid fis-saltna t’Alla.”+ 26 Fl-aħħar, wara li kantaw għanjiet taʼ tifħir,+ ħarġu lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ.+
27 U Ġesù qalilhom: “Ilkoll se titfixklu, għax hu miktub, ‘Nidrob lir-ragħaj,+ u n-nagħaġ jitferrxu.’+ 28 Imma wara li niġi mqajjem immur qabilkom fil-Galilija.”+ 29 Imma Pietru qallu: “Anki jekk l-oħrajn kollha jitfixklu, jien żgur ma nitfixkilx.”+ 30 Għal dan, Ġesù qallu: “Tassew ngħidlek, Illum, iva, dan il-lejl, qabel ma s-serduq jidden darbtejn, int tiċħadni tliet darbiet.”+ 31 Imma hu beda jinsisti u jgħid: “Anki jekk ikolli mmut miegħek, żgur ma niċħdekx.” U l-oħrajn ukoll, kollha bdew jgħidu l-istess ħaġa.+
32 U ġew f’post li kien jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu bil-qiegħda hawnhekk sakemm nitlob.”+ 33 U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni,+ u beda jħossu mifni u inkwetat għall-aħħar.+ 34 U qalilhom: “Ruħi mnikkta ferm,+ għall-mewt. Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa.”+ 35 U mexa ftit ’il quddiem, inxteħet fl-art, u beda jitlob li, jekk jistaʼ jkun, is-siegħa titwarrab minnu.+ 36 U kompla jgħid: “Abba,* Missier,+ kollox hu possibbli għalik; warrab minni dan il-kies. Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.”+ 37 U ġie u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: “Xmun, mela rqadt? Ma flaħtx tibqaʼ għassa siegħa waħda?+ 38 Ibqgħu għassa u itolbu,+ sabiex ma tidħlux fit-tentazzjoni. Naturalment, l-ispirtu hu ħerqan imma l-laħam dgħajjef.”+ 39 U reġaʼ mar jitlob u qal l-istess kliem.+ 40 U reġaʼ ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu mtaqqlin, u għalhekk ma kinux jafu x’se jwiġbuh.+ 41 U ġie t-tielet darba u qalilhom: “F’mument bħal dan qed torqdu u tieħdu l-mistrieħ tagħkom! Biżżejjed! Is-siegħa waslet!+ Ara! Bin il-bniedem se jiġi tradut u jingħata f’idejn il-midinbin.+ 42 Qumu, ejja mmorru.+ Ara! It-traditur tiegħi qorob.”+
43 U minnufih, waqt li kien għadu qed jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-tnax, u miegħu folla, bis-sjuf u l-bsaten, mingħand il-qassisin ewlenin u l-iskribi u x-xjuħ.+ 44 Issa t-traditur tiegħu kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom: “Lil dak li nbus, ikun hu; arrestawh u ħuduh mgħasses sew.”+ 45 U ġie dritt fuqu u resaq lejh u qallu: “Rabbi!” u biesu+ b’tenerezza kbira. 46 Għalhekk, huma ħatfuh u arrestawh.+ 47 Madankollu, wieħed minn dawk li kienu hemmhekk silet is-sejf u darab lill-ilsir tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.+ 48 Imma Ġesù wieġeb u qalilhom: “Ħriġtu bis-sjuf u l-bsaten qisu kontra xi ħalliel biex tarrestawni?+ 49 Kuljum kont inkun magħkom fit-tempju ngħallem,+ iżda m’arrestajtunix. Imma dan qed isir sabiex titwettaq+ l-Iskrittura.”+
50 U d-dixxipli kollha abbandunawh+ u ħarbu.+ 51 Imma wieħed żagħżugħ li kien liebes libsa t’għażel fin fuq il-laħam beda miexi warajh mill-qrib; u pprovaw jaqbduh taħt idejhom,+ 52 imma hu ħalla l-libsa warajh u ħarab għarwien.
53 Imbagħad ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir; u l-qassisin ewlenin u x-xjuħ u l-iskribi nġabru kollha flimkien.+ 54 Imma Pietru mexa warajh mill-bogħod+ sal-bitħa tal-qassis il-kbir; u qagħad bil-qiegħda mal-qaddejja tad-dar għas-sħana quddiem nar qawwi. 55 Sadanittant, il-qassisin ewlenin u s-Sinedriju kollu kienu qed ifittxu xiehda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt,+ imma ma bdew isibu xejn.+ 56 Ħafna, tabilħaqq, kienu qed jixhdu falz kontrih,+ imma x-xiehda tagħhom ma kinitx taqbel.+ 57 Ukoll, bdew iqumu xi wħud jixhdu falz kontrih u jgħidu: 58 “Smajnieh jgħid, ‘Se nġarraf dan it-tempju li kien magħmul bl-idejn u fi tlett ijiem nibni ieħor mhux magħmul bl-idejn.’”+ 59 Imma lanqas f’dan ma kienet taqbel ix-xiehda tagħhom.
60 Fl-aħħar, il-qassis il-kbir qam f’nofshom u staqsa lil Ġesù: “Ma twieġeb xejn? X’qed jixhdu dawn kontrik?”+ 61 Iżda hu baqaʼ sieket u ma wieġeb xejn.+ Għal darb’oħra l-qassis il-kbir beda jistaqsih u jgħidlu: “Int il-Kristu Bin l-Imbierek?”+ 62 Imbagħad Ġesù qal: “Jien hu; u intom se taraw lil Bin il-bniedem+ bil-qiegħda fuq il-lemin+ tal-qawwa u ġej mas-sħab tas-sema.”+ 63 Għal dan, il-qassis il-kbir ċarrat ħwejġu+ u qal: “X’għandna bżonnhom iktar ix-xhieda?+ 64 Smajtuha d-dagħwa.+ X’jidhrilkom?” Huma lkoll ikkundannawh li ħaqqu l-mewt. 65 Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu+ u jgħattulu wiċċu kollu u jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: “Ipprofetizza!” U, wara li tawh bil-ħarta, il-qaddejja tal-qorti ħaduh.+
66 Issa, waqt li Pietru kien isfel fil-bitħa, ġiet waħda mill-qaddejja tal-qassis il-kbir,+ 67 u, x’ħin rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, ħarset fiss lejh u qaltlu: “Int ukoll kont man-Nazzarenu, dan Ġesù.”+ 68 Imma hu ċaħad u qal: “La nafu u lanqas naf x’int tgħid,” u ħareġ barra ħdejn il-kanċell.+ 69 Malli lemħitu, il-qaddejja reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemmhekk: “Dan wieħed minnhom.”+ 70 U reġaʼ ċaħad. Għal darb’oħra, wara ftit, dawk li kienu hemmhekk bdew jgħidu lil Pietru: “Żgur li int wieħed minnhom, għax, fil-fatt, int Galilew.”+ 71 Imma hu beda jisħet u jaħlef:+ “Ma nafux lil dan ir-raġel li qed issemmu.”+ 72 U minnufih is-serduq idden it-tieni darba;+ u Pietru ftakar f’dak li kien qallu Ġesù: “Qabel ma s-serduq jidden darbtejn, int tiċħadni tliet darbiet.”+ U nfaqaʼ jibki.+
15 U minnufih mas-sebħ il-qassisin ewlenin flimkien max-xjuħ u l-iskribi, saħansitra s-Sinedriju kollu, ikkonsultaw bejniethom,+ rabtu lil Ġesù, ħaduh, u tawh f’idejn Pilatu.+ 2 Għalhekk, Pilatu staqsieh: “Int is-sultan+ tal-Lhud?” Wieġeb u qallu: “Int stess qed tgħidu.”+ 3 Imma l-qassisin ewlenin bdew jakkużawh b’ħafna affarijiet.+ 4 Issa Pilatu reġaʼ beda jistaqsih u qallu: “Ma twieġeb xejn?+ Ara kemm qed iġibu akkużi kontrik.”+ 5 Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, tant li Pilatu beda jistagħġeb.+
6 Issa minn festa għal oħra kien jeħilsilhom priġunier, lil min kienu jridu huma.+ 7 F’dak iż-żmien kien hemm wieħed jgħidulu Barabba fil-ħabs max-xewwiexa li fir-rewwixta kienu qatlu.+ 8 Għalhekk, il-folla telgħet u bdiet titolbu jagħmel dak li kien jagħmlilha s-soltu. 9 Pilatu wieġeb u qalilhom: “Triduni neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?”+ 10 Għax intebaħ li kien minħabba l-għira+ li l-qassisin ewlenin kienu tawhulu f’idejh.+ 11 Imma l-qassisin ewlenin xewxu lill-folla biex, minflok, iġegħluh jeħilsilhom lil Barabba.+ 12 Pilatu reġaʼ wieġeb u qalilhom: “Allura, x’se nagħmel b’dak li tgħidulu s-sultan+ tal-Lhud?”+ 13 Għal darb’oħra għajtu: “Sammru maʼ zokk!”+ 14 Imma Pilatu qalilhom: “Għala, x’għamel ħażin?” Iżda iktar għajtu: “Sammru maʼ zokk!”+ 15 Imbagħad Pilatu, billi xtaq jissodisfa lill-folla,+ ħelsilhom lil Barabba, u, wara li fflaġella lil Ġesù, tahulhom biex isammruh maʼ zokk.+
16 Is-suldati issa ħaduh fil-bitħa, jiġifieri, fil-palazz tal-gvernatur; u sejħu lill-ġemgħa kollha tat-truppi,+ 17 u libbsuh mantar vjola u nisġu kuruna tax-xewk u poġġewhielu fuq rasu.+ 18 U bdew isellmulu: “Is-sliem għalik,+ Sultan tal-Lhud!” 19 Ukoll, tawh b’qasba fuq rasu u beżqulu u bdew jinżlu għarkopptejhom u jmilu quddiemu.+ 20 Fl-aħħar, wara li xebgħu jiżżuffjettaw bih, neżżgħulu l-mantar vjola u libbsuh ħwejġu. U ħaduh biex isammruh maʼ zokk.+ 21 Ukoll, ġiegħlu lil wieħed li kien għaddej minn hemmhekk, ċertu Xmun minn Ċirene, li kien ġej mill-kampanja, missier Alessandru u Rufu, jerfagħlu z-zokk tat-tortura.+
22 U ġabuh fil-post li jismu Golgota, isem li meta jiġi tradott ifisser Post il-Qorriegħa.+ 23 Hawnhekk ipprovaw jagħtuh inbid imħallat bid-droga tal-mirra,+ imma ma ħadux.+ 24 U sammruh maʼ zokk u qassmu ħwejġu+ billi tellgħuhom bix-xorti biex jaraw kull wieħed x’se jieħu.+ 25 Issa kienet it-tielet siegħa*+ meta sammruh maʼ zokk. 26 U l-iskrizzjoni bl-akkuża+ kontrih kienet miktuba fuq, “Is-Sultan tal-Lhud.”+ 27 Iktar minn hekk, miegħu tpoġġew fuq zokk żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug tiegħu.+ 28* —— 29 U dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh,+ ixenglu rashom u jgħidulu: “Bħu għalik! Int li kellek twaqqaʼ t-tempju u tibnih fi żmien tlett ijiem,+ 30 salva lilek innifsek u inżel minn fuq iz-zokk tat-tortura.”+ 31 Bl-istess mod ukoll il-qassisin ewlenin kienu qed jiżżuffjettaw bejniethom flimkien maʼ l-iskribi u jgħidu: “Salva lil oħrajn; lilu nnifsu ma jistax isalva!+ 32 Ħa jinżel issa minn fuq iz-zokk tat-tortura l-Kristu, is-Sultan taʼ Israel, biex aħna naraw u nemmnu.”+ Anki dawk li kienu tpoġġew bħalu fuq zokk kienu qed iżebilħuh.+
33 X’ħin saret is-sitt siegħa* waqgħet dalma fuq l-art kollha sad-disaʼ siegħa.*+ 34 U fid-disaʼ siegħa Ġesù għajjat b’leħen għoli: “Eli, Eli, lama sabaqtani?” kliem li meta jiġi tradott ifisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?”+ 35 U xi wħud minn dawk li kienu weqfin fil-qrib, meta semgħuh, bdew jgħidu: “Ara! Qed isejjaħ lil Elija.”*+ 36 Imma wieħed raġel mar jiġri, xarrab sponża bl-inbid qares, poġġieha fuq qasba, u beda jagħtih jixrob+ u jgħid: “Ħalluh! Ħa naraw jekk Elija jiġix iniżżlu.”+ 37 Imma Ġesù għajjat għajta kbira u miet.+ 38 U l-purtiera+ tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel.+ 39 Issa l-fizzjal taʼ l-armata, li kien wieqaf quddiemu, meta ra f’liema ċirkustanzi miet, qal: “Żgur li dan ir-raġel kien Bin Alla.”+
40 Kien hemm ukoll xi nisa qed iħarsu mill-bogħod,+ fosthom Marija l-Maddalena kif ukoll Marija omm Ġakbu ż-Żgħir u Ġosè, u Salomè,+ 41 li kienu jakkumpanjawh+ u jaqduh meta kien fil-Galilija, u ħafna nisa oħra li kienu telgħu miegħu Ġerusalemm.+
42 Issa, billi kien diġà tard wara nofsinhar, u peress li kien jum it-Tħejjija,* jiġifieri, il-ġurnata taʼ qabel is-Sabat, 43 ġie Ġużeppi minn Arimatija, membru rispettabbli tal-Kunsill, li wkoll kien qed jistenna s-saltna t’Alla.+ Hu għamel il-kuraġġ biex jidħol quddiem Pilatu u talbu l-ġisem+ taʼ Ġesù. 44 Imma Pilatu kien fid-dubju jekk kienx diġà mejjet, u sejjaħ lill-fizzjal taʼ l-armata u staqsieh jekk kienx diġà miet. 45 Għalhekk, wara li sar jaf fiċ-ċert mingħand il-fizzjal taʼ l-armata, ta l-ġisem lil Ġużeppi.+ 46 Għaldaqstant, dan xtara għażel fin u niżżel il-ġisem, keffnu fl-għażel fin u poġġieh+ f’qabar+ li kien imħaffer fil-blat; u gerbeb ġebla mal-bieb tal-qabar tat-tifkira.+ 47 Imma Marija l-Maddalena u Marija omm Ġosè baqgħu jħarsu lejn il-post fejn tpoġġa.+
16 Għalhekk, meta għadda s-Sabat,+ Marija l-Maddalena,+ u Marija omm Ġakbu, u Salomè xtraw il-fwejjaħ aromatiċi sabiex jiġu jidilkuh.+ 2 U kmieni fl-ewwel jum+ tal-ġimgħa, wara li kienet telgħet ix-xemx, ġew ħdejn il-qabar tat-tifkira.+ 3 U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla minn quddiem il-bieb tal-qabar?” 4 Imma meta ħarsu ’l fuq, raw li l-ġebla kienet ġiet imgerba, għalkemm kienet kbira ħafna.+ 5 Meta daħlu fil-qabar, raw żagħżugħ bil-qiegħda fuq il-lemin liebes libsa bajda, u nħasdu.+ 6 Qalilhom: “Tibqgħux maħsudin. Intom qed tfittxu lil Ġesù n-Nazzarenu li sammruh maʼ zokk.+ Ġie mqajjem,+ mhux qiegħed hawnhekk. Ara! Il-post fejn poġġewh.+ 7 Imma morru, għidu lid-dixxipli tiegħu u lil Pietru, ‘Hu sejjer qabilkom fil-Galilija;+ tarawh hemmhekk, bħalma qalilkom.’”+ 8 U ħarġu maħrubin mill-qabar tat-tifkira, għax kienu maħkumin minn rogħda u emozzjoni qawwija. U ma qalu xejn lil ħadd, għax kienu mbeżżgħin.+
KONKLUŻJONI QASIRA
Xi manuskritti u verżjonijiet reċenti fihom konklużjoni qasira wara Marku 16:8, kif ġej:
Imma huma rrakkontaw fil-qosor lil dawk taʼ madwar Pietru kulma ġew kmandati. Ukoll, wara dan, Ġesù nnifsu bagħat permezz tagħhom mil-lvant sal-punent il-proklamazzjoni qaddisa li ma titħassarx tas-salvazzjoni taʼ dejjem.
KONKLUŻJONI TWILA
Ċerti manuskritti (Manuskritt Alessandrin, Manuskritt Efraemi, Manuskritt Bezae) u verżjonijiet (Vulgata Latina, Sirjaka Kuretonjana, Pexitta Sirjaka) antiki jżidu l-konklużjoni twila li ġejja, imma din titħalla barra mill-Manuskritt Sinajtiku, il-Manuskritt tal-Vatikan, il-manuskritt Sirjaku Sinajtiku, u l-Verżjoni Armenjana:
9 Wara li qam mill-imwiet kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa deher l-ewwel lil Marija l-Maddalena, li minnha kien keċċa sebaʼ demonji. 10 Hi marret u rrakkontat lil dawk li kienu jkunu miegħu, għax kienu qed jitnikktu u jibku. 11 Imma huma m’emmnux meta semgħu li kien reġaʼ ħa l-ħajja u li kienet ratu. 12 Iktar minn hekk, wara dan, deher b’sura oħra lil tnejn minnhom li kienu mexjin fi triqithom lejn il-kampanja; 13 u ġew lura u qalu lill-bqija. Iżda lanqas lil dawn m’emmnu. 14 Imma iktar tard deher lill-ħdax waqt li kienu mal-mejda, u ċanfarhom għan-nuqqas taʼ fidi tagħhom u għall-ebusija taʼ qalbhom, għax ma kinux emmnuhom lil dawk li issa kienu rawh imqajjem mill-imwiet. 15 U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw l-aħbar tajba lill-ħolqien kollu. 16 Min jemmen u jitgħammed jiġi salvat, imma min ma jemminx jiġi kundannat. 17 Ukoll, se jkun hemm dawn is-sinjali maʼ dawk li jemmnu: F’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu bl-ilsna, 18 jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi ħaġa li ġġib il-mewt żgur ma tweġġagħhomx. Iqiegħdu idejhom fuq il-morda, u dawn ifiqu.”
19 Għalhekk, mela, wara li kellimhom, il-Mulej Ġesù ttieħed ’il fuq fis-sema u qagħad bil-qiegħda fuq il-lemin t’Alla. 20 Għaldaqstant huma ħarġu jippridkaw kullimkien, waqt li l-Mulej ħadem magħhom u appoġġa l-messaġġ permezz tas-sinjali li kienu jsiru.
Ara Nu 34:11, in-nota taʼ taħt.
Is-Sabat kien minn inżul ix-xemx tal-Ġimgħa sa nżul ix-xemx tas-Sibt. Ara Eżo 16:23, in-nota taʼ taħt.
Ara Mt 2:4, in-nota taʼ taħt.
Jiġifieri, “iż-Żeluż.”
Jew, “l-għaxart ibliet.”
Ara Lq 3:1, in-nota taʼ taħt.
Ara Mt 18:24, in-nota taʼ taħt.
Ara Mk 13:35, in-nota taʼ taħt, “Kmieni fil-għodu.”
Ara Mt 17:21, in-nota taʼ taħt.
Jew, “l-għaxart ibliet.”
Jiġifieri, “Għalliem.”
Ara Appendiċi 2.
Ara Mt 17:21, in-nota taʼ taħt. F’vers 46 ukoll.
Jiġifieri, “Għalliem.”
Ara Mt 17:21, in-nota taʼ taħt.
Ara Mt 18:24, in-nota taʼ taħt.
Milli jidher, dawn il-kaxxi tal-kontribuzzjonijiet kienu jvarjaw fl-għamla. Xi wħud minnhom kienu qishom trumbetti, b’fetħiet żgħar fin-naħa taʼ fuq.
“Tard fil-jum.” L-ewwel għassa skond kif kienu jaqsmu l-lejl il-Griegi u r-Rumani, minn inżul ix-xemx sa madwar id-9 p.m.
“Nofsillejl.” It-tieni għassa skond kif kienu jaqsmu l-lejl il-Griegi u r-Rumani, minn madwar id-9 p.m. sa nofsillejl.
“X’ħin jidden is-serduq.” It-tielet għassa skond kif kienu jaqsmu l-lejl il-Griegi u r-Rumani, minn nofsillejl sa madwar it-3 a.m.
“Kmieni fil-għodu.” Ir-rabaʼ għassa skond kif kienu jaqsmu l-lejl il-Griegi u r-Rumani, minn madwar it-3 a.m. sa tlugħ ix-xemx.
Ara Mt 18:24, in-nota taʼ taħt.
Ara Mt 26:17, in-nota taʼ taħt.
Ara Mt 26:26, in-nota taʼ taħt.
Kelma bl-Aramajk li tfisser “il-missier,” jew, “O Missier.” Din il-kelma tintuża mit-tfal biex jindirizzaw lil missirijiethom b’mod intimu imma b’rispett.
Madwar id-9 a.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-xemx.
Ara Mt 17:21, in-nota taʼ taħt.
Madwar nofsinhar, tibda tgħodd minn tlugħ ix-xemx.
Madwar it-3 p.m., tibda tgħodd minn tlugħ ix-xemx.
Ifisser “Alla Tiegħi Hu Ġeħova.”
Ara Mt 27:62, in-nota taʼ taħt.