L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni
11 Issa kien hemm raġel marid minn Betanja jismu Lazzru. Ħutu Marija u Marta wkoll kienu joqogħdu f’dan ir-raħal. 2 Din kienet Marija li ferrgħet żejt ifuħ fuq il-Mulej u mesħitlu saqajh b’xagħarha. Kien ħuha Lazzru li kien ma jiflaħx. 3 Għalhekk, ħutu bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, il-ħabib tal-qalb tiegħek ma jiflaħx.” 4 Imma meta Ġesù semaʼ dan, qal: “Din il-marda m’għandhiex twassal għall-mewt, imma għall-glorja t’Alla, ħalli jien, l-Iben t’Alla, niġi gglorifikat permezz tagħha.”
5 Ġesù kien iħobbhom lil Marta, lil Marija, u lil Lazzru. 6 Imma meta semaʼ li Lazzru kien marid, hu baqaʼ jumejn oħra fejn kien qiegħed. 7 Wara qal lid-dixxipli: “Ejja nerġgħu mmorru l-Lhudija.” 8 Dawn qalulu: “Rabbi,* il-Lhud għadhom kif kienu qed jipprovaw joqtluk bil-ġebel, u int se terġaʼ tmur hemm?” 9 Ġesù wieġeb: “F’ġurnata hemm 12-il siegħa dawl, hux hekk? Jekk xi ħadd jimxi fid-dawl, hu ma jitfixkel f’xejn, għax jara d-dawl taʼ din id-dinja. 10 Imma jekk xi ħadd jimxi billejl, hu jitfixkel għax m’għandux id-dawl fih.”
11 Imbagħad qalilhom: “Il-ħabib tagħna Lazzru raqad, imma jien sejjer hemm biex inqajmu.” 12 Id-dixxipli qalulu: “Mulej, jekk qed jistrieħ, jgħaddilu.” 13 Però Ġesù ried jgħid li Lazzru miet. Imma huma ħasbu li kien sempliċement rieqed. 14 Imbagħad Ġesù qalilhom b’mod ċar: “Lazzru miet, 15 u jien ferħan li ma kontx hemm, għax b’hekk il-fidi tagħkom se tissaħħaħ. Imma issa ejja mmorru.” 16 Għalhekk Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, qal lid-dixxipli sħabu: “Ejja mmorru aħna wkoll, ħalli mmutu maʼ Ġesù.”
17 Meta Ġesù wasal, Lazzru kien diġà ilu erbat ijiem fil-qabar.* 18 Issa Betanja kienet biss madwar tliet kilometri* ’l bogħod minn Ġerusalemm. 19 Ħafna Lhud kienu marru għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. 20 Meta Marta semgħet li kien ġej Ġesù, hi marret tiltaqaʼ miegħu, imma Marija baqgħet id-dar. 21 Imbagħad Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut. 22 Imma xorta nemmen li kulma titlob lil Alla, jagħtihulek.” 23 Ġesù qalilha: “Ħuk se jqum.” 24 Marta qaltlu: “Naf li se jqum meta jsir l-irxoxt fl-aħħar jum.” 25 Ġesù qalilha: “Jien l-irxoxt u l-ħajja. Min juri fidi fija, għalkemm imut, jerġaʼ jgħix. 26 U kull min hu ħaj u juri fidi fija, qatt ma jmut. Temmnu dan?” 27 Qaltlu: “Iva Mulej, jien nemmen li int il-Kristu, l-Iben t’Alla, il-wieħed li kellu jiġi fid-dinja.” 28 Wara li qalet hekk, marret tgħajjat lil oħtha Marija u qaltilha minn taħt l-ilsien: “Hawn l-Għalliem u qed jistaqsi għalik.” 29 Meta semgħet dan, hi qamet malajr u marret ħdejh.
30 Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma kien qiegħed fejn iltaqgħet miegħu Marta. 31 Il-Lhud li kienu għadhom id-dar maʼ Marija biex ifarrġuha rawha tqum malajr u toħroġ. Għalhekk huma marru warajha għax assumew li kienet sejra ħdejn il-qabar* tibki. 32 Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu, mielet ħdejn saqajh u qaltlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut.” 33 Meta Ġesù ra lilha u l-Lhud li kienu magħha jibku, hu ħass ħafna għalihom* u għamel id-dwejjaq. 34 Imbagħad qal: “Fejn qegħedtuh?” Qalulu: “Ejja ħa nuruk, Mulej.” 35 Ġesù qabiżlu d-dmugħ. 36 Xħin raw dan, il-Lhud bdew jgħidu: “Kemm kien iħobbu!” 37 Imma xi wħud minnhom qalu: “La fejjaq raġel li ma jarax, ma setax jagħmel xi ħaġa biex Lazzru ma jmutx?”
38 Imbagħad Ġesù reġaʼ ħassu mdejjaq u mar ħdejn il-qabar.* Dan kien għar u kien magħluq b’ġebla. 39 Ġesù qal: “Neħħu l-ġebla.” Marta, oħt dak li kien miet, qaltlu: “Mulej, s’issa żgur niten għax ilu erbat ijiem.” 40 Ġesù qalilha: “M’għedtlekx jien li jekk temmen tara l-qawwa kbira* t’Alla?” 41 Wara li neħħew il-ġebla, Ġesù ħares lejn is-sema u qal: “Missier, grazzi talli smajtni. 42 Naf li dejjem tismagħni, imma qed ngħid hekk minħabba l-folla taʼ madwari, ħalli jemmnu li int bgħattni.” 43 Wara hu qal b’leħen għoli: “Lazzru oħroġ!” 44 Dak li qabel kien mejjet ħareġ b’saqajh u jdejh infaxxati, u wiċċu kien mgħotti b’ċarruta. Ġesù qalilhom: “Neħħuhomlu ħalli jkun jistaʼ jimxi.”
45 Għalhekk ħafna mil-Lhud li kienu marru għand Marija u raw x’għamel, bdew juru fidi fih. 46 Imma xi wħud minnhom marru għand il-Fariżej u qalulhom x’kien għamel Ġesù. 47 Għalhekk, il-qassisin importanti u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u qalu: “X’se nagħmlu, għax dan ir-raġel qed jagħmel ħafna mirakli? 48 Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jibda juri fidi fih, u jiġu r-Rumani u jiħdulna t-tempju* u l-poplu tagħna.” 49 Imma Kajfa, wieħed minnhom, li dik is-sena kien il-qassis il-kbir, qalilhom: “Intom ma tafu assolutament xejn. 50 M’intomx tindunaw li hu għall-ġid tagħkom li raġel wieħed imut għall-poplu minflok ma jinqered il-poplu kollu?” 51 Dan ma qalux skont dak li kien qed jaħseb hu. Imma peress li kien il-qassis il-kbir dik is-sena, hu pprofetizza li Ġesù kien se jmut għall-poplu, 52 u mhux biss għall-poplu, imma biex jiġbor flimkien lit-tfal t’Alla li huma mxerrdin. 53 Għalhekk, minn dakinhar bdew jiftiehmu biex joqtluh.
54 Għalhekk, Ġesù ma baqax imur f’postijiet fejn setgħu jarawh ħafna nies,* imma telaq minn hemm lejn post viċin id-deżert, f’belt jisimha Efrajm, u baqaʼ hemm mad-dixxipli. 55 Issa kien wasal iż-żmien għall-festa tal-Qbiż tal-Lhud, u ħafna nies mill-kampanja telgħu lejn Ġerusalemm biex jitnaddfu b’mod ċerimonjali qabel il-Qbiż. 56 Huma bdew ifittxu lil Ġesù u waqt li kienu fit-tempju bdew jgħidu lil xulxin: “Int x’taħseb? Tgħid veru li mhux se jiġi għall-festa?” 57 Imma l-qassisin importanti u l-Fariżej kienu taw kmand li jekk xi ħadd isir jaf fejn hu Ġesù, għandu jgħidilhom ħalli jkunu jistgħu jarrestawh.*