Minn Kmandant Militari għal ‘Suldat taʼ Kristu’
kif rakkontata minn Mark Lewis
“L-għodwa t-tajba, Maestà.” “Wara nofsinhar it-tajjeb, Eċċellenza.” “Il-lejla t-tajba Prim Ministru.” Dawn huma xi modi kif kont insellem bħala pilota u Fizzjal Kmandant taʼ l-iskwadra VIP tal-Forza taʼ l-Ajru Rjali taʼ l-Awstralja. Kont inkarigat biex inwassal Kapijiet taʼ l-Istat u dinjitarji tal-gvern maʼ l-Awstralja kollha u madwar id-dinja. Madankollu, issa qed nagħmel xi ħaġa bil-wisq iktar premjanti. Ħalli nispjega.
TWILIDT fl-1951 f’Perth, fl-Awstralja tal-Punent. Missieri kien fil-militar. Fl-età taʼ 15-il sena, isseħibt maʼ klabb tat-titjir bi glajder. Minn dakinhar bdiet il-ħajra li nsuq l-ajruplani, xi ħaġa li tant nieħu gost nagħmel.
Ftit wara, il-ġenituri tiegħi sseparaw, u l-familja tagħna sfaxxat fix-xejn. Il-fizzjal kmandant taʼ l-iskwadra taʼ l-ajruplani tal-ġlied tal-Forza taʼ l-Ajru u l-familja tiegħu b’qalb tajba stidnuni biex immur noqgħod għandhom sakemm nispiċċa l-iskola sekondarja. L-influwenza tiegħu qanqlitni biex insir uffiċjal kadett fl-Akkademja tal-Forza taʼ l-Ajru Rjali taʼ l-Awstralja.
Iggradwajt u Sirt Pilota
Madwar sitt snin wara, iggradwajt bħala uffiċjal tal-Forza taʼ l-Ajru b’lawrja fix-xjenza u ngħatajt midalja taʼ pilota. L-ewwel xogħol tiegħi kien jinvolvi li nsuq ajruplani li kienet tuża l-Forza taʼ l-Ajru biex tittrasporta tagħmir, provvisti, u nies madwar l-Awstralja, il-Paċifiku tan-Nofsinhar, u l-Asja tax-Xlokk. Spiss konna ntiru qalb muntanji għoljin u f’widien fil-fond fejn konna ninżlu fuq runways miksijin bil-ħaxix. Kien xogħol perikoluż. L-iskwadra tagħna tilfet diversi ajruplani u xi nies kapaċi matul dawk is-snin. Madankollu, il-missjonijiet tagħna għenu lil uħud li kienu jgħixu f’reġjuni iżolati. Ittrasportajna materjal għall-bini taʼ pontijiet, buldowżers żgħar biex ikunu jistgħu jinbnew it-toroq, provvisti taʼ l-ikel waqt emerġenzi, u gruppi fil-qasam mediku. Ittrasportajna wkoll nies morda u mweġġgħin f’sitwazzjonijiet t’emerġenza.
Fl-1978, ikkwalifikajt biex ngħallem studenti jsuqu l-ajruplan u rġajt mort l-Akkademja tal-Forza taʼ l-Ajru sabiex ningħaqad maʼ l-istaff taʼ l-għalliema. Hawnhekk erġajt iltqajt maʼ Diane, armla żagħżugħa li kellha tifla taʼ tliet snin. Ir-raġel taʼ Diane kien fl-istess klassi miegħi fl-Akkademja imma iktar tard miet f’aċċident taʼ l-ajru. Meta tlabtha tiżżewwiġni, hi qaltli li riedet taħsibha ftit l-ewwel. Ma kinitx ċerta jekk riditx terġaʼ tiżżewweġ pilota.
Sadanittant, aċċettajt l-inkarigu għal sena bħala assistent (Aide-de-Camp) għall-Ġeneral-Gvernatur taʼ l-Awstralja. Il-ħajja fir-residenza tal-Ġeneral-Gvernatur, f’Canberra, għenitni nifhem xi tfisser il-ħajja politika u kif din kienet tinvolvi sħubija mill-qrib maʼ l-awtoritajiet ċivili, militari, u reliġjużi. Meta l-inkarigu li kelli spiċċa, erġajt bdejt ngħallem studenti jsuqu l-ajruplan. Jien u Diane żżewwiġna ftit wara, fl-1980.
Fl-1982, aċċettajt li mmur nistudja għal sentejn mal-Forza taʼ l-Ajru taʼ l-Istati Uniti bħala uffiċjal li jieħu ħsieb is-sigurtà tal-kumpanija taʼ l-ajruplani u bħala investigatur taʼ l-aċċidenti taʼ l-ajruplani. Dan sar fuq arranġament li student mill-Istati Uniti jintbagħat jistudja l-Awstralja. Dan ix-xogħol irrikjeda li nivvjaġġa madwar l-Istati Uniti u saħansitra sa l-Irlanda taʼ Fuq. Kelli ninvestiga aċċidenti taʼ l-ajruplani u nevalwa l-mod kif inhu disinjat ajruplan u l-operazzjonijiet tat-titjiriet bl-iskop li titjieb is-sigurtà.
Lura l-Awstralja
Wara li mort lura l-Awstralja, il-familja tagħna żdiedet għal erbgħa meta twieldet it-tifla tagħna Kerry. Minħabba li kelli ħafna xogħol, Diane kellha tagħmilha kemm t’omm u kemm taʼ missier għat-tfal tagħna, u l-ħajja tal-familja batiet. Tliet snin wara, irċivejt l-ewwel ħatra tiegħi bħala kmandant—fl-iskwadra VIP tal-Forza taʼ l-Ajru li semmejt qabel. Meta faqqgħet il-Gwerra tal-Golf Persjan fl-1991, l-iskwadra tiegħi appoġġat l-operazzjoni tal-ĠM u mbagħad oħrajn fil-Pakistan, fl-Afganistan, fl-Afrika, u f’Iżrael.
Fl-1992, ilħaqt uffiċjal militari li jassisti l-Kap tal-Forza tad-Difiża. Minħabba li kont l-assistent persunali taʼ l-iktar kmandant militari b’pożizzjoni għolja fl-Awstralja sirt naf iktar mill-qrib ir-relazzjoni li hemm bejn il-militar, il-politika, u l-ĠM. Wasalt għall-konklużjoni li l-ĠM kienet difettuża f’ħafna modi. Madankollu, kien jidher li kienet l-unika tama għal dinja aħjar. Imbagħad ċerti affarijiet li seħħew fil-familja tiegħi ġegħluni nerġaʼ nevalwa l-opinjoni tiegħi.
Il-Mistoqsijiet taʼ Diane Jitwieġbu
Wara li miet l-ewwel raġel tagħha, Diane, li kienet Kattolika Rumana, fittxet it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħha, imma kien kollu għal xejn. Iżda l-affarijiet komplew jiggravaw meta t-tifla l-kbira tagħna Renee bdiet tinteressa ruħha fl-okkult. Waqt li kienet għand ħabiba tagħha, Diane nnotat ħarġa taʼ l-Awake! li kienet qed tħabbar li kien se joħroġ artiklu fuq is-Sataniżmu.a Qatt ma kienet rat l-Awake! qabel. Waqt li kienet sejra lura d-dar hi bdiet taħseb, ‘Kif se nikseb din il-ħarġa?’
Tlett ijiem wara ġew għandna x-Xhieda taʼ Ġeħova u Diane kisbet ir-rivista li xtaqet. Iktar tard, hi aċċettat studju tal-Bibbja u mbagħad bdiet tattendi l-laqgħat Kristjani. Kont ferħan għaliha li bdiet tistudja u saħansitra attendejt xi laqgħat magħha, imma ma kontx inħoss il-bżonn li ninvolvi ruħi. Ma kontx inqis lili nnifsi bħala bniedem reliġjuż. Kont nemmen b’Alla imma rajt wisq ipokrisija biex nieħu r-reliġjon bis-serjetà. Per eżempju, ma stajtx nifhem għala l-kappillani tal-militar kienu jippridkaw l-imħabba u l-paċi imma fl-istess ħin jappoġġaw il-gwerra.
Diane kienet tħalli xi kopji tat-Torri taʼ l-Għassa u l-Awake! jiġru mad-dar apposta biex jien naqrahom. Kont naqra xi wħud minnhom imbagħad kont noqgħod attent li nerġaʼ npoġġihom eżatt fil-post fejn kienu. Ma kontx irridha taħseb li forsi bdejt ninteressa xi ftit ruħi. Hekk kif l-għarfien tiegħi dwar il-Bibbja kiber, kien hemm żewġ skritturi li kienu jġegħluni nitħasseb. Waħda minnhom kienet Rivelazzjoni 19:17, 18, li titkellem dwar għasafar li kienu se jieklu l-laħam tal-“kmandanti militari.” L-oħra kienet Rivelazzjoni 17:3, li ssemmi “bhima salvaġġa lewn l-iskarlat.” Ix-Xhieda jqisu lil din il-bhima bħala s-simbolu tal-ĠM, idea li kienet l-oppost taʼ dak li kont naħseb jien dwar din l-organizzazzjoni internazzjonali.b Imma pprovajt ninjora l-mistoqsijiet tiegħi.
Fl-1993, Diane stidnitni nattendi għall-magħmudija tagħha. It-talba tagħha ma stennejthiex. Jien staqsejtha: “Li kieku kellek tagħżel, lil min kont tagħżel lil Ġeħova jew lili?” Hi qaltli: “Lil Ġeħova. Imma m’għandix għalfejn nagħżel. Jien lit-tnejn li intom irridkom f’ħajti.” Dak il-ħin irrealizzajt li kelli nitgħallem iktar dwar din il-persuna l-oħra f’ħajjitha. Anzjan Kristjan mill-kongregazzjoni lokali offra li jistudja l-Bibbja miegħi, u jien aċċettajt.
Bdejt ninteressa ħafna ruħi fil-profeziji tal-Bibbja, speċjalment meta kienu relatati maʼ l-istorja militari u politika. Per eżempju, matul it-taħriġ tiegħi fil-Forza taʼ l-Ajru, kont studjajt il-kisbiet militari tal-Griegi tal-qedem. Issa kont qed nitgħallem li ħafna minn dik l-istorja kienet imniżżla bil-quddiem sekli qabel f’Danjel kapitlu 8. Din il-profezija, u oħrajn, bil-mod il-mod ikkonvinċewni li l-Bibbja hija ispirata minn Alla.
Imbagħad eżaminajt mill-ġdid l-opinjoni li kelli dwar il-ĠM. Kont naf li l-militar ma setax isolvi l-problemi taʼ l-umanità, li l-paċi vera ma setgħetx tiġi mit-theddida tal-gwerra, u li l-ĠM ma setgħetx issolvi il-firdiet politiċi, reliġjużi, u etniċi li jikkaġunaw il-gwerer. Bdejt nara li Alla biss setaʼ jsolvi l-problemi taʼ l-umanità. Tabilħaqq, kien jidher li diġà qed jagħmel dan fost il-fratellanza globali tax-Xhieda taʼ Ġeħova. (Salm 133:1; Isaija 2:2-4) Kont nistaqsi lili nnifsi: ‘Imma nistaʼ jien nitlaq il-karriera militari tiegħi biex naqdi lil Alla?’
Il-Waqfa Tiegħi għall-Verità tal-Bibbja
Fl-1994 meta attendejt konvenzjoni distrettwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Sydney rajt li kien wasal iż-żmien biex nieħu deċiżjoni. Il-programm inkluda drama Biblika li ġibdet l-attenzjoni lejn l-għażla li kellu l-ġens qadim taʼ Iżrael jekk jaqdix lil Ġeħova jew lil Bagħal, alla tal-Kangħanin. Elija, il-profeta taʼ Ġeħova, poġġa din l-isfida quddiem l-Iżraelin: “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra? Jekk il-Mulej hu Alla, morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk inhu hu.” (1 Slaten 18:21) Dan il-kliem effettwani bil-kbir. Bħall-Iżraelin, jien kont għadni ma ħadtx deċiżjoni. Kelli bżonn nagħżel: Kont jien se naqdi lil Ġeħova jew kont se nkompli l-karriera militari tiegħi?
Hekk kif kont qed insuq lura lejn id-dar dakinhar fil-għaxija, għedt lil Diane li kont se nitlaq mill-Forza taʼ l-Ajru u se nsir wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Hi baqgħet mistagħġba li ħadt deċiżjoni f’daqqa waħda imma verament appoġġatni. Ftit tal-jiem wara d-deċiżjoni tiegħi kienet għadha ma nbidlitx, u għalhekk tfajt ir-riżenja tiegħi.
Dak iż-żmien, kont il-Fizzjal Kmandant tal-Korp taʼ l-Uffiċjali Kadetti fl-Akkademja tal-Forza tad-Difiża taʼ l-Awstralja f’Canberra, il-belt kapitali tal-pajjiż. Kont nieħu ħsieb it-taħriġ militari u akkademiku taʼ xi 1,300 uffiċjal kadett taʼ l-Armata, tal-Flotta, u tal-Forza taʼ l-Ajru u l-istaff. Fl-aħħar ġurnata tas-sena akkademika, jien għedt lill-ġemgħa taʼ 400 kadett li kienu waslu biex jiggradwaw u lill-istaff, li kont se nitlaq mill-militar sabiex inkun nistaʼ mmur minn dar għal dar ngħallem lin-nies il-Bibbja bħala ministru Kristjan volontier. Din l-aħbar wasslet għal diversi diskussjonijiet interessanti.
Insir Ministru Full-Time
L-għada li bdiet tgħodd ir-riżenja tiegħi bdejt ix-xogħol taʼ l-ippridkar. Tliet xhur wara, f’April taʼ l-1995, tgħammidt. Imbagħad, maʼ l-ewwel opportunità, bdejt naqdi bħala pijunier regulari, u dan kien ifisser li nqattaʼ l-ħin kollu tiegħi fil-ministeru pubbliku.
Il-bidla minn kmandant militari għal ‘suldat taʼ Kristu’ kienet tirrikjedi ħafna aġġustamenti. (2 Timotju 2:3) Wieħed mill-ewwel inkarigi tiegħi kien li nieħu ħsieb il-mikrofoni waqt il-laqgħat. Minflok ma nagħti l-ordnijiet, ridt nitgħallem nistaqsi biex issir xi ħaġa. Il-konsiderazzjoni u l-imħabba saru iktar importanti mill-effiċjenza, għalkemm xorta għadha diffiċli biex nibbilanċja dawn il-kwalitajiet. U minħabba li naqas id-dħul finanzjarju, il-familja tagħna kellha tissimplifika l-ħajja.
Verament kont nieħu pjaċir fix-xogħol taʼ l-ippridkar u hekk għadni nħossni sa llum. Darba minnhom waqt li kont qed nippriedka mat-tifla tagħna Kerry, li dak iż-żmien kellha disaʼ snin, tlabtha tinnota r-reazzjonijiet taʼ l-inkwilini. Malajr innotajna li ħafna nies ma kinux interessati imma li xi wħud minnhom kienu dħulin u saħansitra interessati. Kien inkuraġġanti għat-tnejn li aħna. It-tifla l-oħra tagħna studjat il-Bibbja għal xi żmien imma għażlet li ma taqdix lil Ġeħova għalissa.
Jien u Diane inkuraġġejna lil Kerry biex tirsisti għall-ministeru full-time. Reċentement, kelli l-pjaċir li nattendi l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier magħha. Kienet l-ewwel darba għaliha u t-tieni darba għalija. Kemm hi xi ħaġa taʼ ferħ li nara lilha u ’l żgħażagħ oħrajn jimxu ’l quddiem spiritwalment u jirsistu fil-ministeru Kristjan!—Salm 110:3, Saydon.
Abbundanza taʼ Barkiet
Meta nħares lura, nara similaritajiet u kuntrasti bejn li taqdi fil-militar u li tkun suldat taʼ Kristu. Iż-żewġ irwoli jirrikjedu lealtà, ubbidjenza, integrità, dixxiplina fuqna nfusna, u sagrifiċċju persunali. Imma filwaqt li fil-militar ħafna għandhom mnejn ikunu lesti li jmutu għal pajjiżhom u għal ħbiebhom, il-Kristjani veri hu mistenni minnhom li jħobbu lill-għedewwa tagħhom. (Mattew 5:43-48) U filwaqt li l-eroj militari jistgħu jirċievu xi midalja għal att wieħed taʼ kuraġġ, il-Kristjani veri jaqilgħu l-approvazzjoni t’Alla billi jistabru fis-servizz leali tagħhom—li għandu mnejn ifisser li juru kuraġġ waqt oppożizzjoni, twaqqigħ għaċ-ċajt, u sfidi oħrajn sena wara l-oħra. (Ebrej 10:36-39) Sħabi l-Kristjani huma l-aħjar nies li naf.
B’kuntrast mat-tislim li semmejt fil-bidu taʼ l-istorja tiegħi, il-mod kif insellem illum huwa “L-Għodwa t-Tajba Oħti,” “Il-Lejla t-Tajba Ħija.” Kemm huwa taʼ ferħ li taqdi fil-ministeru Kristjan maʼ nies li jħobbu verament lil Alla! Imma l-akbar unur hu li naqdi lill-Iktar Għoli Ġeħova nnifsu! Ma nistax naħseb f’mod iktar premjanti kif inqattaʼ ħajti!
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikat fil-ħarġa tat-22 t’Ottubru, 1989, paġni 2-10.
b Ara paġni 240-3 tal-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand! pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kumment f’paġna 14]
Filwaqt li ħafna fil-militar għandhom mnejn ikunu lesti li jmutu għal pajjiżhom u ħbiebhom, huwa meħtieġ mill-Kristjani veri li jħobbu saħansitra lill-għedewwa tagħhom
[Stampa f’paġna 12, 13]
Insuq ajruplan tal-Forza taʼ l-Ajru VIP fuq il-Bini tal-Parlament, f’Canberra
[Stampa f’paġna 15]
Id-drama Biblika, fil-konvenzjoni distrettwali taʼ l-1994 f’Sydney, l-Awstralja
[Stampa f’paġna 15]
Maʼ Kerry fl-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier
[Stampa f’paġna 15]
Maʼ Diane u Kerry illum