Ġenesi
3 Issa s-serp kien l-iktar wieħed attent* mill-annimali slavaġ kollha li kien għamel Alla Ġeħova. Għalhekk qal lill-mara: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-ġnien?” 2 U l-mara qalet lis-serp: “Nistgħu nieklu mill-frott tas-siġar tal-ġnien, 3 imma dwar il-frott tas-siġra li qiegħda f’nofs il-ġnien, Alla qalilna, ‘Ma tistgħux tieklu minnu, le, ma tistgħux tmissuh; inkella tmutu.’” 4 Għal dan is-serp qal lill-mara: “Żgur li ma tmutux. 5 Għax Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu, għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tafu t-tajjeb u l-ħażin.”
6 Minħabba f’hekk, il-mara rat li l-frott tas-siġra kien tajjeb għall-ikel u li kien jiġbed l-għajn, iva, il-frott tas-siġra kien ipaxxi l-għajn.* Għalhekk, hi ħadet mill-frott u kilitu. Wara dan, hi tat ukoll lil żewġha meta kien magħha u beda jieklu. 7 Imbagħad it-tnejn li huma nfetħulhom għajnejhom, u rrealizzaw li kienu għarwenin. B’hekk, ħietu weraq tat-tin flimkien biex jgħattu madwar ġenbejhom.
8 Iktar tard, semgħu leħen Alla Ġeħova waqt li kien miexi fil-ġnien fil-ħin tal-jum meta tkun għaddejja ż-żiffa, u r-raġel u martu nħbew minn wiċċ Alla Ġeħova qalb is-siġar tal-ġnien. 9 U Alla Ġeħova baqaʼ jgħajjat lir-raġel u jgħidlu: “Fejn int?” 10 Fl-aħħar wieġbu: “Smajt leħnek fil-ġnien, imma bżajt għax kont għarwien, u għalhekk inħbejt.” 11 Għal dan qallu: “Min qallek li kont għarwien? Jaqaw kilt mill-frott tas-siġra li kkmandajtek biex ma tikolx minnu?” 12 Ir-raġel qallu: “Il-mara li tajtni biex tkun miegħi tatni l-frott mis-siġra, allura kiltu.” 13 Imbagħad Alla Ġeħova qal lill-mara: “X’għamilt?” Il-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, allura kilt.”
14 Għalhekk, Alla Ġeħova qal lis-serp: “Talli għamilt dan, int misħut fost l-annimali mansi kollha u fost l-annimali slavaġ kollha. Fuq żaqqek titkaxkar u tiekol it-trab il-jiem kollha taʼ ħajtek. 15 U nqanqal mibegħda* bejnek u bejn il-mara u bejn id-dixxendenti tiegħek* u d-dixxendent tagħha.* Hu jgħaffiġlek* rasek u int tweġġgħu* f’għarqubu.”
16 Lill-mara qalilha: “Se nżidlek ħafna l-uġigħ tat-tqala; bl-uġigħ se twelled lit-tfal tiegħek, u xewqtek tkun għal żewġek, u hu jiddominak.”
17 U lil Adam* qallu: “Talli smajt minn kliem martek u kilt mill-frott tas-siġra li dwaru tajtek il-kmand, ‘Ma tistax tiekol minnu,’ misħuta tkun l-art minħabba fik. Ikollok titħabat biex* tiekol il-prodott tagħha matul il-jiem kollha taʼ ħajtek. 18 Xewk u għollieq tnibbitlek, u int tiekol il-ħaxix tagħha. 19 Bl-għaraq u bit-tbatija tiekol ħobżok* sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha kont meħud. Għax trab int u trab terġaʼ ssir.”
20 Wara dan, Adam semma lil martu Eva,* għax kienet se ssir omm il-ħajjin kollha. 21 U Alla Ġeħova għamel ilbiesi twal mill-ġilda tal-annimali għal Adam u għal martu biex ilibbishom. 22 Imbagħad Alla Ġeħova qal: “Il-bniedem sar bħal wieħed minna jaf it-tajjeb u l-ħażin. Issa se jkolli nagħmel xi ħaġa biex ma jiħux ukoll il-frott mis-siġra tal-ħajja u jiekol u jgħix għal dejjem.”* 23 Għalhekk, Alla Ġeħova keċċieh mill-ġnien tal-Għeden biex jikkultiva l-art li kien meħud minnha. 24 B’hekk, keċċa lill-bniedem ’il barra, u fil-Lvant tal-ġnien tal-Għeden qiegħed il-kerubini u x-xafra taqbad taʼ xabla li kienet iddur kontinwament biex jgħassu t-triq lejn is-siġra tal-ħajja.