LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bi12 Lamentazzjonijiet 1-5:22
  • Lamentazzjonijiet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Lamentazzjonijiet
  • Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
Lamentazzjonijiet

Lamentazzjonijiet*

א [Alef]*

1 O kif spiċċat waħedha,+ il-​belt li kienet mimlija bin-​nies!+

Kif saret bħal armla,+ dik li kienet iffollata fost il-​ġnus!+

Kif spiċċat tagħmel xogħol forzat, dik li kienet prinċipessa fost il-​provinċji!+

ב [Bet]

 2 Bil-lejl tibki fuq li tibki,+ u d-​dmugħ tagħha jinżel maʼ ħaddejha.+

M’għandha ’l ħadd biex ifarraġha minn fost dawk kollha li kienu jħobbuha.+

Sħabha kollha ttradewha.+ Saru għedewwa tagħha.+

ג [Gimel]

 3 Dar Ġuda marret fl-​eżilju minħabba s-​sofferenza+ u minħabba l-​jasar kbir.+

Kellha tgħammar fost il-​ġnus.+ Ma sabet ebda post taʼ mistrieħ.

Dawk kollha li kienu qed jippersegwitawha qabduha meta kienet f’ċirkustanzi taʼ niket.+

ד [Dalet]

 4 It-toroq taʼ Sijon huma mnikktin, għax ħadd m’hu ġej għall-​festa.+

Bwiebha kollha mħarbtin;+ il-​qassisin tagħha qed jitniehdu.+

Il-​verġni tagħha maħkumin mid-​dwejjaq, u hi mimlija mrar.+

ה [Ħe]

 5 L-avversarji tagħha huma minn fuq.+ L-​għedewwa tagħha ma jimpurtahomx.+

Għax Ġeħova nnifsu ġab l-​għali fuqha talli kisret il-​liġi kemm-il darba;+

U wliedha mxew imjassrin quddiem l-​avversarju.+

ו [Waw]

 6 U bint Sijon tilfet ġmielha kollu.+

Il-​prinċpijiet tagħha saru bħal ċriev li ma sabux fejn jirgħu;+

U jimxu bla saħħa quddiem dak li jrid jaqbadhom.+

ז [Żajin]

 7 Ġerusalemm ftakret, matul jiem is-​sofferenza tagħha u meta niesha ma kellhomx fejn joqogħdu,

Fl-​affarijiet sbieħ kollha li kellha sa minn żmien il-​qedem.+

Meta niesha waqgħu f’idejn l-​avversarju u ma kien hemm ħadd biex jgħinha,+

L-​avversarji rawha. Mal-​waqgħa tagħha qagħdu jidħqu biha.+

ח [Ħet]

 8 Ġerusalemm dinbet bl-​ikrah.+ Għalhekk saret xi ħaġa mistmerra.+

Dawk kollha li kienu jonorawha issa jiddisprezzawha,+ għax raw l-​għera tagħha.+

Hi titniehed+ u ddur ’l hemm.

ט [Tet]

 9 Fi djulha hemm nuqqas taʼ ndafa.+ Ma ftakritx fil-​ġejjieni tagħha,+

U għaġġbet lil kulħadd bil-​waqgħa tagħha. M’għandha ’l ħadd biex ifarraġha.+

O Ġeħova, ara s-​sofferenza tiegħi,+ għax l-​għadu tiegħi qed jitkabbar ħafna.+

י [Jod]

10 L-avversarju medd idu fuq l-​affarijiet sbieħ kollha li għandha.+

Għax hi rat ġnus deħlin fis-​santwarju tagħha,+

Li int ikkmandajthom biex ma jidħlux fil-​kongregazzjoni tiegħek.

כ [Kaf]

11 Niesha kollha jitniehdu; qed ifittxu l-​ħobż.+

Partu l-​affarijiet sbieħ tagħhom maʼ xi ħaġa x’jieklu, sabiex jieħdu r-​ruħ.+

Ara, O Ġeħova, u ħares, għax jien sirt qisni mara bla preġju.+

ל [Lamed]

12 M’hu xejn dan għalikom, intom ilkoll li għaddejjin mit-​triq? Ħarsu u araw.+

Hemm xi wġigħ bħall-​uġigħ tiegħi li ġejt kastigata bih,+

Li Ġeħova nikkitna bih f’jum ir-​rabja taħraq tiegħu?+

מ [Mem]

13 Mill-għoli bagħat nar f’għadmi,+ u ħakmu kollu.

Firex xibka għal saqajja.+ Dawwarni lura.

Għamilni mara abbandunata. Il-​jum kollu marida.+

נ [Nun]

14 Hu qagħad għassa għan-​nuqqasijiet tiegħi.+ F’idu jinbarmu f’xulxin.

Għonqi taqqluhuli.+ Il-​qawwa tiegħi ħallietni.

Ġeħova tani f’idejn dawk li ma nistax inqum kontrihom.+

ס [Samek]

15 Lis-setgħanin kollha tiegħi Ġeħova warrabhom minn ġo nofsi.+

Ħejja laqgħa kontrija, sabiex ifarrak lill-​irġiel żgħażagħ tiegħi.+

Ġeħova għaffeġ il-​magħsar taʼ l-​inbid+ taʼ bint Ġuda, il-​verġni.+

ע [Għajn]

16 Għalhekk qed nibki.+ Minn għajnejja, minn għajnejja nieżel ħafna dmugħ.+

Għax tbiegħed minni min ifarraġni, min jgħinni nieħu r-​ruħ.

Uliedi ġew abbandunati,+ għax l-​għadu tkabbar ħafna.+

פ [Pe]

17 Sijon ħarġet idejha.+ M’għandha ’l ħadd biex ifarraġha.+

Ġeħova ta kmand lil dawk kollha madwar Ġakobb biex ikunu l-​avversarji tiegħu.+

Ġerusalemm saret ħaġa mistmerra fosthom.+

צ [Sade]

18 Ġeħova hu ġust,+ għax jien irribellajt kontra fommu.+

Isimgħu, issa, intom popli kollha, u araw l-​uġigħ tiegħi.

Ix-​xebbiet u l-​ġuvintur tiegħi marru fil-​jasar.+

ק [Kof]

19 Sejjaħt lil dawk li ħabbewni bil-​kbir.+ Daħqu bija.

Il-​qassisin u x-​xjuħ tiegħi ntemmew fil-​belt,+

Waqt li kienu qed ifittxu xi ħaġa x’jieklu għalihom infushom sabiex jieħdu r-​ruħ.+

ר [Rex]

20 Ħares, O Ġeħova, għax jien ninsab f’sitwazzjoni mwiegħra. Il-​ġewwieni* tiegħi qed ibaqbaq.+

Qalbi muġugħa ġo fija,+ għax kont ribelluża ferm.+

Fuq barra, is-​sejf ċaħħadni mit-​tfal.+ U ġewwa d-​dar hemm il-​mewt ukoll.+

ש [Xin]

21 In-nies semgħu li qed nitniehed.+ M’hemmx min ifarraġni.+

L-​għedewwa kollha tiegħi semgħu bil-​gwaj tiegħi.+ Tgħidx kemm ferħu b’dan, għax int stess ġibtu fuqi.+

Int se ġġib il-​jum li ħabbart,+ sabiex huma wkoll isiru bħali.+

ת [Taw]

22 Ħa jkun il-​ħażen kollu tagħhom quddiemek, u kkastigahom,+

Bħalma kkastigajt lili minħabba n-​nuqqasijiet kollha tiegħi.+

Għax it-​tnehid tiegħi hu kotran,+ u qalbi marida.+

א [Alef]

2 O kif Ġeħova għatta lil bint Sijon bis-​sħab fir-​rabja tiegħu!+

Is-​sbuħija taʼ Israel+ mis-​sema waddabha fl-​art.+

U ma ftakarx fil-​banketta għal saqajh+ f’jum ir-​rabja tiegħu.

ב [Bet]

 2 Ġeħova belaʼ l-​postijiet fejn jgħammar+ Ġakobb; maʼ l-​ebda wieħed minnhom ma wera mogħdrija.

Fir-​rabja qalila tiegħu ġarraf il-​postijiet fortifikati+ taʼ bint Ġuda.

Tefagħhom maʼ l-​art,+ kasbar is-​saltna+ u l-​prinċpijiet tagħha.+

ג [Gimel]

 3 Fis-saħna tar-​rabja tiegħu qaċċat kull qarn* taʼ Israel.+

Reġġaʼ lura idu l-​leminija minn quddiem l-​għadu;+

U f’Ġakobb hu jibqaʼ jaqbad bħal nar iħeġġeġ li jiblaʼ kulma hemm madwaru.+

ד [Dalet]

 4 Ħejja l-​qaws tiegħu bħalma jagħmel l-​għadu.+ Idu l-​leminija+ tinsab lesta f’postha

Bħalma jagħmel l-​avversarju,+ u baqaʼ joqtol lil dawk kollha li kienu jpaxxu l-​għajnejn.+

Għal ġot-​tinda+ taʼ bint Sijon sawwab il-​korla tiegħu, bħan-​nar.+

ה [Ħe]

 5 Ġeħova sar bħal għadu.+ Belaʼ lil Israel.+

Belaʼ t-​torrijiet mgħammrin kollha tagħha;+ il-​postijiet fortifikati tiegħu għamilhom ħerba.+

U f’bint Ġuda kattar in-​niket u t-​tinwiħ.+

ו [Waw]

 6 U lill-​għarix+ tiegħu ttrattah ħażin bħal għarix fi ġnien.+ Qeridlu l-​festa tiegħu.

Ġeħova nessa f’Sijon il-​festa+ u s-​Sabat,*

U fil-​qilla t’għadbu ma wera ebda rispett lejn is-​sultan u l-​qassis.+

ז [Żajin]

 7 Ġeħova warrab l-​artal tiegħu.+ Stmerr is-​santwarju tiegħu.+

Ċeda l-​ħitan tat-​torrijiet mgħammrin tagħha f’idejn l-​għadu.+

Huma semmgħu leħinhom fid-​dar taʼ Ġeħova, bħal f’jum taʼ festa.+

ח [Ħet]

 8 Ġeħova ħaseb li jħarbat is-​sur+ taʼ bint Sijon.

Firex il-​ħabel tal-​kejl.+ Ma żammx idu lura milli jeqred.+

U tefaʼ n-​niket fuq is-​sur u l-​ħajt.+ Iddgħajfu t-​tnejn li huma.

ט [Tet]

 9 Il-bibien+ tagħha ntradmu fl-​art. Qered u farrak l-​istaneg tagħha.

Is-​sultan u l-​prinċpijiet tagħha jinsabu fost il-​ġnus.+ M’hemmx liġi.+

Il-​profeti tagħha ma rċivew l-​ebda viżjoni mingħand Ġeħova.+

י [Jod]

10 Ix-xjuħ taʼ bint Sijon qegħdin bil-​qiegħda maʼ l-​art, fejn jibqgħu siktin.+

Tefgħu t-​trab fuq rashom.+ Tħażżmu bl-​ixkora.+

Il-​verġni taʼ Ġerusalemm niżżlu rashom sa l-​art.+

כ [Kaf]

11 Għajnejja nfnew bid-​dmugħ li xerridt.+ Il-​ġewwieni* tiegħi qed ibaqbaq.+

Fwiedi xxerred maʼ l-​art,+ minħabba t-​tisbita li ħadet bint il-​poplu tiegħi,+

Minħabba li t-​tfal u t-​trabi tal-​ħalib qed iħosshom ħażin fil-​pjazez tal-​belt.+

ל [Lamed]

12 Kienu qed jgħidu lil ommijiethom: “Fejn huma l-​qmuħ u l-​inbid?”+

Għax intelqu bħal maqtulin fil-​pjazez tal-​belt,

Għax bil-​mod il-​mod qed imutu fi ħdan ommhom.

מ [Mem]

13 Liema eżempju nistaʼ nurik? Maʼ xiex se nxebbhek, O bint Ġerusalemm?+

Maʼ xiex se nqabblek, sabiex infarrġek, O verġni, bint Sijon?+

Għax il-​ġerħa tiegħek+ kbira daqs il-​baħar. Min jistaʼ jfejqek?+

נ [Nun]

14 Il-profeti tiegħek raw għalik viżjonijiet fiergħa u bla siwi,+

U ma kixfux l-​iżball tiegħek sabiex jiskansawlek il-​jasar,+

Imma baqgħu jaraw għalik viżjonijiet b’dikjarazzjonijiet bla siwi u qarriqin.+

ס [Samek]

15 Dawk kollha li kienu għaddejjin fit-​triq minn ħdejk ċapċpu.+

Saffru+ u xenglu rashom+ għal bint Ġerusalemm, u staqsew:

“Din hi l-​belt li kienu jgħidulha, ‘Il-​perfezzjoni tas-​sbuħija, ferħ għall-​art kollha’?”+

פ [Pe]

16 L-għedewwa kollha tiegħek fetħu ħalqhom għalik.+

Saffru u qagħdu jgħażżu snienhom.+ Qalu: “Nibilgħuha.+

Dan hu l-​jum li ttamajna għalih.+ Sibnieh! Rajnieh!”+

ע [Għajn]

17 Ġeħova għamel li kellu f’moħħu.+ Wettaq dak li qal,+

Dak li kien ikkmanda minn żmien twil ilu.+ Ġarraf u ma weriex mogħdrija.+

U bik iferraħ lill-​għadu.+ Għolla l-​qarn taʼ l-​avversarji tiegħek.+

צ [Sade]

18 Qalbhom għajtet lil Ġeħova,+ O sur taʼ bint Sijon.+

Xerred id-​dmugħ bħal gelgul lejl u nhar.+

Titħeddilx. Tagħtix mistrieħ lill-​ħabba t’għajnejk.

ק [Kof]

19 Qum! Newwaħ matul il-​lejl meta jkunu se jibdew l-​għases taʼ fil-​għodu.+

Ferraʼ qalbek+ quddiem wiċċ+ Ġeħova bħall-​ilma.

Għolli idejk+ fit-​talb għal ħajjet uliedek,

Li minħabba l-​ġuħ qed iħosshom ħażin f’ras it-​toroq kollha.+

ר [Rex]

20 Ara, O Ġeħova, u ħares+ lejn dak li kkastigajtu b’dan il-​mod.

Għandhom in-​nisa jibqgħu jieklu frotthom, it-​tfal b’saħħithom li wildu?+

Jew għandhom il-​qassis u l-​profeta jinqatlu fis-​santwarju taʼ Ġeħova?+

ש [Xin]

21 It-tifel u x-​xiħ+ imteddew fit-​trab tat-​toroq.+

Ix-​xebbiet u l-​ġuvintur tiegħi mietu bis-​sejf.+

Int qtilthom f’jum ir-​rabja tiegħek.+ Biċċirthom;+ ma kellekx mogħdrija.+

ת [Taw]

22 Bħal f’jum taʼ festa+ int sejjaħt lin-​nies biex jiġu mill-​inħawi kollha fejn jgħixu bħala barranin.

U f’jum il-​korla taʼ Ġeħova ħadd ma ħarab jew baqaʼ ħaj;+

It-​tfal b’saħħithom li kelli u li rabbejt, l-​għadu tiegħi qeridhom għalkollox.+

א [Alef]*

3 Jien ir-​raġel b’saħħtu li ra s-​sofferenza+ minħabba l-​ħatar tar-​rabja qalila tiegħu.

 2 Lili ħa u mexxa fid-​dlam u mhux fid-​dawl.+

 3 Iva, kontrija jdawwar idu kemm-il darba matul il-​jum.+

ב [Bet]

 4 Herrieli laħmi u ġildi.+ Kissirli għadmi.+

 5 Bena ħajt madwari, u dawwarni+ b’ħaxix velenuż+ u tbatija.

 6 Poġġieni bil-​qiegħda f’postijiet mudlama,+ bħal dawk li ilhom mejtin żmien twil.+

ג [Gimel]

 7 Sakkarni bħallikieku b’ħajt tal-​ġebel, sabiex ma noħroġx.+ Rabatni bi rbit tqil tar-​ram aħmar.+

 8 U meta nsejjaħ għall-​għajnuna u ngħajjat għall-​ajjut, it-​talb tiegħi ma jisimgħux.+

 9 Għalaqli triqati b’ġebel minġur.+ Gerfixli mogħdijieti.+

ד [Dalet]

10 Lest għalija bħal ors,+ bħal iljun moħbi.+

11 Ħawwadli triqati, u ġabni ma niswa xejn. Għamilni bħal wieħed abbandunat.+

12 Ħejja l-​qaws tiegħu,+ u mmira l-​vleġġa lejja.+

ה [Ħe]

13 Fil-kliewi daħħalli l-​vleġeġ, ulied il-​barżakka tiegħu.+

14 Għan-nies kollha taʼ kontrija sirt xi ħaġa tad-​daħq,+ sirt it-​tema tal-​kant tagħhom il-​jum kollu.+

15 Xebbagħni b’affarijiet morri.+ Faqagħni bi pjanta morra.*+

ו [Waw]

16 U kissirli snieni biż-​żrar.+ Ġegħelni nitmiegħek fl-​irmied.+

17 Int warrabtni, u b’hekk ruħi ma tistax issib sliem. Jien insejt x’inhu ġid.+

18 U ngħid: “Għabet il-​glorja tiegħi, u ma nistenna xejn iktar minn Ġeħova.”+

ז [Żajin]

19 Ftakar fis-​sofferenza tiegħi u li m’għandix fejn noqgħod,+ fil-​pjanta morra u l-​ħaxix velenuż li niekol.+

20 Żgur li ruħek tiftakar u titbaxxa lejja.+

21 Dan se nibqaʼ nżommu f’moħħi.+ Għalhekk, se nistenna b’attitudni xierqa.+

ח [Ħet]

22 Hu minħabba l-​atti taʼ qalb tajba bl-​imħabba+ taʼ Ġeħova li ma ntemmejniex,+ għax il-​ħniniet tiegħu ma jispiċċawx.+

23 Jiġġeddu kull fil-​għodu.+ Il-​fedeltà tiegħek hi kotrana.+

24 “Ġeħova huwa sehmi,”+ qalet ruħi, “għalhekk se nistennieh b’attitudni xierqa.”+

ט [Tet]

25 Tajjeb Ġeħova maʼ min jittama fih,+ mar-​ruħ li tibqaʼ tfittxu.+

26 Tajjeb li wieħed jistenna,+ iva, fis-​skiet,+ għas-​salvazzjoni taʼ Ġeħova.+

27 Tajjeb għal raġel b’saħħtu li jġorr il-​madmad f’żgħożitu.+

י [Jod]

28 Ħa joqgħod bil-​qiegħda waħdu u jibqaʼ sieket,+ għax hu għabbieh b’din it-​tagħbija.+

29 Ħa jagħmel ħalqu mat-​trab.+ Forsi hemm tama.+

30 Ħa jagħti ħaddejh lil min qed isawtu.+ Ħa jissaporti t-​tmaqdir tiegħu bis-​sħiħ.+

כ [Kaf]

31 Għax Ġeħova mhux se jibqaʼ jwarrabna għal dejjem.+

32 Għax għalkemm nikkitna,+ hu se jurina ħniena skond l-​abbundanza taʼ qalb tajba bl-​imħabba tiegħu.+

33 Għax mhux minn qalbu jgħakkes lil ulied il-​bnedmin jew inikkithom.+

ל [Lamed]

34 Għal wieħed li jgħaffeġ taħt saqajh+ il-​priġunieri kollha taʼ l-​art,+

35 Li jneħħi l-​ġudizzju taʼ raġel minn quddiem wiċċ l-​Iktar Għoli,+

36 Li jċaħħad lil bniedem mill-​ġustizzja f’kawża legali, Ġeħova m’esprimiex approvazzjoni.+

מ [Mem]

37 Min ordna li ssir xi ħaġa u seħħet meta Ġeħova nnifsu ma kkmandax li ssir?+

38 Għax minn fomm l-​Iktar Għoli ma joħorġux affarijiet ħżiena flimkien m’affarijiet tajbin.+

39 Kif jistaʼ bniedem ħaj joqgħod jilmenta,+ raġel b’saħħtu jilmenta minħabba dnubu?+

נ [Nun]

40 Ejjew neżaminaw triqatna u nifluhom,+ u ejjew nerġgħu lura għand Ġeħova.+

41 Ejjew ngħollu qlubna flimkien maʼ idejna fit-​talb lil Alla fis-​smewwiet:+

42 “Aħna dnibna, u aġixxejna b’mod ribelluż.+ Int ma ħfirtx.+

ס [Samek]

43 Minħabba r-​rabja ma ħallejtniex nersqu lejk,+ u komplejt tiġri warajna.+ Int qtilt; ma wrejtx mogħdrija.+

44 Ma ħallejtniex nersqu lejk billi qegħedt ħafna sħab quddiemek,+ sabiex it-​talb ma jgħaddix minnu.+

45 Int tagħmilna rmixk u skart fost il-​popli.”+

פ [Pe]

46 L-għedewwa kollha tagħna fetħu ħalqhom għalina.+

47 Biżaʼ u ħofra għandna issa,+ ħerba u tiġrif.+

48 Minn għajnejja neżlin gliegel taʼ ilma minħabba t-​tiġrif taʼ bint il-​poplu tiegħi.+

ע [Għajn]

49 Għajnejja jċarċru d-​dmugħ u ma jiqfux, ma jistriħux,+

50 Sakemm Ġeħova jħares ’l isfel u jarana mis-​sema.+

51 Għajnejja weġġgħuli ruħi,+ minħabba l-​bniet kollha taʼ belti.*+

צ [Sade]

52 L-għedewwa tiegħi ħarġu jikkaċċjawni qisni xi għasfur,+ għalxejn b’xejn.+

53 Ipprovaw itemmuli ħajti fil-​ħofra,+ u qagħdu jitfgħuli l-​ġebel.

54 L-ilmijiet għattewli rasi.+ Għedt: “Żgur se ninqered!”+

ק [Kof]

55 Sejjaħt ismek, O Ġeħova, minn ħofra mill-​iktar fonda.+

56 Żgur li se tismaʼ leħni.+ Tagħlaqx widnejk għall-​għajta tiegħi għall-​għajnuna, biex isserraħni.+

57 Int ersaqt qrib meta qgħadt insejjaħlek.+ Għedtli: “Tibżax.”+

ר [Rex]

58 Ħadt f’idejk il-​kawża tiegħi,+ O Ġeħova. Fdejtli ħajti.+

59 Int rajt, O Ġeħova, xi ħsara saritli.+ Agħmel il-​ġudizzju għalija.+

60 Int rajt il-​vendetta kollha tagħhom, il-​ħsibijiet kollha li ħasbu kontrija.+

ש [Sin] jew [Xin]

61 Smajt iż-​żebliħ kollu tagħhom, O Ġeħova, il-​ħsibijiet kollha li ħasbu kontrija,+

62 Il-kliem taʼ xofftejn dawk li qamu kontrija+ u t-​tfesfis tagħhom kontrija l-​jum kollu.+

63 Arahom meta joqogħdu bil-​qiegħda u meta jqumu bil-​wieqfa.+ Jien is-​suġġett tal-​kant tagħhom.+

ת [Taw]

64 O Ġeħova, int se troddilhom lura skond għemil idejhom.+

65 Se tagħtihom qalb insolenti,+ is-​saħta tiegħek fuqhom.+

66 Int se tfittixhom bir-​rabja, Ġeħova, u teqridhom għalkollox+ minn taħt smewwietek.+

א [Alef]

4 O kif ittappan id-​deheb li kien ileqq, id-​deheb fin!+

O kif qed jixxerred f’ras it-​toroq kollha+ l-​ħaġar imqaddes!*+

ב [Bet]

 2 L-ulied prezzjużi taʼ Sijon,+ dawk li ntiżnu mad-​deheb irfinut,

O kif m’għadhomx jiswew iktar minn ġarar kbar tal-​fuħħar, xogħol idejn il-​fuħħari!+

ג[Gimel]

 3 Anki x-​xakalli ppreżentaw sidirhom u reddgħu l-​frieħ tagħhom.

Imma bint il-​poplu tiegħi saret kattiva,+ bħan-​ngħam fix-​xagħri.+

ד [Dalet]

 4 Ilsien it-​tarbija tal-​ħalib weħel mas-​saqaf taʼ ħalqha minħabba l-​għatx.+

It-​tfal talbu l-​ħobż.+ M’hemmx min jagħtihulhom.+

ה [Ħe]

 5 Dawk li kienu jieklu affarijiet tajbin inħasdu fit-​toroq.+

Dawk li trabbew bl-​iskarlat+ spiċċaw kellhom iħaddnu l-​gzuz taʼ l-​irmied.+

ו [Waw]

 6 Il-kastig għall-​iżball taʼ bint il-​poplu tiegħi jkun akbar mill-​kastig għad-​dnub taʼ Sodoma,+

Li waqgħet f’waqt wieħed, u li ħadd ma taha daqqa t’id.+

ז [Żajin]

 7 In-Nażiriti+ tagħha kienu iktar puri mill-​borra;+ bojod iktar mill-​ħalib.

Fil-​fatt kienu ħamranin+ iżjed mill-​qroll; kienu llostrati bħaż-​żaffir.+

ח [Ħet]

 8 Id-dehra tagħhom skurat iktar mis-​swidija. Ma ntgħarfux fit-​toroq.+

Il-​ġilda nxtorbot fuq għadamhom.+ Nixfet bħal siġra.

ט [Tet]

 9 Aħjar dawk maqtulin bis-​sejf+ minn dawk maqtulin bil-​ġuħ,+

Għax dawn jinfnew ftit ftit minħabba n-​nuqqas taʼ prodotti tar-​rabaʼ, bħallikieku ġew minfudin.

י [Jod]

10 Idejn in-​nisa ħanina għallew ’l uliedhom stess.+

Dawn saru bħall-​ħobż tal-​konsolazzjoni matul it-​tiġrif taʼ bint il-​poplu tiegħi.+

כ [Kaf]

11 Ġeħova esprima l-​korla kollha tiegħu.+ Ferraʼ r-​rabja taħraq tiegħu.+

U jqabbad nar f’Sijon, li jiklilha l-​pedamenti tagħha.+

ל [Lamed]

12 Is-slaten taʼ l-​art u l-​abitanti kollha taʼ l-​art m’emmnux+

Li l-​avversarju u l-​għadu kellhom jidħlu mill-​bibien taʼ Ġerusalemm.+

מ [Mem]

13 Minħabba d-​dnubiet tal-​profeti tagħha, l-​iżbalji tal-​qassisin tagħha,+

Ġew f’nofsha dawk li xerrdu demm il-​ġusti.+

נ [Nun]

14 Iġġerrew bħal għomja+ fit-​toroq.+ Tniġġsu bid-​demm,+

U għalhekk ħadd ma jistaʼ jmissilhom ħwejjiġhom.+

ס [Samek]

15 “Ersqu min-​nofs! M’intomx nodfa!”+ qalulhom. “Ersqu min-​nofs! Ersqu min-​nofs! Tmissuniex!”+

Għax spiċċaw ma kellhomx fejn joqogħdu.+ U ġġerrew ’l hemm u ’l hawn.+ In-​nies qalu fost il-​ġnus: “Ma jerġgħux jgħixu magħna bħala barranin.+

פ [Pe]

16 Ġeħova xerridhom.+ M’huwiex se jerġaʼ jħares lejhom.+

Il-​qassisin ma jintwerewx konsiderazzjoni.+ Lix-​xjuħ ma jħennux għalihom.”+

ע [Għajn]

17 Sakemm inkomplu neżistu, għajnejna se jibqgħu jinfnew għalxejn waqt li nistennew l-​għajnuna.+

Aħna u nfittxu ’l hemm u ’l hawn dorna lejn ġens li ma jistax isalvana.+

צ [Sade]

18 Qed iqisulna l-​passi tagħna,+ u għalhekk ma nistgħux nimxu fil-​pjazez tagħna.

Tmiemna fil-​qrib. Għalqilna żmienna, għax wasal tmiemna.+

ק [Kof]

19 Eħfef mill-​ajkli tas-​smewwiet kienu dawk li ġrew warajna.+

Fuq il-​muntanji ġrew warajna kemm felħu.+ Fix-​xagħri qagħdu lesti għalina.+

ר [Rex]

20 In-nifs taʼ mnifsejna,+ il-​midluk taʼ Ġeħova,+ inqabad fil-​ħofra kbira tagħhom,+

Dak li dwaru għedna: “Għad-​dell tiegħu+ se ngħixu fost il-​ġnus.”+

ש [Sin]

21 Ifraħ u thenna,+ O bint Edom,+ int li tgħammar fl-​art t’Uż.+

Il-​kies se jgħaddi għal għandek ukoll.+ Se tisker u tinkixef għarwiena.+

ת [Taw]

22 Il-kastig għall-​iżball tiegħek, O bint Sijon, intemm.+ Hu ma jerġax jieħdok fl-​eżilju.+

Se jikkastigak għall-​iżball tiegħek, O bint Edom. Kixiflek dnubietek.+

5 *Ftakar, O Ġeħova, xi ġralna.+ Ħares u ara t-​tmaqdir tagħna.+

 2 Wirtna ngħata f’idejn l-​istranġieri, djarna lill-​barranin.+

 3 Sirna ltiema mingħajr missier.+ Ommijietna qishom romol.+

 4 Kellna noħorġu l-​flus biex nixorbu mill-​ilma tagħna stess.+ Il-​ħatab tagħna stess inħallsu għalih.

 5 Ġrew warajna u għoddhom laħqulna għonqna.+ Għejejna. Ma baqgħalniex mistrieħ.+

 6 Tajna idejna+ lill-​Eġittu;+ lill-​Assirja,+ sabiex nixbgħu bil-​ħobż.

 7 Kienu missirijietna li dinbu.+ Huma m’għadhomx iktar. U aħna tgħabbejna bl-​iżbalji tagħhom.+

 8 Sempliċi qaddejja ħakmu fuqna.+ M’hemm ħadd li jeħlisna minn taħt idejhom.+

 9 Ħobżna nġibuh waqt li nissograw ħajjitna,+ minħabba s-​sejf fix-​xagħri.

10 Il-ġilda tagħna saret taħraq bħal forn, minħabba l-​weġgħat tal-​ġuħ.+

11 F’Sijon umiljaw lin-​nisa miżżewġin,+ u lill-​verġni fil-​bliet taʼ Ġuda.

12 Lill-prinċpijiet dendluhom minn id waħda biss.+ Wiċċ ix-​xjuħ ma ġiex onorat.+

13 Anki l-​ġuvintur qabdu l-​mitħna taʼ l-​idejn,+ u s-​subien tfixklu mgħobbijin bil-​ħatab.+

14 M’għadx hemm xjuħ f’bieb il-​belt,+ u lanqas żgħażagħ idoqqu l-​istrumenti tagħhom.+

15 Il-ferħ taʼ qalbna għab. Iż-​żfin tagħna nbidel f’niket.+

16 Il-kuruna taʼ fuq rasna waqgħet.+ Gwaj għalina issa għax dnibna!+

17 Minħabba dan qalbna mardet.+ Minħabba dawn l-​affarijiet għajnejna ċċajprulna,+

18 Minħabba li l-​muntanja taʼ Sijon saret ħerba;+ il-​volpijiet jiġġerrew fuqha.+

19 U int, O Ġeħova, se toqgħod fuq it-​tron tiegħek għal dejjem.+ It-​tron tiegħek jibqaʼ minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+

20 Għala se tibqaʼ tinsiena għal dejjem,+ titlaqna għal kemm itul iż-​żmien?+

21 Reġġagħna lura,+ O Ġeħova, lejk, u aħna niġu mill-​ewwel. Ġibilna jiem ġodda bħal dawk li kellna żmien twil ilu.+

22 Madankollu, int ċħadtna għalkollox.+ Int għadabt ħafna għalina.+

Bl-Ebrajk, dan il-​ktieb hu msemmi bil-​kelma li jiftaħ biha, jiġifieri, Ekka!, li tfisser “Kif!” L-​isem bil-​Malti ġej mill-​kelma Latina Lamentationes li tfisser “Għanjiet taʼ Niket; Tinwiħ.”

Dan il-​kapitlu huwa għanja taʼ niket f’forma akrostika, jew skond l-​alfabet Ebrajk, bi 22 sezzjoni li taqbel mat-​22 ittra taʼ l-​alfabet Ebrajk. Kull sezzjoni li jkun imiss tibda bl-​ittra li jkun imiss taʼ l-​alfabet Ebrajk bħalma hu indikat fil-​bidu taʼ kull sezzjoni.

Letteralment, “l-​imsaren.” Dawn kienu jitqiesu bħala l-​post fejn jinsabu l-​iktar emozzjonijiet profondi.

Ara l-​1Sa 2:1, in-​nota taʼ taħt.

Is-Sabat kien minn inżul ix-​xemx tal-​Ġimgħa sa nżul ix-​xemx tas-​Sibt. Ara Eżo 16:23, in-​nota taʼ taħt.

Ara La 1:20, in-​nota taʼ taħt.

Kull linja f’kull sezzjoni taʼ dan il-​kapitlu tibda bl-​istess ittra Ebrajka skond l-​ordni alfabetiku; is-​sezzjoni Pe (versi 46-48) qiegħda qabel is-​sezzjoni Għajn (versi 49-51).

Letteralment, “assenzju.”

Jew, “il-​bliet kollha li jiddependu minn belti.”

Jew, “il-​ġebel tas-​santwarju.”

Dan il-​kapitlu m’huwiex akrostiku skond l-​alfabet, bħall-​erbaʼ kapitli taʼ qablu, imma xorta għandu 22 vers daqs l-​alfabet Ebrajk li għandu 22 ittra.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja